Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Marzu 2013

Il-Kummissjoni trid tissimplifika l-operat tal-SMEs billi tħaffef l-10 liġijiet tal-UE li l-aktar joħolqu piż

L-20.8 miljun intrapriża Ewropej żgħar u medji (SMEs) joħolqu 85% tal-impjiegi ġodda kollha fl-Ewropa, iħaddmu 2/3 tal-forza tax-xogħol fl-UE u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti lejn l-innovazzjoni u t-tkabbir. Skont il-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir", u f'konformità mal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tal-2008, il-Kummissjoni poġġiet lill-SMEs fil-qalba tal-aġenda tagħha tar-regolamentazzjoni intelliġenti biex tgħin it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa. F'konsultazzjoni wiesgħa mibdija mill-Kummissjoni, madwar 1000 SME u organizzazzjoni kummerċjali issa identifikaw l-10 liġijiet tal-UE li l-aktar joħolqu piż. L-għan ta’ din il-konsultazzjoni wiesgħa kien li jiġi vverifikat fejn ir-regolamentazzjoni tal-UE tista' tkun qed timpedixxi l-impjiegi u t-tkabbir u biex jiġu identifikati oqsma jew kwistjonijiet li jistgħu jkunu jeħtieġu aktar analiżi u azzjoni fejn meħtieġ. Ir-riżultat ippubblikat illum jindika li l-SMEs jaraw l-akbar diffikultajiet u spejjeż fejn jidħlu r-regoli fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-kimika REACH, it-taxxa fuq il-valur miżjud, is-sikurezza tal-prodotti, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, il-protezzjoni tad-dejta, il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, il-leġiżlazzjoni marbuta mas-suq tax-xogħol, l-apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u l-akkwist pubbliku u l-kodiċi dogonali modernizzat.

Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa kumplessiva li jkun hemm regoli għall-Ewropa kollha f'dawn l-oqsma, se tindirizza dawn il-kwistjonijiet bir-reqqa permezz tal-Programm ġdid dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (Regulatory Fitness and Performance Programme - REFIT1) li tnieda f'Diċembru 2012 (IP/12/1349). Permezz ta' dan il-programm, l-acquis regolatorju tal-UE se jiġi skrinjat għal piżijiet, lakuni u ineffiċjenzi sabiex jiġu evalwati, u jekk xieraq jiġu riveduti, dawk il-liġijiet li l-valutazzjoni tindika li tkun teħtieġ azzjoni dwarhom. Il-Kummissjoni se tħabbar azzjonijiet ta’ segwitu sa Ġunju 2013, filwaqt li tqis ukoll ir-riżultat tal-proċessi leġiżlattivi li għaddejjin.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso qal: "Il-Kummissjoni qed tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun adattata għall-għan tagħha u tgħin lin-negozji Ewropej jikbru u joħolqu l-impjiegi. Din hija r-raġuni għalfejn poġġejna r-regolamentazzjoni intelliġenti fil-qalba tat-tfassil tal-politika tagħna. U din hija r-raġuni għaliex irridu nagħmlu aktar faċli l-operat tal-intrapriżi żgħar u medji tagħna, li huma l-aktar mutur importanti fl-ekonomija Ewropea. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li kkontribwixxew biex jiġu identifikati l-biċċiet leġiżlattivi li joħolqu l-aktar piż. Se naħdmu qatigħ biex ma niddiżappuntawx l-aspettattivi tagħkom."

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli għall-Industrija u l-Intraprenditorija, żied: "L-SMEs, li joħolqu sehem kbir mill-impjiegi l-ġodda kollha fl-Ewropa, għandhom rwol importanti biex noħorġu minn din il-kriżi. Meta nfasslu l-leġiżlazzjoni tagħna jeħtieġ li nżommu f'moħħna lill-SMEs (u speċjalment lill-intraprendituri l-ġodda): il-leġiżlazzjoni trid tkun intelliġenti, trid tkun sempliċi u trid tkun stabbli. Iktar ma nisimgħu lill-SMEs dwar it-tħassib tagħhom, aktar ikunu f'pożizzjoni biex jgħinuna nerġgħu naqbdu t-triq lejn it-tkabbir. "

Il-liġijiet tal-UE li ġejjin ġew identifikati mill-SMEs bħala L-AKTAR 10 li joħolqu piż mil-liġijiet tal-UE:

  • REACH (ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi)

  • VAT - il-leġiżlazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud

  • Is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti u l-pakkett tas-sorveljanza tas-suq

  • L-għarfien tal-kwalifiki professjonali

  • Il-vjeġġi ta' skart - il-leġiżlazzjoni qafas dwar l-iskart - lista ta' skart u ta' skart perikoluż

  • Il-leġiżlazzjoni marbuta mas-suq tax-xogħol

  • Il-protezzjoni tad-dejta

  • Il-ħinijiet tax-xogħol

  • L-apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (għall-perjodi ta' sewqan u mistrieħ)

  • Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (xogħlijiet pubbliċi, kuntratti ta' provvista u servizzi)

  • Il-kodiċi dogonali modernizzat

F'ħafna minn dawn l-oqsma (eż. il-kwalifiki professjonali, il-protezzjoni tad-dejta, l-akkwist, eċċ.) il-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni biex tkompli ttejjeb u tissimplifika l-leġiżlazzjoni tal-UE (ara MEMO/12/974).

Il-konsultazzjoni żvelat ukoll li n-negozji ż-żgħar japprezzaw it-tqassir tal-iskadenzi tal-pagamenti fid-Direttiva dwar il-Ħlas Tard li se tidħol fis-seħħ fis-16 ta' Marzu 2013 (IP/12/1071) bħala wieħed mill-iktar titjib ġuridiku ta' suċċess, flimkien mal-fatt li aktar SMEs qed jitħallew jibbenefikaw minn reġimi tal-kontabbiltà/awditjar simplifikati.

Sfond:

Ir-riżultati tal-eżerċizzju tal-Iktar 10 qed jiġu ppubblikati bħala parti mill-kontribut tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa: Il-Komunikazzjoni "Regolamentazzjoni intelliġenti - reazzjoni għall-ħtiġijiet tal-SMEs" u d-dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha jipprovdu wkoll eżempji ta' eżenzjonijiet u reġimi eħfef għall-SMEs proposti mill-Kummissjoni u adottati mil-leġiżlatur tal-UE. Qed tiġi ppreżentata wkoll tabella ta' valutazzjoni annwali ġdida li turi l-progress li qed isir fil-leġiżlazzjoni li hija rilevanti għall-SMEs u li turi kif qed jiġu segwiti mill-istituzzjonijiet l-oħra u l-Istati Membri l-proposti tal-Kummissjoni biex tissimplifika jew tnaqqas il-piż. It-tabella ta' valutazzjoni tidentifika kif approċċi differenti lejn l-implimentazzjoni jaffettwaw ir-riżultat kumplessiv għall-SMEs minħabba li aktar minn terz tal-piż amministrattiv għall-SMEs jiżdied fl-istadju ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri. In-netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs se ssegwi attivament ir-riżultati tal-Iktar 10 u se tagħmel it-tnaqqis tal-piż amministrattiv prijorità fl-Istati Membri.

Qabel ma' proposti leġiżlattivi jiġu adottati mill-Kummissjoni qed jiġi vvalutat b'mod sistematiku l-kost tal-leġiżlazzjoni fuq l-SMEs. Kull fejn possibbli l-mikrointrapriżi jiġu eżentati mir-regolament u jiddaħħlu reġimi eħfef għall-SMEs fil-leġiżlazzjon.

Ġeneralment, il-Kummissjoni tikkonsulta u żżomm djalogu miftuħ mal-partijiet interessati bħan-negozju, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet oħra interessati biex tiżgura li l-proposti tagħha jikkorrispondu għar-realtà fil-prattika. Id-djalogu mal-partijiet interessati jista' jieħu ħafna forom, u l-metodi ta’ konsultazzjoni u ż-żmien jiddependu fuq kuntesti differenti.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/13/168: "L-10 liġijiet tal-UE li joħolqu l-aktar piż fuq l-intrapriżi żgħar u medji: Kif il-Kummissjoni qed tgħin lill-SMEs"

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika huma ppubblikati fuq:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/public-consultation-new/index_en.htm

COM(2013)122: Komunikazzjoni "Regolamentazzjoni intelliġenti - Nirrispondu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji"

SWD(2013)60: Dokument ta' ħidma tal-persunal "Monitoraġġ u Konsultazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti għall-SMEs"

Il-Komunikazzjoni u d-dokument ta' ħidma tal-Persunal jistgħu jinstabu wkoll fuq:

http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/key_docs_en.htm

Contacts :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website