Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Marzu 2013

It-trasport bil-ferrovija: Il-Kummissjoni tfittex li ttejjeb l-aċċess għal vjaġġar bil-ferrovija għal persuni b'diżabilità u passiġġieri b'mobilità mnaqqsa

Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel l-aċċessibbiltà rekwiżit essenzjali għall-infrastruttura ferrovjarja meta din tibena mill-ġdid, tittejjeb jew tiġi rinnovata. L-aċċessibbiltà tista’ tinkiseb permezz tal-prevenzjoni jew it-tneħħija tal-ostakli u permezz ta' miżuri oħra bħall-għoti ta' assistenza. Ir-regoli japplikaw għall-infrastruttura (eż. ir-rotot mingħajr ostakli, il-bejgħ tal-biljetti, l-uffiċċji tal-informazzjoni, it-tojlits, l-informazzjoni viżwali u bil-fomm, il-wisa’ u l-għoli tal-pjattaformi, u l-għajnuna għall-imbark) u għall-vaguni ferrovjarji (eż. il-bibien, it-tojlits, l-ispazji għas-siġġijiet tar-roti, u l-informazzjoni).

"Iż-żieda fl-aċċessibbiltà għat-trasport ferrovjarju għal kulħadd tinsab fil-qalba tal-istrateġija tagħna għal sistema tat-trasport sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa", qal Siim Kallas, il-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għat-trasport. "Din il-bidla tirrappreżenta l-ewwel waħda minn serje ta' azzjonijiet li l-Kummissjoni se tieħu din is-sena biex tkompli ttejjeb l-aċċess għat-trasport għal persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità mnaqqsa fl-Ewropa. Din toħloq rabta diretta mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fil-livell tal-UE għall-aċċessibbiltà ferrovjarja diġà disponibbli u tagħti eżempju ta' prassi tajba għal modi oħra ta’ trasport. Turi wkoll l-impenn tal-UE li tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità."

Il-ħolqien ta’ regoli komuni dwar l-aċċessibbiltà fil-livell tal-UE jtejjeb u jiffaċilita l-esperjenza tal-ivvjaġġar madwar l-UE ta' persuni b'diżabilità u dawk kollha li l-mobilità tagħhom hija mnaqqsa, pereżempju minħabba proċess ta’ tixjiħ naturali, diżabilità temporanja kkawżata minn inċidenti, jew ivvjaġġar bit-tfal. Il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà jtejbu wkoll il-kwalità ġenerali tal-esperjenza tat-trasport għall-passiġġieri kollha, u jgħinu fl-implimentazzjoni mis-settur ferrovjarju billi soluzzjoni komuni waħda tista’ tiġi applikata madwar l-UE. F'dawn iż-żminijiet ta' awsterità, il-ħolqien ta’ regoli koerenti madwar l-UE huwa mod effettiv biex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-ostakli tekniċi.

Kuntest

Persuna minn kull sitta fl-Unjoni Ewropea – madwar 80 miljun – għandha diżabilità li tvarja minn ħafifa għal severa. Aktar minn terz tal-persuni li għandhom aktar minn 75 sena għandhom diżabbiltajiet li, b'mod jew b'ieħor, jillimitawhom. Dawn iċ-ċifri mistennija jogħlew hekk kif, aktar ma jmur, il-popolazzjoni tal-UE qed tkompli tixjieħ. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-persuni spiss ma jkunux jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija minħabba ostakli fiżiċi jew ta' tip ieħor, kif ukoll minħabba d-diskriminazzjoni.

L-Ewropej jemmnu bil-qawwa li l-persuni b'diżabilità għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru mill-Kummissjoni Ewropea (Novembru 2012). Fost dawk mistoqsijin, 97 % qalu li l-persuni b’diżabilità għandhom ikunu jistgħu jmorru l-iskola, isibu impjieg jew ikollhom aċċess għall-ħwienet bħall-ħaddieħor, u 7 minn kull 10 persuni li wieġbu qalu li t-titjib fl-aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi, inkluż it-trasport, jista' jtejjeb ferm il-ħajja ta' persuni b'diżabilità, anzjani u oħrajn, bħal ġenituri ta’ tfal żgħar.

L-UE impenjat ruħha biex toħloq Ewropa mingħajr ostakli permezz tal-iffirmar u r-ratifika tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. B'konformità mal-Konvenzjoni, il-Kummissjoni adottat strateġija komprensiva fl-2010 biex toħloq Ewropa mingħajr ostakli għal persuni b'diżabilità sal-2020.

Il-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport timmira għal sistema tat-trasport effiċjenti u ta' kwalità għolja u tidentifika t-titjib fil-kwalità tat-trasport għall-anzjani, il-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa u l-persuni b'diżabilità, inkluż, bħala objettiv, it-titjib fl-aċċessibbiltà tal-infrastruttura.

Sett komprensiv ta’ regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-modi kollha tat-trasport jistabbilixxi d-drittijiet għall-ivvjaġġar u għall-assistenza għall-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa. Ir-Regolament dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferrovija jistabbilixxi li l-persuni b’diżabilità u l-persuni b’mobilità mnaqqsa għandhom l-istess dritt bħaċ-ċittadini l-oħra kollha għall-moviment liberu.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew tipprevedi li l-infrastruttura tat-trasport għandha tippermetti l-mobilità mingħajr xkiel u l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha, b'mod partikolari l-persuni anzjani, il-persuni b’mobilità mnaqqsa u l-passiġġieri b’diżabilità.

Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qiegħda tħejji wkoll proposti għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà li mistennija joħorġu fl-2013, li jkunu jindirizzaw l-aċċessibbiltà għal prodotti u servizzi fl-UE.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea – It-Trasport bil-Ferrovija

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Kallas, il-Kummissarju tal-UE għat-Trasport

Stħarriġ tal-Ewrobarometru - Attitudnijiet fil-konfront tal-Aċċessibbiltà fl-UE (Novembru 2012)

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website