Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Marzu 2013

Is-suq li qed jikber tad-drogi illeċiti tal-UE juri l-impatt tal-kriżi

Skont is-sejbiet ta’ studju li ġie ppubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea, il-kriżi ekonomika hija mistennija li jkollha impatt kbir fuq is-suq tad-droga, pereżempju permezz ta' żieda fid-domanda għal drogi illeċiti. L-istudju tal-lum juri li aktar żgħażagħ huma mistennija li jbiegħu u saħansitra jipproduċu d-drogi - speċjalment il-kannabis li titkabbar fid-dar - biex ikun jistgħu jagħmlu l-flus. Iżda l-kriżi ekonomika mistennija wkoll li twassal għal tnaqqis fil-baġits iddedikati għall-politika dwar id-droga, b'mod partikulari għall-kura u għal miżuri li jnaqqsu l-ħsara.

"L-istudju tal-lum tfakkira għall-Ewropa: biex titnaqqas il-provvista tad-droga u jitrażżan it-traffikar, jeħtieġ li nnaqqsu l-għadd ta' min juża d-droga, permezz tal-prevenzjoni, iżda wkoll permezz tal-kura," qalet il-Viċi President Reding, li hija wkoll il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Il-provvista qed issegwi d-domanda u biż-żieda ta' aktar nies li jużaw id-droga, is-suq ta-drogi illeċiti qiegħed jikber. Din hija r-raġuni għaliex, aktar tard din is-sena, beħsiebni nipproponi leġiżlazzjoni aktar b’saħħitha dwar is-sustanzi psikoattivi u dwar it-traffikar tad-drogi illeċiti. Jeħtieġ li naġixxu fil-livell tal-UE u nipproteġu lit-tfal tagħna."

Skont il-EMCDDA, sustanzi prsikoattivi ġodda qegħdin kulma jmur isiru iktar problema. Total ta' 49 sustanza psikoattiva ġdida kienu notifikati uffiċjalment għall-ewwel darba fl-2011 permezz tas-sistema ta' allert tal-UE. Dan jirrappreżenta l-akbar għadd ta' sustanzi li qatt ġew irrappurtati f'sena waħda, iktar minn 41 sustanza rrappurtati fl-2010 u 24 fl-2009. U skont informazzjoni preliminari għall-2012 ma jidhirx li hemm xi sinjal ta' tnaqqis, b'aktar minn 50 sustanza li diġà ġew identifikati.

Filwaqt li l-użu tad-"drogi tradizzjonali bħall-kokaina, l-eroina u l-ecstasy huwa b'mod ġenerali stabbli, fis-suq tad-drogi illeċiti qed jidħlu drogi ġodda hekk kif min jitraffika qed jieħu vantaġġ fuq kimiċi li mhumiex regolati internazzjonalment. Dawn id-drogi qegħdin kulma jmur isiru iktar disponibbli fuq l-internet u tferrxu b'mod rapidu f'bosta Stati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex iżommu l-bejgħ tagħhom.

Fis-suq qed jidħlu aktar drogi ġodda. Matul dawn l-aħħar sentejn, kull ġimgħa tfaċċat sustanza ġdida. L-Istati Membri ma jistgħux waħedhom iwaqqfu t-tixrid tad-drogi: miżuri ta' trażżin fil-livell nazzjonali jista' faċilment iwassal lill-kriminali biex imexxu l-produzzjoni tad-droga f'pajjiżi ġirien jew inkella jbiddlu r-rotot ta' traffikar.

F'Jannar il-Kummissjoni pproponiet projbizzjoni tal-UE kollha tad-droga li tixbaħ l-amfetamina, il-4-MA (ara IP/13/75), wara li fl-2010 rnexxielha tipprojbixxi b'suċċess id-droga li tixbaħ l-estacy, il-mefedron (ara l-MEMO/10/646). Fil-25 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret reviżjoni sħiħa tar-regoli tal-UE biex ikunu miġġielda d-drogi illeċiti, b;mod partikulari s-sustanzi psikoattivi ġodda li jimitaw l-effetti tad-drogi perikolużi bħall-ecstacy jew il-kokaina u qed ikunu dejjem aktar ta' problema (IP/11/1236). Matul l-2013 hija mistennja proposta leġiżlattiva.

L-istudju tal-lum joffri wkoll għarfien rigward l-impatt tal-politiki li għandhom fil-mira l-użu tad-droga jew il-provvista tad-drogi u rigward l-operazzjonijiet tas-swieq tad-drogi illeċiti tal-UE, u jiżvela li l-internet qed isir dejjem aktar importanti għad-distribuzzjoni tad-drogi. Hu jipprovdi wkoll analiżi dettaljata tad-daqs tas-suq għal ċerti drogi illeċiti u jevalwa l-profitt li jiġġeneraw. Jikkalkula li fl-2010 id-daqs tas-suq tal-kannabis tal-UE, l-aktar droga użata mill-Ewropej, laħaq il-valur ta’ bejn EUR 7 biljun u EUR 10 biljun. Dawk li jużaw il-kannabis b’mod intensiv jammontaw għal frazzjoni żgħira (bejn 5 % u 25 %, skont x’ikun il-pajjiż), iżda huma responsabbli għall-biċċa l-kbira (bejn 55 % u 77 %) tal-ammont totali ta’ kannabis li tiġi kkunsmata fis-sena. Dan l-istudju jikkonferma wkoll li l-infurzar ta' liġijiet kontra l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kannabis iżid b’mod drammatiku l-prezz ta’ din id-droga. Dan għaliex il-produtturi u t-traffikanti jippretendu kumpens talli jkunu qed jirriskjaw li jiġu arrestati, li jintefgħu l-ħabs, li tiġi ssekwestrata l-merkanzija tagħhom u li jiġu midruba b’mod vjolenti, kif ukoll għall-ispejjeż marbuta man-neċessità li jridu joperaw bil-moħbi.

Sfond

Dan l-istudju huwa segwitu ta’ studju preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea, li ppreżenta analiżi tal-iżviluppi tas-swieq tad-drogi illeċiti fuq livell dinji, tal-problemi tad-drogi u tar-reazzjonijiet għall-politiki dwar id-drogi fil-perjodu ta’ bejn l-1998 u l-2007.

Din il-ħidma ġiet ikkummissjonata minn Trimbos Institute u minn Rand Europe u ġiet iffinanzjata fil-qafas tal-programm dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha (il-programm ISEC). Il-programm ISEC għandu baġit ta’ EUR 600 miljun għall-perjodu ta’ bejn l-2007 u l-2013 u jikkontribwixxi għas-sigurtà taċ-ċittadini permezz ta’ proġetti li jipprevjenu l-kriminalità u li jiġġieldu kontriha.

Il-politika dwar id-droga hija fil-biċċa l-kbira r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali tal-UE li huma fl-aħjar pożizzjoni li jagħmlu dawk l-għażliet li l-aħjar jaqblu mal-kultura lokali u l-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi. Iżda waħedhom il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jittrattaw il-problema tad-droga b'mod effettiv. Il-Kummissjoni għalhekk għandha parti ċentrali f'li tikkoordina l-miżuri biex jitnaqqas l-użu ta-drogi illeċiti u jkun miġġieled it-traffikar tad-droga.

It-tweġiba tal-UE għad-droga hija mniżżla fl-EU Drugs Strategy 2005-2012, EU Drugs Strategy 2013-2020 u fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi li jkopri l-perjodu 2009-2012.

Aktar tagħrif

Ir-Rapport: Further insights into aspects of the EU illicit drugs market:

http://ec.europa.eu/justice/anti-drugs/document/index_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea - Politika dwar il-kontroll tad-droga:

http://ec.europa.eu/justice/anti-drugs/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site