Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Marzu 2013

Il-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda biex jissaħħu d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret pakkett ta' miżuri li jiżguraw li l-passiġġieri tal-ajru jkollhom drittijiet ġodda u mtejba biex jiksbu l-informazzjoni, li jiġu indukrati u jingħataw rotta ġdida jekk jitħallew l-art. Fl-istess ħin, se jkun hemm proċeduri mtejba biex idaħħlu l-ilmenti tagħhom u miżuri ta' infurzar li jiżguraw li l-passiġġieri jiksbu b'mod reali d-drittijiet li huma intitolati għalihom.

Il-proposta dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru tiċċara ċerti ambigwitajiet legali u tintroduċi drittijiet ġodda fejn hemm bżonn, għal-lista sħiħa ara MEMO/13/203.

Il-Viċi President Siim Kallas qal "Huwa importanti ħafna li d-drittijiet tal-passiġġieri ma jkunux biss fuq il-karta. Ilkoll kemm aħna rridu nkunu nistgħu niddependu fuqhom fil-ħin tal-aktar bżonn - meta l-affarijiet ma jimxux ħarir. . Nafu x'inhi l-prijorità vera tal-passiġġieri meta jisfaw imwaħħlin f'ajruport: ikollhom seba' mitt sena biex jaslu d-dar. Allura l-mira tagħna hija li nagħtuhom l-informazzjoni, l-indukrar u li jitpoġġew fuq ajruplan ieħor lejn id-destinazzjoni tagħhom. Il-mira hija li nwasslu lill-passiġġieri fejn iridu jmorru kemm jista' jkun malajr filwaqt li l-kumpaniji tal-ajru jkollhom il-ħin li jeħtieġu biex isolvu l-problemi."

Il-proposta taġġorna d-drittijiet tal-passiġġieri f'erba' oqsma ewlenin:

1. Il-Kjarifika tal-Ambigwitajiet: id-dritt tal-informazzjoni dwar dewmien jew kanċellazzjoni tat-titjiriet; ċirkustanzi straordinarji; drittijiet marbutin ma' ttardjar fit-tul fl-ajruport u dewmien fir-runway; l-ippjanar għall-kontinġenzi; id-drittijiet li jinsabu titjiriet alternattivi u d-drittijiet dwar it-titjiriet ta' konnessjoni.

2. Drittijiet ġodda: fil-każ ta' bidliet fl-iskedi; ta' ismijiet miktubin ħażin; drittijiet ġodda rigward bagalji li jintbagħtu ħażin u rekwiżiti ta' trasparenza għall-bagalji li jiddaħħlu fl-istiva u dawk li jġorru magħhom fil-kabina l-passiġġieri.

3. L-Infurzar, il-Proċeduri għall-Ilmenti u s-Sanzjonijiet: it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' kumpaniji tal-ajru mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej (monitoraġġ u investigazzjonijiet konġunti); kif ukoll għat-trattament tal-ilmenti u l-infurzar tad-drittijiet tal-individwi (li jinkludu l-kundizzjoni li l-kumpaniji tal-ajru jwieġbu għall-ilmenti fi żmien xahrejn); il-falliment.

4. Piż Finanzjarju Sproporzjonat: il-limiti tal-għajnuna; il-limiti għall-operazzjonijiet reġjonali; it-tqassim tal-piż ekonomiku.

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website