Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 12 ta' Marzu 2013

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014: Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-partiti politiċi jinnominaw kandidat għall-President tal-Kummissjoni

Il-partiti politiċi għandhom jinnominaw kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea fl-elezzjonijiet Ewropej li jmiss u għandhom juru l-affiljazzjoni tagħhom ma' partit politiku Ewropew, skont rakkomandazzjoni adottata llum mill-Kummissjoni Ewropea. Il-proposti għandhom l-għan li jinfurmaw aħjar lill-votanti dwar il-kwistjonijiet kruċjali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena li jmiss, li jinkoraġixxu dibattitu madwar l-Ewropa kollha u li fl-aħħar mill-aħħar itejbu l-parteċipazzjoni tal-votanti. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tistieden lill-Istati Membri biex jaqblu fuq data komuni għall-votazzjoni fl-elezzjonijiet, tradizzjonalment mifruxa fuq perjodu ta' erbat ijiem.

"L-Ewropa ma tistax tinbena mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Ewropej. Huwa essenzjali li ċ-ċittadini jagħtu l-opinjoni tagħhom hekk kif l-Unjoni Ewropea tiżviluppa u timxi 'l quddiem," qalet Viviane Reding, Viċi President u l-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Ir-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-lum se jgħinu biex tissaħħaħ il-vuċi tal-poplu f'demokrazija Ewropea u sabiex l-elezzjonijiet Ewropej tas-sena d-dieħla jkunu verament dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa."

Il-Viċi President Maroš Šefčovič, responsabbli għall-Amministrazzjoni u r-Relazzjonijiet Interistituzzjonali, qal: "Ninsab konvint li din ir-rakkomandazzjoni, flimkien mal-proposta tagħna għat-tisħiħ tal-effettività tal-partiti politiċi Ewropej, verament se tgħin biex jiġi stimulat l-interess tal-votant fl-elezzjonijiet Ewropej. Din għandha tkun ħaġa tajba sabiex ġenwinament tinkoraġġixxi dibattiti pan-Ewropej u għad-demokrazija Ewropea b'mod ġenerali."

Ir-rakkomandazzjoni adottata llum hija sostnuta mill-istħarriġ tal-Eurobarometer (ippubblikat illum) li sab li 84 % tan-nies jaħsbu li l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej tiżdied jekk ikun hemm iktar informazzjoni dwar l-impatt tal-UE fuq il-ħajja ta' kuljum tagħhom (ara l-Anness), il-programm tal-partiti fil-Parlament u dwar l-elezzjonijiet stess. 73 % jemmnu li iktar informazzjoni dwar l-affiljazzjonijiet politiċi Ewropej tal-kandidati se tinkoraġġixxi lin-nies sabiex jivvutaw, filwaqt li 62 % jaħsbu li jekk ikun hemm kandidati tal-partiti għall-President tal-Kummissjoni u ġurnata ta' votazzjoni waħda, dan jgħin biex il-parteċipazzjoni tiżdied sewwa.

L-2013 hija s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u opportunità għaċ-ċittadini biex isemmgħu leħinhom. Qabel l-elezzjonijiet Ewropej fl-2014, il-Kummissjoni qed tippreżenta rakkomandazzjonijiet li jsaħħu r-rabta bejn iċ-ċittadini u l-UE:

  • Qabel u matul l-elezzjonijiet, il-partiti politiċi nazzjonali għandhom jgħidu b'mod ċar ma' liema partit politiku Ewropew huma affiljati;

  • L-Istati Membri għandhom jaqblu fuq ġurnata komuni għall-elezzjonijiet Ewropej;

  • Il-partiti politiċi għandhom jgħidu lil liema kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea huma jappoġġjaw;

  • Il-partiti nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-votanti matul il-kampanja dwar il-kandidat tagħhom għal President tal-Kummissjoni.

L-istħarriġ tal-Eurobarometer dwar id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE sab ukoll li l-biċċa l-kbira tan-nies huma konxji li ċ-ċittadini tal-UE għandhom dritt jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej (72 % ta' dawk li wieġbu minn 54 % fl-2007) u fl-elezzjonijiet lokali (66%) fil-pajjiż ta' residenza tagħhom.

Kuntest

Fl-2014 l-elezzjonijiet Ewropej se jkunu l-ewwel li se jkunu organizzati taħt it-Trattat ta' Lisbona, li jsaħħaħ ir-rwol taċ-ċittadin tal-UE bħala attur politiku fl-UE. It-Trattat isaħħaħ ukoll is-setgħat tal-Parlament Ewropew, li jikkonsolida r-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur u tah responsabbiltà addizzjonali: huwa jeleġġi l-President tal-Kummissjoni abbażi ta' proposta mill-Kunsill Ewropew b'kunsiderazzjoni għar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej (l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

Fid-diskors tiegħu tal-2012 dwar l-Istat tal-Unjoni (ara SPEECH/12/596), il-President Barroso enfasizza l-bżonn ta’ dibattitu pan-Ewropew aktar profond u talab sabiex tittieħed azzjoni li ssaħħaħ iktar id-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet Ewropej. Il-Komunikazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-lum isegwu d-diskors tal-President Barroso, kif ukoll il-"Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina" tal-Kummissjoni (ara IP/12/1272) li jenfasizza l-importanza ta' dibattitu Ewropew ġenwin, inklużi l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014.

Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu wkoll ir-Rapport "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina" ippreparat mill-President tal-Kunsill Ewropew flimkien mal-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Eurogrupp u tal-Bank Ċentrali Ewropew, li jgħid li l-leġittimità demokratika u responsabbiltà huma essenzjali għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina.

Il-Kummissjoni se tressaq il-proposti tagħha għal bidliet fil-ħin tat-Trattat sabiex tippermetti dibattitu reali dwar il-futur tal-Ewropa qabel l-elezzjonijiet.

Għal aktar tagħrif

MEMO/13/202

Il-Kummissjoni Ewropea – Iċ-Ċittadinanza tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/index_mt.htm

2013 Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini:

http://europa.eu/citizens-2013/mt/home

Il-Eurobarometer dwar id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_374_361_en.htm#364

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)

Anness

1. Sensibilizzazzjoni tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE:

2. Tisħiħ tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej

3. Tisħiħ tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej: Affiljazzjonijiet tal-partiti politiċi Ewropej

4. Tisħiħ tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej: Kandidati għall-President tal-Kummissjoni


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website