Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Frar 2013

Il-Kummissarju Malmström tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża mal-Ġeorġja

Illum f'Tbilisi, il-Ġeorġja, il-Kummissarju Malmström se tippreżenta l-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja. Il-preżentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tirrappreżenta pass ieħor lejn il-liberalizzazzjoni sħiħa tal-viżi. Hija b'mod ċar tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi kollha li għandhom jiġu ssodisfati mill-Ġeorġja qabel l-istabbiliment possibbli ta' sistema ta' vvjaġġar mingħajr viża.

"Nixtieq nifraħ lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja għall-isforzi li għamlu s’issa biex iwettqu r-riformi meħtieġa u jagħmlu possibbli l-bidu tad-djalogu dwar il-viża u dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Dan huwa pass ieħor lejn vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja u lejn l-għan komuni ta' integrazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Ġeorġja", iddikjarat Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

Il-pjan ta’ azzjoni huwa strutturat f’erba’ blokok ta’ miżuri li jittrattaw rispettivament is-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni, l-ordni u s-sigurtà pubblika, u kwistjonijiet rilevanti tar-relazzjonijiet esterni.

Huwa jinkludi l-ewwel sett ta’ kriterji li jikkonċernaw il-qafas tal-politika (il-leġiżlazzjoni u l-ippjanar) u t-tieni sett ta’ parametri aktar speċifiċi, li jkopru l-implementazzjoni effettiva u sostenibbli ta’ miżuri rilevanti inklużi riżultati konkreti fuq il-post.

L-awtoritajiet Ġeorġjani huma mħeġġa jkomplu jaħdmu id f’id biex isegwu r-riformi meħtieġa fl-oqsma kollha rilevanti għad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi, inklużi: il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-protezzjoni tad-dejta, l-antidiskriminazzjoni u l-ħarsien tal-minoranzi, kif ukoll ir-riforma ġudizzjarja bil-għan li tiġi żgurata l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja.

Il-Kummissjoni se tevalwa regolarment it-twettiq u l-implimentazzjoni effettivi u konsistenti mill-Ġeorġja ta' kull sett ta' punti ta' riferiment.

Fl-okkażjoni taż-żjara tagħha, il-Kummissarju Malmström se jkollha laqgħat mal-President tal-Ġeorġja, Mikhail Saakashvili, mal-Prim Ministru tal-Ġeorġja, Bidzina Ivanishvili, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġeorġja, kif ukoll ma' membri oħra tal-gvern Ġeorġjan.

Matul iż-żjara tagħha, il-Kummissarju Malmström se jkollha wkoll l-opportunità li tiltaqa' ma' numbru ta' NGOs Ġeorġjani li qed jaħdmu fil-qasam tal-migrazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba.

L-isfond

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi mal-Ġeorġja f'Ġunju 2012 (IP/12/561).). Il-Pjan ta' Azzjoni ppreżentat illum se jkun l-istrument ewlieni sabiex jitwettaq dan id-djalogu. Huwa jippermetti lill-awtoritajiet tal-UE u tal-Ġeorġja sabiex jeżaminaw il-prekundizzjonijiet tekniċi kollha għall-istabbiliment ta' vjaġġar mingħajr viżi għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja.

Flimkien ma' miżuri oħra adottati riċentement, bħat-twaqqif ta' Sħubija tal-Mobilità fl-2009 (IP/09/1853) u d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet tal-Faċilitazzjoni tal-Viża u r-Riammissjoni fl-2011, dan il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viżi jikkostitwixxi kontribuzzjoni oħra għall-għan komuni ta' integrazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Ġeorġja.

Bħala l-ewwel pass lejn l-objettiv fit-tul ta' vjaġġar mingħajr viża, iċ-ċittadini tal-Ġeorġja diġà jgawdu l-benefiċċji ta' ftehim tal-faċilitazzjoni tal-viżi mal-UE sa minn Marzu 2011. Il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi jistabbilixxi ħlas aktar baxx għall-viżi għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja u jwarrab il-ħlas għal kategoriji wiesgħa ta' applikanti għall-viżi, bħat-tfal, il-pensjonanti, l-istudenti, in-nies li jkunu qed iżuru membri tal-familja li jgħixu fl-UE, nies li jeħtieġu trattament mediku, operaturi ekonomiċi li jaħdmu ma' kumpaniji tal-UE, sportivi, parteċipanti fi skambji kulturali, jew ġurnalisti. Il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viża jaċċellera wkoll il-proċeduri għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-viża u jistabbilixxi l-obbligazzjoni li jinħarġu viżi għal aktar minn dħul wieħed b'perjodu twil ta' validità għal ċerti kategoriji ta' vjaġġaturi frekwenti.

Links Utli

Il-websajt ta’ Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ Affarijiet Interni

Segwi lid-DĠ Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website