Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 27 ta' Frar 2013

Nimmobilitaw il-bliet kapitali tal-UE: Il-Kummissarju Hahn iħeġġeġ lis-Sindki joħorġu lill-Ewropa mill-kriżi

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Johannes Hahn se jospita l-ewwel taħditiet diretti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-bliet kapitali tal-UE għada, it-28 ta' Frar.

Il-Kummissarju Hahn se jitlob lill-20 sindku li se jattendu biex jieħdu rwol ta' tmexxija fl-ispinta lejn l-irkupru u t-tkabbir. Huwa argumenta favur rwol aktar ċentrali għall-bliet kapitali bħala l-muturi ekonomiċi u soċjali tal-Ewropa. Huwa qiegħed ukoll jippromwovi dimensjoni urbana aktar prominenti fil-Politika ta’ Koeżjoni u fil-politika inġenerali tal-UE.

L-avveniment għandu l-għan li jippromwovi d-djalogu bejn is-sindki tal-Bliet Kapitali tal-Ewropa: bejniethom, mal-Kummissjoni Ewropea u biex jiġu mobilizzati biex jilħqu l-miri tal-Aġenda Ewropa 2020 għat-Tkabbir.

Il-Kummissarji Neelie Kroes għall-Aġenda Diġitali u Janez Potočnik għall-ambjent se jipparteċipaw ukoll fil-laqgħa. Is-Sindki ta’ Amsterdam, Ateni, Berlin, Bratislava, Brussell, Bukarest, Liżbona, Ljubljana, il-Lussemburgu, Madrid, Nikożija, Ruma, Sofia, Stokkolma, Tallinn, il-Belt Valletta, Vjenna, Vilnius, Varsavja u Zagreb - kollha presenti- se jħejju stqarrija konġunta dwar ir-rwol tal-bliet u r-rwol ċentrali tagħhom bħala mutur għat-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklussiv. Din l-istqarrija se tiġi appoġġjata wkoll minn għadd ta' Sindki li mhux ser ikunu jistgħu jattendu.

Qabel il-laqgħa l-Kummissarju Hahn qal, "il-problemi ekonomiċi u soċjali tal-Ewropa huma ħafna drabi konċentrati u viżibbli l-aktar fil-bliet Kapitali. Iżda l-bliet Kapitali huma wkoll il-muturi tal-Ewropa - fejn jistgħu jinstabu l-aktar soluzzjonijiet importanti: fl-oqsma tal-kompetittività, l-impjiegi, l-edukazzjoni, it-trasport, l-ambjent u l-innovazzjoni. Dan jagħmilhom kruċjali biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi. Mingħajr il-bliet kapitali tal-Ewropa l-Aġenda Ewropa 2020 għat-Tkabbir ma tistax issir realtà. Għalhekk jien qiegħed nappella lis-sindki biex ikunu minn ta' quddiem biex joħorġu lill-Ewropa mill-kriżi."

Il-Kummissarju Hahn konsistentement isostni l-kawża tal-bliet, billi jargumenta biex l-iżvilupp tal-bliet tal-Ewropa jingħata aktar attenzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew: fil-Politika ta’ Koeżjoni, iżda wkoll għal dimensjoni urbana aktar prominenti fil-politiki kollha tal-UE. Kif dan se jiġi integrat fil-politiki u l-investimenti futuri tal-UE se jkun element ewlieni tad-diskussjonijiet tas-Sindki.

Fil-laqgħa, il-Viċi-President Kroes se tiddiskuti l-importanza tal-ICT għal tkabbir intelliġenti fil-bliet, speċjalment b’referenza għas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti1 li tnediet dan l-aħħar. Hija se tissottolinja li l-konnessjonijiet tal-internet veloċi fl-Ewropa kollha huma element ewlieni li jippermetti l-progress soċjali u ekonomiku u li jeħtieġ livell xieraq ta' għajnuna fil-livell tal-UE.

Il-Kummissarju Potočnik se jippreżenta l-ideat tiegħu dwar it-tkabbir ekoloġiku f’kuntest urban; kif l-iffrankar tal-enerġija u l-potenzjal tal-innovazzjoni ta' bliet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u jżidu l-kompetittività. Il-Kummissjoni Ewropea għamlet għadd ta' proposti biex ittejjeb ir-rendiment tal-investimenti fiż-żoni urbani, fir-riforma tal-Politika ta’ Koeżjoni li qed tiġi diskussa bħalissa. Dawn il-proposti jenfasizzaw approċċ integrat lejn it-tfassil tal-politika. Il-Kummissjoni pproponiet delega akbar ta’ poteri lill-bliet infushom, u l-opportunità biex il-bliet ikunu jistgħu jippruvaw approċċi ġodda biex iżommu ruħhom aġġornati mal-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali ġodda.

B'reazzjoni għal dan l-aħħar punt, il-ftehim reċenti dwar il-baġit tal-UE 2014-20, li jrid jiġi approvat mill-Parlament Ewropew, jiddelimita madwar EUR 330 miljun għal azzjonijiet urbani innovattivi.

L-avveniment se jinfetaħ mill-Kummissarju Hahn fis-14.00 fil-bini ta’ Berlaymont fi Brussell fis-sala tal-konferenzi Walter Hallstein. Wara d-diskussjoni bil-bibien magħluqa, fl-16.00 se jkun hemm konferenza stampa u ritratt flimkien tal-parteċipanti.

Sfond:

Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana li għadu kif ingħata dan l-isem ġdid, ingħata rwol ġdid mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso biex jikkoordina l-inizjattivi tal-politika urbana tal-Unjoni Ewropea.

Il-ħtieġa għal approċċ aktar koerenti u magħqud hija riflessa fil-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u fil-proposti biex jiġu rriformati r-regoli tal-Politika ta’ Koeżjoni, biex ikun hemm approċċ aktar integrat u effettiv għall-iżvilupp urban. Dawn il-proposti jinkludu li minimu ta' 5% mill-allokazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fl-Istati Membri kollha jridu jiġu allokati għal żvilupp urban sostenibbli u integrat.

Il-5% huwa minimu – ma hemm l-ebda limitu massimu - għall-investimenti settorjali f'żoni urbani; Mill-2007, madwar EUR 92 biljun jew kważi 40% tal-fondi Reġjonali kollha tal-UE, ġew allokati għal proġetti fil-bliet. Iżda fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn segwew "approċċ settorjali" pereżempju proġetti marbuta ma' użu baxx ta' karbonju, trasport, inklużjoni soċjali, li fihom il-bliet infushom ftit li xejn kellhom vuċi. Il-Kummissjoni qed tinsisti għal investimenti aktar olistiċi, integrati u deċiżi bi sħubija mal-bliet.

Minbarra li qed tipproponi rwol akbar għall-awtoritajiet urbani fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi urbani integrati, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tinsisti għal kodiċi ta' kondotta biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni lokali fil-programmar u l-implimentazzjoni tal-fondi.

EUR 330 miljun oħra se jkunu allokati għal azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli li jimmiraw direttament lejn l-awtoritajiet urbani. Dawn se jiġu mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ sejħiet għal proposti għal finanzjament mifruxa mal-Ewropa kollha.

Għal iktar informazzjoni ara:

Ir-rapport 'Cities of Tomorrow'

Żvilupp urban sostenibbli permezz tal-Politika Reġjonali tal-UE:
http://ec.europa.eu/regional_policy/activity/urban/index_mt.cfm

Proġetti urbani ewlenin:
http://ec.europa.eu/regional_policy/conferences/mayors/2013/projects_en.cfm

Segwi lill-Kummissarju Hahn fuq Twitter: @JHahnEU

Persuni ta' kuntatt:

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65); Mob (+32 4607 66565)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10); Mob +32 4607 93310)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website