Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Marzu 2013

Iċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li aktar nisa fil-poter fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jagħmlu differenza pożittiva

Lejlet il-Jum Internazzjonali tan-Nisa 2013, Ewrobarometru ġdid juri li 78% tal-Ewropej jaħsbu li jekk ikun hemm aktar nisa f'pożizzjonijiet ta' poter politiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw “is-sitwazzjoni titjieb”.

Fil-fatt, aktar minn tliet kwarti ta' dawk li wieġbu qalu li jkun hemm aktar nisa fi rwoli ewlenin fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitjieb ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li 72% jgħidu li dan itejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tal-għixien u 65% jemmnu li dan jipprevjeni l-kunflitti u l-gwerra.

Aktar minn disa' Ewropej minn kull 10 jidhrilhom li l-ugwaljanza bejn is-sessi ttejjeb il-mod kif is-soċjetajiet jaħdmu b’mod ġenerali u li l-programmi ta’ għajnuna kollha għandhom iqisu b’mod speċifiku d-drittijiet tan-nisa.

Għal dak li jirrigwarda kif il-problemi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jaffettwaw l-irġiel u n-nisa; il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu jidhrilhom li n-nisa kienu milquta aktar mill-irġiel minn vjolenza fiżika (83%), kif ukoll minn problemi biex jaċċessaw l-edukazzjoni (63%), drittijiet bażiċi tal-bniedem mhux rispettati u nuqqas ta’ dħul/impjiegi (it-tnejn li huma 61%).

Il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, qal: “Aħna nqiegħdu n-nisa fil-qalba ta’ kull ma nagħmlu; niżguraw li l-programmi ta' għajnuna tagħna jqisu lin-nisa f’kollox, mill-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa sal-agrikoltura u l-enerġija, u għalhekk ninsab kuntent li l-maġġoranza tal-Ewropej jaqblu ma’ dan l-approċċ."

Huwa żied jgħid: "Jien interessat ukoll li nara kemm hemm nies li jaħsbu li, jekk in-nisa jingħataw il-poter, dawn jistgħu jagħmlu differenza pożittiva. Huwa vitali li kull mara tingħata l-opportunità li tilħaq il-potenzjal tagħha; tgħix fejn tgħix".

In-nisa għadhom ibatu b’mod sever minn diskriminazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; u jħabbtu wiċċhom ma’ riskji serji ta’ saħħa, b’mod partikulari fir-rigward tas-saħħa tal-ommijiet. Il-vjolenza tolqot terz tan-nisa kollha f'ħajjithom. Bħala t-tieni l-akbar donatur fid-dinja, l-UE għandha rwol kruċjali x’taqdi biex tgħin l-iżvilupp tan-nisa u tal-bniet.

Mill-2004, bis-saħħa tal-appoġġ tal-Kummissjoni:

  • Aktar minn 85 000 studenta ġdida ġew irreġistrati fl-edukazzjoni sekondarja

  • Aktar minn 4 miljun twelid kienu assistiti minn persunal tas-saħħa

  • Twettqu 10,8 miljun konsultazzjoni dwar is-saħħa riproduttiva

Sfond u riżultati ewlenin

Fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta stħarriġ tal-Ewrobarometru bl-opinjonijiet taċ-ċittadini Ewropej dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ħtieġa li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Aktar minn 25 000 ċittadin tas-27 Stat Membru ġew ikkonsultati għal dan l-istħarriġ.

Aktar minn disa' ċittadini tal-UE li wieġbu minn kull 10 jidhrilhom li l-ugwaljanza bejn is-sessi ttejjeb il-mod kif is-soċjetajiet jaħdmu b’mod ġenerali u li l-programmi ta’ għajnuna kollha għandhom iqisu b’mod speċifiku d-drittijiet tan-nisa. Il-firxa tar-riżultati fl-UE fir-rigward tal-opinjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi kienet notevolment żgħira, bl-ogħla riżultati jiġu osservati fl-Isvezja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Rumanija (kollha 96%) u bl-aktar riżultati baxxi fil-Latvja, fis-Slovenja (it-tnejn li huma 87%) u fl-Estonja (86%).

B’mod ġenerali, iċ-ċittadini tal-UE li wieġbu jidhrilhom li l-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa aktar mill-irġiel huma l-vjolenza fiżika (83%), il-problemi għall-aċċess għall-edukazzjoni (63%), in-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u n-nuqqas ta’ dħul/impjiegi (it-tnejn li huma 61%).

Il-ġuħ u n-nuqqas ta’ sustanzi (50%) u l-HIV/AIDS (59%) kienu l-uniċi kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini tal-UE

li wieġbu jidhrilhom li l-irġiel u n-nisa kienu pjuttost milquta bl-istess mod.

L-Ewropej jidhrilhom li jekk ikun hemm aktar nisa f'pożizzjonijiet ta’ poter u influwenza politika, dan ikollu impatt pożittiv fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kien il-punt li kellu l-aktar tweġibiet pożittivi fl-UE, fejn aktar minn tliet kwarti ta' dawk li wieġbu qalu li jekk ikun hemm aktar nisa “is-sitwazzjoni titjieb” (78%). Bi ftit punti inqas segwew il-kundizzjonijiet tal-għixien tan-nies u l-prevenzjoni tal-kunflitti u tal-gwerra , fejn 72% u 65% ta' dawk li wieġbu (rispettivament) kienu ta’ din il-fehma wkoll. Fost l-Isvediżi, il-Finlandiżi u l-Irlandiżi kien hemm l-aktar propensità li jwieġbu li jekk ikun hemm in-nisa f’dawn il-pożizzjonijiet “is-sitwazzjoni titjieb”.

Għal aktar tagħrif

Ewrobarometru dwar in-Nisa fil-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_374_361_en.htm#372

Għal aktar tagħrif dwar il-ħidma tal-UE man-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw:

http://ec.europa.eu/europeaid/what/gender/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Il-websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Kuntatti :

Alexandre Polack (+32 2 2990 677)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site