Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, 22 ta' Frar 2013

It-tbassir għax-xitwa 2012-14: Negħlbu l-irwiefen gradwalment

Filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju fl-UE tjiebu b’mod sostanzjali mis-sajf li għadda, l-attività ekonomika kienet diżappuntanti fit-tieni nofs tal-2012. Madankollu, indikaturi ewlenin jissuġġerixxu li l-PDG fl-UE issa laħaq l-aktar livell baxx possibbli u qed nistennew li l-attività ekonomika gradwalment taċċellera. Iż-żieda fit-tkabbir inizjalment se titmexxa minn żieda fid-domanda esterna. L-investiment u l-konsum domestiċi huma mbassra li jirkupraw aktar tard fis-sena, u sal-2014 id-domanda domestika hija mistennija li ssir il-mutur prinċipali għat-tisħiħ tat-tkabbir tal-PDG.

Id-dgħufija tal-attività ekonomika lejn tmiem l-2012 timplika bidu batut għas-sena attwali. Flimkien ma' ritorn aktar gradwali tat-tkabbir milli kien mistenni qabel, dan iwassal għal tbassir ta' tkabbir annwali tal-PDG baxx fl-2013 ta' 0.1% fl-UE u tnaqqis ta' -0.3% fiż-żona tal-euro. L-iżviluppi tal-PDG kull tliet xhur huma kemxejn aktar dinamiċi minn dak li jissuġġerixxu ċ-ċifri annwali, u l-PDG fl-aħħar tliet xhur tal-2013 huwa mbassar li jkun 1.0% ogħla mil-livell milħuq fl-aħħar tliet xhur tal-2012 fl-UE, u 0.7% fiż-żona tal-euro.

Il-kuntrast bejn is-sitwazzjoni mtejba tas-suq finanzjarju u l-prospetti makroekonomiċi siekta għall-2013 huwa sa ċertu punt minħabba l-proċess tal-aġġustament fil-karta tal-bilanċ, li jkompli jitfa’ piż fuq it-tkabbir fuq perjodu ta' żmien qasir. Hekk kif dan il-proċess jimxi 'l quddiem, dan se jsaħħaħ ukoll il-bażi għat-tkabbir fl-2014, li huwa mbassar għal 1.6% fl-UE u 1.4% fiż-żona tal-euro.

Olli Rehn, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, qal: "L-ibbilanċjar mill-ġdid li għaddej bħalissa tal-ekonomija Ewropea qed ikompli jitfa’ piż fuq it-tkabbir fuq perjodu ta' żmien qasir. Is-sitwazzjoni attwali tista’ titqassar kif ġej: għandna dejta oġġettiva diżappuntanti minn tmiem is-sena l-oħra, xi dejta suġġettiva aktar inkoraġġanti fil-passat riċenti, u fiduċja tal-investituri li qed tikber fis-suq finanzjarju fil-ġejjieni. L-azzjoni ta’ politika deċiżiva li qed issir dan l-aħħar qed twitti t-triq għal ritorn għall-irkupru. Irridu nibqgħu nirriformaw u nevitaw kwalunkwe telf ta’ momentum li jista' jdgħajjef il-bidla fil-fiduċja li għaddejja bħalissa u jdewwem it-titjib meħtieġ fit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi."

Titjib gradwali mistenni tal-konsum u tal-investiment

Miżuri ta’ politika importanti adottati mis-sajf li għadda ċaqalqu l-valutazzjoni tas-swieq tal-vijabbiltà tal-UEM u s-sostenibbiltà fiskali tal-Istati Membri tagħha.

Taħlita ta' dgħufijiet ċikliċi, inċertezza u l-aġġustament imtawwal tal-karti tal-bilanċ u tar-riallokazzjoni tar-riżorsi fl-ekonomija kollha – li hija tipika tal-konsegwenzi ta’ kriżi finanzjarja profonda - bħalissa qed iżommu lura l-konsum u l-investiment domestiċi. Madankollu, ir-ritorn tal-fiduċja fost il-familji u n-negozji għandu jnaqqas l-impatt negattiv ta' dawn il-fatturi. Hekk kif it-tnaqqis tat-tensjonijiet fis-swieq finanzjarji huwa mistenni li jwassal għal kundizzjonijiet aħjar ta'self , dan għandu jiftaħ it-triq għal ritorn gradwali tat-tkabbir fil-konsum u fl-investiment matul l-2013.

Id-dgħufija attwali fl-attività ekonomika hija mistennija li twassal għal żieda fil-qgħad din is-sena sa 11.1% fl-UE u 12.2% fiż-żona tal-euro.

Hekk kif l-impatt ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija fuq l-inflazzjoni huwa mistenni li jbatti, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-konsumaturi fl-UE hija mistennija li tonqos b’mod gradwali matul l-2013 u tistabbilizza ruħha għal madwar 1.7% fl-UE u 1.5% fiż-żona tal-euro s-sena d-dieħla.

Titjib tal-konsolidament fiskali

Miżuri fiskali mdaqqsa li qed jimplimentaw l-Istati Membri għandhom iwasslu għal tnaqqis ieħor ta' defiċits fiskali nominali għal 3.4% fl-UE u 2.8% fiż-żona tal-euro fl-2013. It-tnaqqis tal-bilanċ strutturali tal-baġit huwa mistenni li jimxi b’pass aktar bil-mod din is-sena mill-2012. Il-konsolidazzjoni fiskali li għaddejja bħalissa fiha ż-żieda fil-livelli tad-dejn imqabbla mal-PDG, u għandha tiżdied ftit aktar fl-2013 hekk kif it-tkabbir tal-PDG jibqa' moderat.

Filwaqt li r-riskji għall-prospetti tat-tkabbir għadhom fil-biċċa l-kbira negattivi, id-distribuzzjoni tar-riskju saret sostanzjalment aktar ibbilanċjata. L-implimentazzjoni effettiva tal-politiki għat-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u t-trawwim tal-aġġustamenti meħtieġa hija kritika sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' aggravament ieħor tal-kriżi tad-dejn sovran. Riskji negattivi oħra għandhom x’jaqsmu mad-dgħufija fis-suq tax-xogħol li taffettwa d-domanda domestika u tnaqqas il-momentum tar-riforma kif ukoll l-isfidi baġitarji għal perjodu ta’ żmien medju li għadhom kbar fl-Istati Uniti u l-Ġappun. Jista' jkun hemm riskji pożittivi għat-tkabbir fil-PDG jekk it-titjib fir-riżoluzzjoni tal-kriżi u r-riformi strutturali jkun aktar mgħaġġel u/jew ir-ritorn tal-fiduċja jkun aktar b’saħħtu milli mistenni. Ir-riskji għall-prospetti tal-inflazzjoni jidhru li huma bbilanċjati.

Ir-rapport dettaljat jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2013_winter_forecast_en.htm

Kuntatti :

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site