Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, 11 ta’ Marzu 2013

Tidħol fis-seħħ il-projbizzjoni totali tal-UE dwar l-ittestjar fuq l-annimali għall-kożmetiċi

Illum tidħol fis-seħħ l-aħħar fażi tal-iskadenza biex jieqaf l-ittestjar fuq l-annimali għall-prodotti kożmetiċi fl-Ewropa. Mil-lum, il-kożmetiċi li jiġu ttestjati fuq l-annimali ma jistgħux jiġu kummerċjalizzati fl-UE.

Komunikazzjoni li ġiet adottata llum mill-Kummissjoni tikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni biex tirrispetta l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill u l-Parlament fl-2003, u tispjega kif beħsieba tkompli tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni f’dan il-qasam filwaqt li tippromwovi t-trattament xieraq tal-annimali madwar id-dinja.

Il-Kummissarju Ewropew responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, Tonio Borg, stqarr: “Id-dħul fis-seħħ tal-lum, tal-projbizzjoni totali tal-kummerċjalizzazzjoni, jagħti sinjal importanti tal-valur li l-Ewropa tagħti għat-trattament xieraq tal-annimali. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta’ metodi alternattivi u li taħdem ma’ pajiżi terzi biex isegwu l-approċċ Ewropew tagħna. Din hija opportunità kbira għall-Ewropa li sservi ta’ eżempju ta’ innovazzjoni responsabbli fil-kożmetiċi mingħajr kwalunkwe kompromess fuq is-sikurezza tal-konsumaturi."

Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa l-impatti tal-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u tikkunsidra li hemm raġunijiet prevalenti biex din tiġi implimentata. Din hija konformi ma’ dak li jemmnu ħafna cittadini Ewropej: li l-iżvilupp tal-kożmetiċi ma għandux bżonn l-ittestjar fuq l-annimali.

Il-missjoni biex insibu metodi alternattivi se tkompli għaliex il-bidla mill-ittestjar fuq l-annimali permezz ta' metodi alternattivi s'issa għadha mhix kompletament possibbli. Il-Komunikazzjoni ppubblikata llum tispjega l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għar-riċerka f’metodi alternattivi u r-rikonoxximent li dawn l-isforzi għandhom jitkomplu. Għal din ir-riċerka, bejn l-2007 u l-2011 il-Kummissjoni għamlet madwar EUR 238 miljun disponibbli. L-industrija tal-kożmetiċi kkontribwiet ukoll, pereżempju permezz ta’ kofinanzjament ta’ EUR 25 miljun fl-inizjattiva tar-riċerka, SEURAT1.

Ir-rwol mexxej u globali tal-Ewropa fil-kożmetiċi jirrikjedi l-ilħuq tal-imsieħba tal-kummerċ biex jispjegaw u jippromwovu l-mudell Ewropew u biex jaħdmu sabiex fuq livell internazzjonali jiġu aċċettati metodi alternattivi. Il-Kummissjoni se tagħmel dan parti integrali tal-aġenda tal-kummerċ tal-Unjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali.

Sfond

Id-Direttiva 2003/15/KE tinkludi dispożizzjonijiet fir-rigward tal-ittestjar fuq l-annimali fid-Direttiva tal-Kożmetiċi 76/768/KEE. Skont din, l-ittestjar fuq l-annimali fl-Unjoni diġà ilu pprojbit mill-2004 għall-prodotti kożmetiċi u mill-2009 għall-ingredjenti kożmetiċi ('projbizzjoni tal-ittestjar'). Sa minn Marzu 2009, huwa pprojbit ukoll li fl-Unjoni jiġu kummerċjalizzati prodotti kożmetiċi li fihom ingredjenti li ġew ittestjati fuq l-annimali (‘projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni’). L-iskadenza għall-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni kienet estiża sal-11 ta’ Marzu 2013 għall-effetti tas-saħħa umana l-iżjed kumplessi (tossiċità marbuta ma’ dożi ripetuti, inkluż sensitizzazzjoni tal-ġilda u karċinoġeniċità, tossiċità riproduttiva u tossikokinetiċi).

http://ec.europa.eu/consumers/sectors/cosmetics/animal-testing/index_en.htm

MEMO/13/188

@EU_Consumer

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

Safety Evaluation Ultimately Replacing Animal Testing (Evalwazzjoni tas-Sikurezza li Finalment Tieħu Post l-Ittestjar fuq l-Annimali), ara: http://www.seurat-1.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website