Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-1 ta' Marzu 2013

Id-drittijiet tal-passiġġieri: protezzjoni aħjar għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ fl-UE

Illum isir applikabbli r-Regolament (UE) Nru 181/2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ, li jagħti drittijiet ġodda lill-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ fl-UE. Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-drittijiet bażiċi tal-passiġġieri, u jimponi għadd ta' obbligi fuq il-kumpaniji tax-xarabanks u l-kowċis u fuq il-maniġers tal-venda fejn tidħol ir-responsabbiltà tagħhom lejn il-passiġġieri. Kull sena madwar 70 miljun passiġġier jivvjaġġaw bix-xarabanks u l-kowċis fl-UE.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Siim Kallas, li huwa responsabbli għat-trasport, qal: "Żammejna kelmitna: b'dan ir-regolament il-ġdid, id-drittijiet tal-passiġġieri fl-UE se jitwessgħu wkoll għat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ. Issa l-UE hija l-ewwel żona fid-dinja li għandha sett sħiħ ta' drittijiet tal-passiġġieri għal kull mezz ta' trasport."

Ir-Regolament għax-xarabanks u l-kowċis jistabbilixxi drittijiet tal-passiġġieri li jixbhu d-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija u bil-baħar. Dawn id-drittijiet ġodda jinkludu:

  • Nondiskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità fejn jidħlu t-tariffi u kundizzjonijiet kuntrattwali oħrajn;

  • trattament nondiskriminatorju lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Speċifikament, għajnuna bla ħlas kemm f'vened magħżula tax-xarabank u abbord ix-xarabanks u l-kowċis, kif ukoll kumpens finanzjarju jekk it-tagħmir tal-mobbiltà tagħhom jintilef jew jiġrilu l-ħsara;

  • informazzjoni xierqa u aċċessibbli għall-passiġġieri kollha qabel u waqt il-vjaġġ tagħhom, kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet tagħhom fil-vened tax-xarabanks u fuq l-internet dwar id-drittijiet tagħhom;

  • rimborż sħiħ tal-prezz tal-biljett jew tibdil fir-rotta jekk isir ibbukkjar żejjed, jitħassar il-vjaġġ jew jittardja aktar minn sagħtejn mill-ħin stmat tat-tluq (applikabbli biss għal vjaġġi itwal minn 250 km);

  • kumpens ta' 50% tal-prezz tal-biljett kif ukoll rimborż sħiħ tal-prezz tal-biljett jekk isir ibbukkjar żejjed, jitħassar il-vjaġġ jew jittardja aktar minn sagħtejn mill-ħin stmat tat-tluq, meta kumpanija tax-xarabanks u l-kowċis ma toffrix id-dritt lill-passiġġier li jagħżel bejn rimborż u tibdil fir-rotta (applikabbli biss għal vjaġġi itwal minn 250 km);

  • għajnuna xierqa (bħal ikliet ħfief, ikliet, xarbiet, kif ukoll, jekk ikun meħtieġ, akkomodazzjoni) jekk jitħassar il-vjaġġ jew jittardja aktar minn 90 minuta fil-każ ta' vjaġġi itwal minn 3 sigħat (applikabbli biss għal vjaġġi itwal minn 250 km);

  • kumpens f'każ ta' mewt, korriment, telf jew ħsara fil-bagalji kkawżati minn inċidenti fit-toroq;

  • il-kumpaniji tax-xarabanks u l-kowċis joħolqu mekkaniżmu li jieħu ħsieb l-ilmenti u li jkun disponibbli għall-passiġġieri kollha;

  • jitwaqqfu korpi indipendenti f’kull Stat Membru tal-UE bil-mandat li jinfurzaw ir-Regolament u, fejn ikun xieraq, jimponu l-pieni.

Kuntest

Ħames snin ilu, qabel ma l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta l-proposta tagħha dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ, la kien hemm ftehim internazzjonali applikabbli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u lanqas leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi d-drittijiet ġenerali għal dan il-mezz ta' trasport.

Fl-2011, l-adozzjoni tar-Regoloment dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ, fissret it-temma tal-qafas legali għall-passiġġieri tal-mezzi kollha tat-trasport fuq il-livell ta' UE. Illum l-UE hija l-ewwel żona integrata tad-drittijiet tal-passiġġieri fid-dinja: il-passiġġieri huma protetti meta jivvjaġġaw fl-UE irrispettivament jekk hux bl-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar jew b'xarabank jew kowċ.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni Ewropea se torganizza l-ewwel laqgħa mal-awtoritajiet nazzjonali fil-ħarifa 2013 biex tikkoordina l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ.

Għal aktar tagħrif

Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004:

Żur il-websajt tal-Kummissjoni Your passenger rights at hand.

Niżżel l-applikazzjoni tal-ismartphones għad-drittijiet tal-passiġġieri, li tista' tinstab għal kull pjattaforma (id-drittijiet għat-trasport bil-baħar u b'xarabanks u kowċis se jiġu aġġornati dalwaqt).

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website