Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: X’għandna nagħmlu dwar l-iskart tal-plastik? Green Paper ġdida tiftaħ riflessjoni madwar l-UE

European Commission - IP/13/201   07/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 7 ta’ Marzu 2013

L-ambjent: X’għandna nagħmlu dwar l-iskart tal-plastik? Green Paper ġdida tiftaħ riflessjoni madwar l-UE

Il-plastik sar materjal inevitabbli fid-dinja moderna tagħna. Il-plastiks huma versatili u durabbli, iżda din id-durabbiltà tista’ tkun problematika meta naslu biex narmu l-plastik. Green Paper ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea llum għandha l-għan li tniedi diskussjoni strutturata dwar kif il-prodotti tal-plastik jistgħu jsiru aktar sostenibbli tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u jonqos l-impatt tal-iskart tal-plastik fuq l-ambjent.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Il-ġestjoni tal-iskart tal-plastik hija sfida kbira f’termini ta’ ħarsien ambjentali, iżda wkoll opportunità enormi għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. F’ekonomija ċirkolari fejn ir-rati ta’ riċiklaġġ għolja joffru soluzzjonijiet għall-iskarsezza materjali, nemmen li l-plastik għandu futur. Nistieden lill-partijiet interessati kollha biex jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ riflessjoni dwar kif il-plastik jista’ jsir parti mis-soluzzjoni minflok ikun il-problema.

Ladarba jidħol fl-ambjent, partikolarment fl-ambjent marittimu, l-iskart tal-plastik jista’ jibqa’ hemm għal mijiet ta’ snin. Madwar 10 miljun tunnellata ta’ żibel, l-aktar plastik, jispiċċaw fl-oċeani u fl-ibħra tad-dinja kull sena, u jittrasformawhom fl-ikbar miżbla tal-plastik tad-dinja.

Ħafna drabi l-plastik jitqies bħala materjal irħis u li jintrema malajr fis-soċjetà tar-“rimi” tagħna, u r-rati tar-riċiklaġġ huma baxxi. Nofs l-iskart tal-plastik kollu ġġenerat fl-Ewropa jmur fil-miżbliet, dan għandu jiġi evitat minħabba li l-plastik jista’ jkun fih komponenti perikolużi u r-rimi jista’ jirriżulta f’emissjonijiet mhux mixtieqa u residwi kkonċentrati, li jniġġsu.

Il-Green Paper tenfasizza r-rwol ewlieni li l-plastik għandu f’bosta proċessi industrijali u applikazzjonijiet, u l-gwadanji ekonomiċi potenzjali ta’ rati ogħla ta’ riċiklaġġ. Hekk kif il-popolazzjoni tad-dinja qed tikber u r-riżorsi naturali qegħdin isiru aktar skarsi, ir-riċiklaġġ tal-plastik se jkun alternattiva għall-esplojtazzjoni tar-riżorsi verġni. Sabiex din il-bidla ssir aktar malajr, hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas aħjar biex jappoġġjaw l-ekodisinn u l-innovazzjoni ambentali, fejn il-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ ikunu integrati fid-disinn tal-prodotti tal-plastik.

L-isfidi partikolari li jikkawża l-iskart tal-plastik mhumiex indirizzati b’mod speċifiku fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-UE fil-preżent. L-Istati Membri għandhom jiffavorixxu l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ fuq il-modi l-oħra tar-rimi, kif inhu l-każ għall-flussi tal-iskart kollha msemmija fid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart, iżda evidentement jeħtieġ li jsir aktar. Il-Green Paper għandha l-għan li tiġbor il-fatti u l-fehmiet sabiex tevalwa l-impatti tal-iskart tal-plastik u tiddefinixxi strateġija Ewropea biex jittaffew. Dawk interessati huma mistiedna jikkontribwixxu l-fehmiet tagħhom dwar jekk, u kif, għandha tiġi adattata l-leġiżlazzjoni eżistenti biex tittratta l-iskart tal-plastik u ssir promozzjoni tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tal-iskart tal-plastik flok ir-rimi fil-miżbliet. Huma milqugħa wkoll il-fehmiet dwar l-effettività tal-miri tar-riċiklaġġ potenzjali, u dwar il-miżuri ekonomiċi bħall-projbizzjonijiet fuq il-miżbliet, it-taxxi tal-miżbliet u l-iskemi ta’ ħlas skont ir-rimi. Il-Green Paper tistaqsi wkoll kif jista’ jitjieb id-disinn modulari u tal-kimiku tal-plastik biex titjieb ir-riċiklabbiltà, kif jista’ jitnaqqas l-iskart marittimu, u jekk hemmx ħtieġa li jiġi promoss il-plastik bijodegradabbli.

Il-passi li jmiss

Il-konsultazzjoni, li tinkludi 26 mistoqsija, ser iddum sal-bidu ta’ Ġunju 2013. Ir-riżultat se jintuża fl-azzjoni politika ulterjuri fl-2014 bħala parti minn reviżjoni usa’ tal-politika tal-iskart, li se tagħti ħarsa b’mod partikolari lejn il-miri eżistenti għall-irkupru tal-iskart u għall-miżbliet kif ukoll evalwazzjoni ex-post ta’ ħames direttivi li jkopru diversi flussi ta’ skart.

Kuntest

F’temp ta’ xi ftit aktar minn seklu l-plastik sar indispensabbli fl-inġinerija u l-kostruzzjoni moderni għall-produzzjoni tal-massa ta’ prodotti għall-konsumatur. F’50 sena biss, il-produzzjoni madwar id-dinja tal-plastik żdiedet minn 1.5 miljun tunnellata fis-sena fl-1950 għal 245 miljun tunnellata fl-2008, xejra li hija mistennija tkompli. L-ambjent marittimu huwa partikolarment vulnerabbli għall-iskart tal-plastik. L-iskart tal-plastik jifforma 80 % tal-irqajja ta’ skart enormi fl-oċeani tal-Atlantiku u tal-Paċifiku, li jikkawżaw lill-ispeċijiet tal-baħar tbatija minħabba tħabbil jew inġestjoni. Il-preżenza ta’ residwi tal-plastik, anki fl-iktar żoni mbiegħda ta’ ibħra u xtut dinjija turi li hemm prezz li jrid jitħallas għall-eċċess tal-iskart tal-plastik. Il-plastik konvenzjonali fih ukoll numru kbir, u xi kultant proporzjon kbir ta’ addittivi kimiċi li jistgħu jkunu karċinoġeniċi, jipprovokaw reazzjonijiet tossiċi oħra jew jaġixxu bħala sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali.

Xi elementi strateġiċi biex jittrattaw l-iskart tal-plastik fl-ambjent diġà jeżistu fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-iskart. Id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE) tiffoka fuq elementi bħall-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja, il-prevenzjoni tal-iskart flok l-operazzjonijiet tal-iskart, ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, id-disinn tal-prodott, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-konservazzjoni tar-riżorsi. Barra minn hekk, il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi tal-2011 u s-Seba’ Pjan ta’ Azzjoni Ambjentali, proposti mill-Kummissjoni fl-2012 li attwalment qed jiġu eżaminati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, jiżviluppaw ir-riflessjoni aktar biex titqies mira ta’ tnaqqis kwantitattiv mal-UE kollha għall-iskart marittimu.

Għal iktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/environment/consultations/plastic_waste_en.htm

Ara wkoll: http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website