Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva biex tappoġġja t-Tkabbir Blu permezz tal-ġestjoni sostenibbli taż-żoni tal-baħar u tal-kosta

European Commission - IP/13/222   13/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Marzu 2013

Il-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva biex tappoġġja t-Tkabbir Blu permezz tal-ġestjoni sostenibbli taż-żoni tal-baħar u tal-kosta

Illum il-Kummissjoni nediet proposta biex ittejjeb l-ippjanar tal-attivitajiet marittimi fil-baħar u l-ġestjoni taż-żoni kostali. Il-proposta – li tieħu l-forma ta’ abbozz ta’ direttiva– timmira li tistabbilixxi qafas Ewropew komuni għall-ippjanar tal-ispazju marittimu u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali fl-Istati Membri tal-UE, bil-ħsieb li tiżgura li t-tkabbir tal-attivitajiet marittimi u kostali u l-użu tar-riżorsi fil-baħar u fuq il-kosta jibqgħu sostenibbli.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki qalet: "Illum qed nipproponu pass ġdid għall-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni Ewropea u qed noffru għodda ġdida għall-Istrateġija tagħna għat-Tkabbir Blu. Billi tiffaċilita l-iżvilupp sostenibbli u l-investimenti fil-baħar, id-Direttiva se tikkontribwixxi biex jitwettaq il-potenzjal tal-Ekonomija Blu tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi".

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għal ambjent b'saħħtu u kundizzjonijiet ta' għajxien aħjar għall-200 miljun ċittadin tal-UE li jgħixu fir-reġjuni kostali. Għandha tgħin ukoll biex tippreserva l-linji tal-kosta u l-ekosistemi uniċi u diversi li joffru ħabitats imprezzabbli għall-pjanti u l-annimali"

L-attivitajiet umani u ekonomiċi bħall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, il-kejbil ta' taħt il-baħar u r-rotot tal-pipeline, it-trasport marittimu, is-sajd u l-akkwakultura qed jiżdiedu fl-ilmijiet marittimi u fiż-żoni kostali, iżda n-nuqqas kbir ta’ koordinazzjoni jista' jwassal għal kompetizzjoni għall-ispazju u joħloq pressjoni fuq ir-riżorsi siewja. L-azzjoni proposta se teħtieġ li l-Istati Membri jfasslu mappa ta’ dawn l-attivitajiet fi pjanijiet tal-ispazju marittimu sabiex jużaw l-ibħra b’mod aktar effiċjenti, u jiżviluppaw strateġiji ta’ ġestjoni kostali li se jikkoordinaw il-miżuri mal-oqsma ta' politika differenti li japplikaw għall-attivitajiet fiż-żoni kostali. Filwaqt li jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi proposti mid-Direttiva, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ippjanar marittimu u l-ġestjoni kostali marittimi tagħhom jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli, filwaqt li jinvolvu l-partijiet interessati rilevanti u jikkooperaw mal-istati ġirien.

L-applikazzjoni koerenti tal-ippjanar tal-ispazju marittimu u l-ġestjoni integrata taż-żona kostali għandhom itejbu l-koordinazzjoni bejn l-attivitajiet ibbażati fuq l-art u dawk ibbażati fil-baħar. It-titjib fil-koordinazzjoni jista’ joħloq benefiċċji f'oqsma bħal, pereżempju, il-konnessjoni tal-istallazzjonijiet tar-riħ lil hinn mill-kosta mal-grilji tal-enerġija fuq l-art, jew ix-xogħol fuq l-infrastruttura għall-ħarsien tal-linji tal-kosta kontra l-erożjoni u t-tibdil fil-klima li jaffettwaw ukoll l-attivitajiet fl-ilmijiet kostali.

L-użu ta' strument uniku biex jibbilanċja l-interessi kollha għandu wkoll iżid iċ-ċertezza għall-investituri u jnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, filwaqt li jippreserva s-servizzi tal-ekosistemi. Bħalissa, f'xi pajjiżi wieħed irid jikkuntattja sa tmien aġenziji amministrattivi qabel ma jikseb il-permess għal sit tal-akkwakultura. Permezz tal-prinċipju ta' one-stop-shop propost fid-Direttiva, din il-kumplessità amministrattiva se tiġi eliminata u b’hekk jiġu ffrankati l-ħin u l-flus. Huwa stmat li ż-żieda fiċ-ċertezza kummerċjali u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv se jwasslu għal benefiċċji ekonomiċi li jammontaw għal massimu ta’ EUR 1.6 biljun mal-UE kollha, partikolarment għall-SMEs. Studji wrew ukoll li, pereżempju, l-aċċellerazzjoni tal-investimenti fl-attività marbuta mal-parks eoliċi u mal-akkwakultura tista' tiġġenera bejn EUR 60 miljun għal aċċellerazzjoni ta' sena u EUR 600 miljun għal aċċellerazzjoni ta' tliet snin sal-2020.

Kuntest

L-Unjoni Ewropea qed timmira li ssir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva sal-2020. Is-setturi marittimi joffru possibbiltajiet ta’ innovazzjoni, tkabbir sostenibbli u impjieg li għandhom jikkontribwixxu għal dan il-għan. Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar it-Tkabbir Blu: Opportunitajiet ta’ tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu (ara IP/12/955), il-proposta tal-lum hija parti essenzjali minn din l-ambizzjoni għall-iżvilupp tal-Ekonomija Blu tal-Ewropa.

L-ippjanar tal-ispazju marittimu huwa proċess trasparenti u komprensiv imsejjes fuq l-involviment tal-partijiet interessati, u fuq l-analiżi u l-ippjanar taż-żmien u tal-post fejn għandhom isiru l-attivitajiet tal-bniedem fil-baħar. L-għan huwa li jiġi identifikat l-aktar użu effiċjenti u sostenibbli tal-ispazju marittimu fil-preżent u fil-ġejjieni. Fl-2008, il-Kummissjoni ppubblikat il-“Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu: Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE” segwit minn Komunikazzjoni tal-2010 “L-ippjanar spazjali marittimu fl-UE – Kisbiet u Żviluppi Futuri”, li ħejjew it-triq għall-proposta tal-lum.

Il-proposta għandha tiżgura li l-attivitajiet ekonomiċi jitqiesu fil-protezzjoni tar-riżorsi naturali fi stadju bikri, kif ukoll ir-riskji marbuta mat-tibdil fil-klima u l-perikli naturali li jagħmlu liż-żoni kostali ferm vulnerabbli. Dan għandu benefiċċji ekonomiċi billi r-riżorsi naturali huma bażi essenzjali għal attivitajiet bħalma huma s-sajd u l-akkwakultura, li jiddependu fuq ibħra nodfa. Dawn l-għodod ġodda se jgħinu wkoll biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE bħad-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima u d-Direttiva dwar il-Ħabitats.

Il-ġestjoni integrata taż-żona kostali hija għodda biex tikkoordina l-proċessi kollha ta' politika li jaffettwaw iż-żona kostali, filwaqt li tindirizza l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar b'mod ikkoordinat bil-ħsieb li tiżgura l-iżvilupp sostenibbli tagħhom. Din tiżgura li d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni jew l-iżvilupp jittieħdu b'mod koerenti fis-setturi kollha. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2002 dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali tiddefinixxi l-prinċipji ta’ ġestjoni u ppjanar sodi taż-żona kostali u l-aħjar mod kif dawn jistgħu jiġu implimentati. L-UE hija wkoll parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta' Barċellona, li waqqfet Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali li daħal fis-seħħ f’Marzu 2011, u li permezz tiegħu il-ġestjoni integrata taż-żona kostali saret obbligatorja għall-Istati Membri li jmissu mal-Mediterran.

Il-proposta tal-Kummissjoni issa se titqies mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew. Ladarba tiġi adottata, l-inizjattiva l-ġdida ssir liġi tal-UE.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/13/210

http://ec.europa.eu/environment/iczm/home.htm

http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/maritime_spatial_planning/index_mt.htm

Kuntatti:

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21) - Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)

Joe Hennon (+32 2 295 35 93) - Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website