Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 4 ta' Marzu 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso llum appella lin-negozji diġitali, il-gvernijiet, u s-setturi tat-taħriġ u l-edukazzjoni tal-Ewropa biex jingħaqdu fi Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali biex jindirizzaw sa 900,000 post tax-xogħol battal li mistennija jeżistu fl-Ewropa fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) li l-Ewropa se teħtieġ sal-2015. Minkejja l-livelli attwali ta' qgħad, in-numru ta' impjiegi diġitali qed jikber b'aktar minn 100,000 fis-sena. Madankollu n-numru ta’ gradwati friski tal-ICT u l-ħaddiema tas-sengħa fl-ICT mhux qed ilaħħaq mad-domanda.

Il-Viċi Presidenti Neelie Kroes (tal-Aġenda Diġitali) u Antonio Tajani (tal-Industrija u l-Intraprenditorija) u l-membri tal-Kummissjoni László Andor (tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni) u Androulla Vassiliou (tal-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ) attendew ukoll it-tnedija tal-Gran Koalizzjon li saret fi Brussell illum. Din hija parti mill-ispinta li l-Kummissjoni qed tagħti lill-Ewropa sabiex din tkun aktar kompetittiva.

Fi kliem il-President Barroso: "Il-Gran Koalizzjoni li qed inniedu llum hija parti essenzjali mill-isforz biex tinġieb lura fit-triq it-tajba l-ekonomija tal-Ewropa u jinkisbu l-impjiegi għal xi wħud mis-26 miljun qiegħda fl-Ewropa. Min-naħa tiegħi infaħħar lil dawk il-kumpaniji li ffirmaw illum. Jekk, flimkien, nistgħu ndawru r-rotta u nimlew l-għadd li kull ma jmur qed jikber ta' postijiet tax-xogħol battala fl-ICT, se naraw impatt ferm usa' fl-ekonomija kollha. Irridu nqawwu lill-Ewropej biex jimlew l-impjiegi li se jagħtu spinta lir-revoluzzjoni li jmiss fl-ICT."

L-Ewropa ma tistax taffordja li tħalli opportunitajiet ta' xogħol bħal dawn bla ma jiġu sfruttati. L-aħbar tal-lum tibni fuq il-pedamenti stabbiliti mill-Viċi President Kroes fil-ġbir ta' wegħdiet inizjali ta' impjiegi ġodda, apprendistati, postijiet tat-taħriġ, fondi għal negozji ġodda, korsijiet universitarji onlajn bla ħlas u kontribut akbar mill-kumpaniji tat-teknoloġija, il-gvernijiet, l-edukaturi, l-imsieħba soċjali, il-fornituri tas-servizzi tal-impjiegi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li nġabru fil-Forum Ekonomiku Dinji f’Davos (ara IP/13/52).

L-impenji inizjali mill-partjiet interessati ġew approvati filwaqt li mal-15-il kumpanija u organizzazzjoni ffirmaw il-Gran Koalizzjoni. Fost l-ewwel wegħdiet li ngħataw il-ħajja hemm sistema ta' pjattaforma ġdida tat-tagħlim onlajn għaż-żgħażagħ imsejħa Academy Cube u modulu ġdid ta’ taħriġ għal stallaturi tal-grids intelliġenti tal-enerġija.

Il-Kummissjoni fittxet li jsiru wegħdiet fl-oqsma ewlenin li ġejjin:

  • It-taħriġ u t-tqabbil għall-impjiegi diġitali – biex tingħata għajnuna ħalli jiġi żgurat li l-ħiliet li qed jinkisbu jkunu l-ħiliet meħtieġa min-negozju;

  • Il-mobbiltà – għajnuna lil dawk li għandhom il-ħiliet biex isibu l-post tax-xogħol li jeħtieġu, biex jiġu evitati n-nuqqasijiet u l-eċċessi fi bliet differenti;

  • Iċ-ċertifikazzjoni – l-iffaċilitar ta' kif wieħed jagħti xhieda lil impjegatur ta' x'ħiliet għandu, ġej minn liema pajjiż ġej;

  • It-tqajjim tal-kuxjenza – sabiex dak li jkun jintebnaħ li s-settur diġitali joffri karrieri sbieħ u ta' sodisfazzjon kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa;

  • Tagħlim innovattiv – biex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħna jespandu u jittejbu biex jagħtu l-ħiliet għas-suċċess lil aktar nies.

Il-President Barroso appella wkoll lill-organizzazzjonijiet sabiex jimxu mal-eżempju tal-pledgers bikrija. Il-Kummissjoni għandha rwol x’taqdi, iżda azzjonijiet bħal taħriġ immexxi mill-industrija, għajnujna għall-mobilità tax-xogħol, ċertifikazzjoni tal-ħiliet, titjib tal-kurrikula skolastiċi u universitarji, it-tqajjim tal-kuxjenza, u l-ħolqien ta' ambjent favorevoli intraprenditorjali għan-negozji l-ġodda jeħtieġu l-impenn attiv tal-partijiet interessati kollha.

Il-Kummissjoni qed tniedi wkoll Startup Europe, li hija pjattaforma unika għal għodod u programmi li jappoġġjaw lil dawk li jixtiequ jwaqqfu u jiżviluppaw negozji-web ġodda fl-Ewropa.

Kuntest

Il-pakkett dwar l-impjiegi adottat mill-Kummissjoni f'April 2012 wera li hemm nuqqas sinifikanti fil-professjonisti tal-ICT minkejja l-qagħad għoli f'oqsma oħra (IP/12/380, MEMO/12/252).

Il-ħaddiema tal-ICT fl-Ewropa fl-2011 ammontaw għal 6.7 miljun li huwa 3.1% tal-ħaddiema globali. Mill-2000 sal-2010 l-għadd ta' ħaddiema fl-ICT kiber b’rata medja annwali ta’ 4.3%. Skont ċifri ġodda, li għadhom ma ġewx ippubblikati (Empirica, Marzu 2013),l-għadd ta’ impjiegi diġitali li ser jinħolqu fl-Ewropa sal-2015 jista' jlaħħaq sat-864,000. Madankollu, it-tnaqqis fin-numru tal-gradwati mill-universitajiet u l-irtirar tal-ħaddiema tal-ICT matul is-snin li ġejjin jafu jipperikolaw il-potenzjal tat-tkabbir tal-impjiegi fl-ICT. Jeħtieġ li l-edukazzjoni fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika tissaħħaħ u l-immaġini ta’ karriera f'dawn l-oqsma tittejjeb, b'mod partikolari għan-nisa.

Barra minn hekk, l-iżgurar li l-ħaddiema tal-UE jkollhom il-ħiliet ta’ livell għoli meħtieġa se jgħin biex jattira l- investiment u jipprevjeni t-telf ta' impjieg ewlenin tal-ICT lejn reġjuni oħrajn tad-dinja, kif huwa enfasizzat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Nisfruttaw il-potenzjal tal-impjiegi tal-ICT", maħruġ bħala parti mill-Pakkett tal-Impjiegi.

Bil-għan li jitbassru aħjar il-bżonnijiet tal-ħiliet, il-Kummissjoni Ewropea nediet, f'Diċembru 2012, il-websajt Panorama tal-Ħiliet tal-UE, li tippreżenta informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar il-ħtiġijiet ta' ħiliet immedjati u interim, il-provvista tal-ħiliet u tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet (IP/12/1329). Il-Panorama, billi tagħmel użu minn dejta u tbassir ikkumpilati fil-livell tal-UE u tal-Istat Membru, tenfasizza l-impjiegi li qed jikbru malajr kif ukoll okkupazzjonijiet b’effett lembutSkont id-DG TERMAL b'numri kbar ta' postijiet vakanti. Attwalment, hemm madwar 2 miljun impjieg vakanti madwar l-UE minkejja l-livelli għolja ta’ qgħad. Il-websajt fih informazzjoni dettaljata settur b'settur, professjoni bi professjoni u pajjiż b'pajjiż.

Il-Kunsiderazzjoni mill-ġdid u l-Liberalizzazzjoni tal-Edukazzjoni

Il-Kummissjoni nediet l-strateġija Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni f’Novembru 2012. Issejjaħ għal iktar investiment biex jittejbu s-sistemi ta’ taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali, speċjalment fil-qasam tal-ICT. L-istrateġija toffri wkoll intuwizzjonijiet dwar kif l-investimenti fl-edukazzjoni jistgħu jkunu mmirati biex jimmassimizzaw l-impatt tagħhom fi żminijiet ta' awsterità finanzjarja.

Barra minn hekk, Nilliberalizzaw l-Edukazzjoni, inizjattiva konġunta bejn Androulla Vassiliou u Neelie Kroes timmira biex l-edukazzjoni tkun aktar aċċessibbli permezz tat-teknoloġija u riżorsi edukattivi miftuħa, għandha tiġi adottata dan is-sajf.

Links utli

Impjiegi Diġitali

Il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali 

Id-Dokument ta' Qafas tal-Gran Koalizzjoni

Involvi ruħek fil-Gran Koalizzjoni

Segwi l-Gran Koalizzjoni fuq Twitter @eSkillsGrowthEU (hashtags: #GC_EU, #eSkills u #ICTjobs)

Is-sit ta' Agenda Digitali

Il-Pakkett dwar l-Impjiegi

L-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Sarah Collins (+32 2 296 80 76)

Ryan Heath (+32 2 296 17 16)

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Anness: Perċentwali ta' individwi b'ħiliet baxxi, medji u għoljin fil-kompjuter, 2011

Figura 6.7. Perċentwali ta' individwi b'ħiliet baxxi, medji u għoljin fil-kompjuter, 2011

Sors: Eurostat, Statistika tas-Soċjetà tal-Informazzjoni. Nota: Individwi t’età bejn is-16 u l-74 sena. Għal dettalji dwar tipi differenti ta' attivitajiet tal-kompjuter, ara http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/4-26032012-AP/EN/4-26032012-AP-EN.PDF


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website