Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Marzu 2013

It-Trasport u l-Ambjent: Aberdeen u Żagreb jerbħu l-premji tal-UE għall-mobbiltà sostenibbli

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret ir-rebbieħa tal-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2012 u tal-Premju għall-Pjanijiet Sostenibbli għall-Mobbiltà Urbana. Dawn l-ibliet ingħataw il-premji mill-Kummissarji Ewropej Siim Kallas u Janez Potočnik f'ċerimonja konġunta fi Brussell, il-Belġju (fit-Théâtre du Vaudeville) fis-6 ta' Marzu.

Il-Viċi President Siim Kallas, responsabbli mit-trasport, qal: "Ir-rebbieħa tal-Premju għall-Pjanijiet Sostenibbli għall-Mobbiltà Urbana ta' din is-sena, Aberdeen, u l-finalisti l-oħrajn qegħdin fil-posijiett ta' quddiem f'kampanja madwar l-UE biex is-sostenibbiltà ssir parti integrali tal-ippjanar urban għall-mobbiltà. Il-pjanijiet għall-mobbiltà urbana mfasslin illum minn bliet u awtoritajiet lokali huma kruċjali biex jagħtu spinta lill-effiċjenza u lill-kompetittività. Bi qbil mat-tema tal-2012, il-finalisti joffru rwol qawwi liċ-ċittadini - dan huwa fattur ewlieni għas-suċċess tal-ippjanar urban fit-tul."

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Bl-organizzazzjoni ta' firxa ta' attivitajiet iffukati fuq il-mobbiltà sostenibbli, l-ibliet li qegħdin jikkompetu għall-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà qegħdin jagħtu kontribut konkret għall-ħolqien ta' Ewropa aktar sostenibbli. Dawn l-isforzi se jedukaw, jinfurmaw u, iktar importanti minn hekk, se jispiraw lil aktar nies u bliet biex jinkorporaw is-sostenibbiltà fil-ħajja tagħhom ta' kuljum."

Format standard Ewropew

Ir-rebbieħa tal-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà, Żagreb (fil-Kroazja) qed issir attur minn ta' quddiem fil-qasam tal-mobbiltà urbana sostenibbli. Din il-belt rebħet il-premju bis-saħħa tal-kampanja li organizzat tajjeb biex tippromwovi l-Ġimgħa Ewropea, minħabba rabta tajba mat-tema tal-2012 ("Nersqu fid-direzzjoni t-tajba") u minħabba 62 attivitajiet separati li involvew aktar minn 150,000 ċittadin. Il-belt kapitali tal-Kroazja għamlet il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà ġimgħa sħiħa ta' ċelebrazzjonijiet: iċ-ċittadini ħadu sehem f'sessjonijiet edukattivi u ta' fitness urban, rikbu fi trammijiet antiki, żaru ċentri ta' informazzjoni dwar iċ-ċikliżmu, u għenu biex jiddissinjaw mill-ġdid faċilitajiet pubbliċi ta' pparkjar għar-roti. Il-benefiċċji ambjentali tal-ġimgħa tkejlu bil-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u l-intensità tal-istorbju, u billi nfetħu postijiet imxerrdin mal-belt kollha fejn wieħed seta' jmur jagħmel check-up tas-saħħa.

Aberdeen hija belt b'madwar 220,000 ruħ jgħixu fiha, hemm setturi b'saħħithom taż-żejt u tal-biedja, ħafna traffiku ta' vetturi tqal tal-ġarr tal-prodotti, u dipendenza kbira fuq it-trasport bil-karozzi privati. Il-Pjan għall-Mobbiltà Urbana Sostenibbli ta' Aberdeen huwa mmirat lejn objettivi soċjali, ta' integrazzjoni, ta' sikurezza, ambjentali u ekonomiċi, u jiffoka wkoll fuq it-trasport sostenibbli. Il-Pjan qed jiġi żviluppat b'konsultazzjoni mill-qrib maċ-ċittadini u l-partijiet interessati, u l-attivitajiet li fih jinkludu sessjonijiet ta' ħidma, stħarriġ, kampanja promozzjonali u preżenza innovattiva tal-midja soċjali/onlajn. Kważi 500 ruħ irrispondew għall-istħarriġ onlajn, u kontijiet fuq Facebook u Twitter taw ċans liċ-ċittadini jikkontribwixxu b'mod dirett għall-iżvilupp tal-pjan.

Żagreb irnexxielha tgħaddi lill-finalisti Gävle u Östersund (it-tnejn fl-Isvezja) u rebħet il-premju għas-sena 2012. Biex issir taf aktar dwar il-finalisti tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà, ikklikkja hawn.

Aberdeen rebħet l-ogħla unur tal-Premju għall-Pjanijiet Sostenibbli għall-Mobbiltà Urbana qabel żewġ finalisti oħra: Ljutomer (fis-Slovenia) u Toulouse (fi Franza). Biex issir taf aktar dwar it-tliet finalisti, ikklikkja hawn.

Kuntest

L-Iskema tal-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà tippremja lill-awtorità lokali li titqies li għamlet l-iżjed biex issensibilizzat lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta' mobbiltà sostenibbli u biex implimentat miżuri biex tikseb bidla lejn it-trasport urban sostenibbli. Il-belt rebbieħa tintgħażel minn bord indipendenti ta' esperti tat-trasport li jivvalutaw l-applikazzjonijiet eliġibbli kollha u jagħżlu 10 awtoritajiet lokali li huma jqisu li jkunu ħadmu b'mod eċċezzjonali. Il-belt rebbieħa tirbaħ iċ-ċans li taħdem ma' kumpanija tal-produzzjoni professjonali biex jinġibed filmat promozzjonali ta' tliet minuti li juri dak kollu li kisbet. Flimkien mal-finalisti l-oħra, ir-rebbieħ jingħata prominenza bħala eżempju tal-aħjar prattika. Fl-2012, il-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà kellu 30 applikazzjoni minn 15-il pajjiż.

Il-Premju tal-Pjan għall-Mobbiltà Urbana Sostenibbli jiġi ppreżentat lil bliet u reġjuni li juru eċċellenza fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet tagħhom għall-mobbiltà urbana sostenibbli. Il-Pjanijiet għall-Mobbiltà Urbana Sostenibbli jitfasslu mill-awtoritajiet lokali, u jiddefinixxu l-miżuri li jiġġieldu l-isfidi għall-mobbiltà urbana, kemm tal-lum kif ukoll tal-ġejjieni. Fl-2012, il-fokus tematiku tal-Premju kien fuq "il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u taċ-ċittadini". L-awtorità lokali rebbieħa tintgħażel minn ġurija ta' esperti fuq il-kriterji ta' valutazzjoni u eliġibbiltà tal-iskema tal-Premju, u tirbaħ €10,000 li jintużaw biex isostnu attivitajiet lokali ta' sensibilizzazzjoni dwar il-mobbiltà urbana sostenibbli. Il-Premju tal-2012 għall-Mobbiltà Urbana Sostenibbli kellu 29 applikazzjoni minn 12-il pajjiż.

Aktar informazzjoni:

Għal aktar tagħrif dwar il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà, ara:

http://www.mobilityweek.eu/

Għal aktar tagħrif dwar il-Pjanijiet għall-Mobbiltà Urbana Sostenibbli, ara:

http://www.mobilityplans.eu/

Il-kuntatti għall-Pjanijiet għall-Mobbiltà Urbana Sostenibbli:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

Il-kuntatti għall-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website