Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta’ Frar 2013

L-UE se tkun minn ta’ quddiem fil-ġlieda globali kontra l-faqar u se tirsisti favur żvilupp sostenibbli

Hekk kif l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs) jaslu fi tmiemhom fl-2015, u l-konferenza Rio+20 nediet il-proċess għat-tfassil tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Kummissjoni Ewropea tagħraf li ż-żewġ sfidi għandhom jiġu kkonfrontati flimkien permezz ta' approċ konġunt.

L-MDGs servew ta’ strument qawwi biex id-dinja tiġi mobilizzata madwar il-ġlieda kontra l-faqar. Illum, il-konfrontazzjoni mal-faqar għadha prijorità għolja flimkien ma' sfidi globali oħra bħal ma hu t-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tar-riżorsi, it-tħassir ambjentali u l-inugwaljanzi soċjali. Iż-żewġ sfidi tal-eliminazzjoni tal-faqar u l-garanzija ta’ żvilupp sostenibbli huma marbuta ma’ xulxin u l-Komunikazzjoni “Ħajja Deċenti għal Kulħadd: Neqirdu l-Faqar u Nagħtu lid-Dinja Futur Sostenibbli”, ippreżentata llum mill-Kummissjoni Ewropea, tipproponi qafas globali biex jiġu ndirizzati ż-żewġ kwistjonijiet, bil-ħsieb li tintlaħaq pożizzjoni komuni tal-UE biex tkun ta’ kontribut għad-dibattitu fi ħdan in-NU kif ukoll madwar id-dinja.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs qal: "Huwa possibbli li l-faqar estrem jiġi eliminat madwar id-dinja f'ġenerazzjoni waħda. Din mhix kwistjoni ta’ riżorsi, iżda pjuttost waħda ta’ rieda politika u tal-qafas it-tajjeb. Is-sentejn li ġejjin se jkunu ta’ importanza kritika għall-komunità internazzjonali biex tagħti prova li għandha din l-ambizzjoni. L-UE hija determinata li jkollha rwol deċiżiv u l-proposta tal-lum hija l-ewwel pass f'din id-direzzjoni."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "L-isforzi għall-eliminazzjoni tal-faqar ghandhom jimxu id f’id mal-iżvilupp sostenibbli. Mingħajr dan, sempliċement mhux se jirnexxielna. Din hija r-raġuni għaliex il-Komunikazzjoni tal-lum tipproponi qafas wieħed u koerenti biex toffri hajja dinjituża ghal kulħadd sal-2030.”

Il-qafas għandu jinkludi sett limitat ta’ għanijiet, li jkunu ċari u li jispiraw, li jindirizzaw mhux biss miri kwantitattivi, iżda wkoll kwalitattivi, bħal ma huma livelli fl-edukazzjoni, in-nutrizzjoni, l-aċċess għal ilma u arja nodfa. Dawn l-għanijiet għandhom jistabbilixxu limitu minimu li anqas minnu m’għandhom ikunu qed jgħixu l-ebda raġel, mara, tifel jew tifla sal-2030, sabiex kulħadd ikun jista’ jkollu ħajja deċenti. Il-qafas għandu jindirizza elementi kruċjali bħal ma huma livelli bażiċi umani ta’ għixien, li huma l-mutur ta’ tkabbir inklussiv u sostenibbli, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-kwistjonijiet ta’ ekwità, ugwaljanza u ġustizzja, u l-paċi u s-sigurtà. Għandu japplika għall-pajjiżi kollha u jkun relevanti għal kull ċittadin tal-pjaneta, u għandu jiżgura tisħib effettiv bejn il-pajjiżi, is-soċjetà ċivili u s-settur privat f’livell nazzjonali u internazzjonali.

L-isfond

Matul l-aħħar deċennju, l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju servew ta’ strument qawwi biex id-dinja tiġi mobilizzata madwar il-ġlieda kontra l-faqar. Għalkemm xi progress lejn il-kisba tagħhom sar, għad hemm sfidi, u b’hekk tidher il-ħtieġa li jitwettaq dak li għadu ma nkisibx mill-aġenda preżenti tal-MDG, li tintemm fl-2015. Fl-2012, is-Segretarju Ġenerali tal-NU Ban Ki-Moon ħatar Panel ta' livell għoli - li fuqu jservi l-Kummissarju Piebalgs - biex jipproponi aġenda ta' żvilupp għal wara l-2015. Fil-ħarifa tal-2013, se jkun hemm avveniment speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li waqtu se jiġu kkunsidrati l-isforzi li saru lejn il-kisba tal-MDGs, se jiġu diskussi mezzi sabiex jitħaffef il-progress qabel l-2015, u biex jibda l-iskambju dwar x’jista’ jsir wara dik id-data.

Fl-istess ħin, waqt il-Konferenza Rio+20 f’Ġunju 2012, il-komunità internazzjonali qablet li tintensifika l-azzjoni dwar l-isfidi ewlenin għas-sostenibilità u bdiet il-proċess għall-formulazzjoni ta’ Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li se jingħataw spinta mill-Grupp ta’ Ħidma miftuħ tan-NU dwar l-SDGs. L-impenji magħmula waqt il-Konferenza Rio+20 f’Ġunju 2012 issa jridu jiġu implimentati. Sa Settembru 2014 hu mistenni li jiġi ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU rapport dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u l-Komunikazzjoni tal-lum se tkun ta’ kontribut għall-pożizzjoni tal-UE dwar kif dawn għandhom jitfasslu.

Il-Komunikazzjoni adottata llum tappella biex dawn iż-żewġ proċessi jikkonverġu mill-aktar fis u jiġu integrati f’qafas uniku wara l-2015.

Il-Komunikazzjoni hija r-riżultat ta’ proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali.

L-UE hija l-ikbar donatur tal-għajnuna fid-dinja, li tipprovdi aktar minn nofs l-għajnuna kollha għall-iżvilupp. L-UE hija l-iktar sieħeb kummerċjali sinifikanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll sors ewlieni ta’ teknoloġija, innovazzjoni, investiment u imprenditorija. Flimkien, dawn l-elementi fissru li l-UE kienet kapaċi tagħti kontribut sinifikanti biex jinkisbu l-MDGs. Pereżempju, bejn l-2004 u l-2010, l-għajnuna tal-UE pprovdiet aċess għall-ilma tax-xorb għal 32 miljun ruħ, iddaħħlu aktar minn 10 miljun tifel u tifla fi skejjel primarji u għenet biex aktar minn 5 miljun tifel u tifla jitlaqqmu kontra l-ħosba.

L-UE se tkompli tirsisti għal żvilupp sostenibbli madwar id-dinja, u tappoġġja t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika inklużiva - notevolment permezz ta’ firxa ta’ politiki u azzjonijiet kemm fil-livell tal-unjoni kif ukoll f’livell internazzjonali.

Għal aktar informazzjoni

It-test sħiħ tal-Komunikazzjoni

http://ec.europa.eu/europeaid/documents/2013-02-22_communication_a_decent_life_for_all_post_2015_en.pdf

MEMO/13/143: Komunikazzjoni ‘Ħajja Deċenti għal Kulħadd: Neqirdu l-Faqar u Nagħtu lid-Dinja Futur Sostenibbli’

Websajts għall-Kummissarji għall-iżvilupp u l-ambjent:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/potocnik/index_en.htm

Il-websajt tad-DG ghall-Izvilupp u l-Kooperazzjoni:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_en.htm

Il-websajt tad-DĠ għall-Ambjent:

http://ec.europa.eu/environment/index_en.htm

http://ec.europa.eu/environment/international_issues/rio20_en.htm

Kuntatti :

Alexandre Polack (+32 2 299 06 77)

Wojtek Talko (+32 2 297 85 51)

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website