Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Marzu 2013

It-tnedija tal-‘eTwinning Plus’, in-netwerk ta’ klassijiet virtwali għall-iskejjel

In-netwerk ‘eTwinning’ tal-Kummissjoni Ewropea, li ħeġġeġ 100 000 skola fi 33 pajjiż Ewropew biex jitkellmu ma’ xulxin permezz tal-Internet, mil-lum se jiġi estiż għall-iskejjel fl-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina. It-tnedija tal-‘eTwinning Plus’ se jippermetti li dawn il-pajjiżi jingħaqdu ma’ klassi virtwali enormi fejn l-istudenti u l-għalliema jistgħu jitgħallmu aktar dwar il-kontropartijiet tagħhom u jieħdu sehem fi proġetti interattivi li jiffukaw fuq suġġetti bħat-tagħlim tal-lingwi jew tal-matematika. Huwa wkoll opportunità għaż-żgħażagħ biex jiskopru kulturi u tradizzjonijiet differenti, kif ukoll biex isiru jafu x’għandhom komuni bejniethom.

"L-eTwinning huwa proġett edukattiv brillanti b’potenzjal enormi li jneħħi l-ostakoli. Il-kuntatti li ffaċilitajna bejn l-iskejjel huma ta’ benefiċċju kbir għal dawk kollha involuti; l-eTwinning jagħtihom il-libertà biex jiżviluppaw proġetti edukattivi li huma kreattivi u interkulturali, filwaqt li jħeġġeġ lit-tfal biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom tal-ICT. Bl-eTwinning Plus, qed npoġġu dan in-netwerk fuq livell ġdid," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

L-eTwinning Plus huwa proġett pilota li nbeda bħala parti mill-politika tal-UE tal-Viċinat, taħt il-pjattaforma ta’ Sħubija tal-Lvant ‘Kuntatti bejn in-nies’ li għandha l-għan li ssaħħaħ id-djalogu bejn is-sħab tal-Lvant. Il-Kummissjoni qed tippjana li tintroduċi bil-mod il-mod l-iskema lill-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, billi tibda mit-Tuneżija. Il-pjattaforma eTwinning Plus se tibda tuża l-Ingliż u r-Russu bħala l-lingwi prinċipali tagħha, filwaqt li l-Franċiż u l-Għarbi se jiġu introdotti aktar tard. Din se sservi wkoll bħala punt fejn l-istudenti u l-għalliema jiltaqgħu biex jaqsmu l-ideat u se tippermetti li l-iskejjel isibu sħab għal proġetti konġunti.

Il-Kummissarju Štefan Füle, responsabbli għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat stqarr: “L-involviment ikbar tal-UE fl-edukazzjoni, l-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali se jgħin lill-pajjiżi sħab u b’mod partikolari lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ biex ikunu mgħammra aħjar biex iwieġbu għall-isfidi ekonomiċi u soċjali fil-viċinat tagħna.”

F’kull pajjiż tal-viċinat involut, twaqqfet aġenzija ta’ appoġġ biex tgħin fl-istabbiliment tan-netwerk. Dawn l-organizzazzjonijiet se jippromwovu l-eTwinning Plus fuq livell nazzjonali, se jiżguraw li jissodisfa l-bżonnijiet tal-iskejjel u se jorganizzaw sessjonijiet ta’ taħriġ għall-għalliema. Dawn se jagħżlu wkoll l-iskejjel parteċipanti skont tal-apparat tal-kompjuter u l-għarfien tal-lingwi tagħhom. Se jiżguraw li jiġu involuti skejjel rurali u urbani, kif ukoll tfal minn sfondi soċjoekonomiċi differenti.

Il-baġit għall-eTwinning Plus huwa ta’ €834 000: madwar nofs is-somma se tiġi investita fl-iżvilupp tal-pjattaforma l-ġdida onlajn u f’xogħol ta’ koordinazzjoni, filwaqt li l-bqija se tiġi allokata biex jiġu kofinanzjati l-aġenziji ta’ appoġġ. L-allokazzjoni għal kull pajjiż se tkun kif ġej: l-Armenja €64 000, l-Azerbajġan €80 000, il-Ġeorġja €64 000, il-Moldova €80 000 u l-Ukraina €96 000.

Sfond

L-eTwinning, li nħoloq fl-2005, huwa komunità dejjem tikber ta' skejjel fl-Ewropa. Kważi 200 000 għalliem u aktar minn 100 000 skola minn 33 pajjiż Ewropew (is-27 Stat Membru tal-UE, l-Islanda, l-Isvizzera, in-Norveġja, it-Turkija, il-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) abbonaw biex jużaw l-ambjent onlajn b'xejn u sikur tagħha għat-taħriġ tal-għalliema u għal proġetti edukattivi konġunti. Il-portal tal-eTwinning huwa disponibbli f'25 lingwa.

L-eTwinning huwa parti mill-programm Comenius tal-UE u jirċievi madwar €10 miljun f'fondi kull sena. Ma jiffinanzjax proġetti individwali iżda joffri għodod u jappoġġa lill-għalliema u lill-istudenti, pereżempju, permezz tal-portal tal-eTwinning u seminars għall-għalliema.

Studju riċenti sab li l-eTwinning huwa mod faċli u kosteffiċjenti kif l-iskejjel jidħlu f'kooperazzjoni internazzjonali. Sab ukoll li l-għalliema involuti fl-eTwinning tejbu l-ħiliet tagħhom, ir-relazzjonijiet tagħhom mal-istudenti u żviluppaw in-netwerks professjonali tagħhom. L-istudenti ħassewhom aktar motivati u ħadmu aħjar f'tim.

Bħala parti mill-programm ġdid Erasmus għal Kulħadd li se jibda fl-2014, il-Kummissjoni proponiet li jiġi żviluppat l-eTwinning bħala pjattaforma għall-iskejjel kollha li jixtiequ jikkooperaw barra minn pajjiżhom bl-appoġġ tal-UE.

L-iskema eTwinning tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE ta' titjib fil-kompetenza diġitali u ta' tagħlim kollaborattiv minn xulxin Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tippubblika strateġija dwar "Inwessgħu l-Edukazzjoni" (Opening-up Education) sabiex ittejjeb l-iżvilupp tal-edukazzjoni u l-ħiliet permezz ta' teknoloġiji ġodda u riżorsi edukattivi miftuħa.

Għal aktar informazzjoni

eTwinning Plus

Portal tal-eTwinning

Il-Kummissjoni Ewropea: Programm Comenius

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site