Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-1 ta’ Jannar 2013

Marsilja u Košice: Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2013

Marsilja (Franza) u Košice (is-Slovakkja) huma l-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2013. Il-programm kulturali se jibda uffiċjalment f’Marsilja fit-12 ta’ Jannar u f’Košice fid-19 ta’ Jannar.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Dan huwa l-mument li Marsilja u Košice kienu qed jippreparaw għalih – u jistennew – mill-għażla tagħhom bħala l-Kapitali Ewropej tal-Kultura 2013. Ninsab ċerta li fiż-żewġt ibliet il-pubbliku se jkollu tnedija li ma tintesix. L-avvenimenti tal-ftuħ se jfissru l-bidu ta’ dik li se tkun sena tremenda ta’ attivitajiet kulturali, immirati mhux biss lejn in-nies lokali tal-belt u r-reġjun fil-viċinanzi, iżda wkoll lejn dawk li ġejjin minn ħafna aktar ’il bogħod. Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura kienet suċċess fantastiku għall-UE għal iktar minn 25 sena: it-titlu huwa opportunità unika li jagħti spinta lill-enerġija kulturali tal-belt u l-iżvilupp fit-tul, kif ukoll ikun importanti ħafna għat-turiżmu, il-ħolqien tal-impjiegi u r-riġenerazzjoni urbana. Nixtieq liż-żewġ Kapitali tal-Kultura tal-2013 kull suċċess!"

It-tnedija ta’ Marseille-Provence 2013 se ssir fit-12 u t-13 ta’ Jannar 2013 b’erba’ oġġetti festivi li jiġbdu l-attenzjoni: iċ-ċerimonja pubblika tal-ftuħ f’Marsilja li għaliha se jattendi l-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso, il-ftuħ ta’ wirja tal-arti kontemporanja f’Aix-en-Provence, it-tfittxija għat-teżor f’Marseille-Provence u l-wirja ta’ logħob tan-nar f’Arles biex jagħlqu l-ftuħ ta' tmiem il-ġimgħa.

Košice se tiftaħ iċ-ċelebrazzjonijiet tagħha, fil-preżenza tal-Kummissarju Vassiliou, fid-19 u l-20 ta’ Jannar f’lokalitajiet varji tal-belt, inkluż fit-Teatru tal-Istat, l-Arena tal-Azzar, il-Podju kif ukoll diversi klabbs, ristoranti u positijiet kulturali. “Košice 2013 – il-Kapitali Ewropea tal-Kultura” se turi l-belt bħala l-qasma ta’ rotot qodma bejn l-Lvant u l-Punent.

Fil-ħarifa tal-2012 il-Kummissjoni Ewropea ppremjat l-premju Melina Mercouri (b’valur ta’ EUR 1.5 miljun) liż-żewġ Kapitali tal-2013 b’rikonoxximent tal-kwalità tat-tħejjijiet tagħhom u biex jiġu sodisfatti l-impenji li għamlu matul l-istadju tal-għażla.

Sfond

Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura hi waħda mill-iktar avvenimenti kulturali ta’ profil għoli fl-Ewropa. Il-bliet kapitali huma magħżula fuq il-bażi ta’ programm kulturali li għandu jkollu dimensjoni Ewropea, jinvolvi l-pubbliku, ikun attraenti fuq il-livell Ewropew u li jista’ jintegra fi żvilupp fit-tul tal-belt.

Hija wkoll opportunità eċċellenti għall-ibliet biex jibdlu l-immaġni tagħhom, ipoġġu rwieħhom fuq il-mappa tad-dinja, jattiraw aktar turisti u jaħsbu mill-ġdid fuq l-iżvilupp tagħhom stess permezz tal-kultura.

It-titlu għandu impatt fit-tul, mhux biss fuq il-kultura iżda wkoll f’termini ekonomiċi u soċjali, kemm għall-belt kif ukoll għar-reġjun tal-madwar. Pereżempju, studju1 wera li l-għadd ta’ turisti li żaru l-belt għal minn tal-anqas lejl wieħed żdied bi 12 % fuq il-medja meta mqabbel mas-sena qabel il-belt kellha dan it-titlu; din iċ-ċifra kienet laħqet il-25% għal Liverpool fl-2008 u Sibiu (ir-Rumanija) fl-2007.

Ir-regoli attwali u l-kundizzjonijiet biex wieħed ikollu t-titlu huma stabbiliti fid-deċiżjoni tal-2006 (1622/2006/KE) tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri.

Wara Marsilja u Košice fl-2013, il-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-ġejjieni se jkunu Riga (il-Latvja) u Umeå (l-Isvezja) fl-2014, Mons (il-Belġju) u Plzeň (ir-Repubblika Ċeka) fl-2015, u Donostia-San Sebastián (Spanja) u Wrocław (il-Polonja) fl-2016.

Għal aktar informazzjoni

Marseille-Provence 2013 – il-Kapitali Ewropea tal-Kultura

Košice 2013 – Kapitali Ewropea tal-Kultura

Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq it-Twitter: @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

1 :

Il-bliet Ewropej u l-bliet kapitali tal-kultura minn Palmer/RAE Associates: http://ec.europa.eu/culture/key-documents/doc926_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website