Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta' Frar 2013

It-tabakk fl-UE : l-esponiment għal tipjip passiv naqas, imma għadu għoli wisq, jgħid rapport tal-Kummissjoni

Il-ħarsien mit-tipjip passiv tjieb b’mod konsiderevoli fl-UE, skont rapport ippubblikat illum mill-Kummissjoni. 28% tal-Ewropej ġew esposti għat-tipjip passiv fil-barijiet fl-2012 - tnaqqis mis-46% tal-2009. Ir-rapport huwa bbażat fuq rapporti li s-27 Stat Membru stess għamlu, wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 dwar Ambjent bla tipjip (2009/C 296/02), li sejħet lill-gvernijiet biex jadottaw u jimplimentaw liġijiet biex iħarsu b’mod sħiħ liċ-ċittadini tagħhom minn esponiment għad-duħħan tat-tabakk f’postijiet pubbliċi fil-magħluq , postijiet tax-xogħol u trasport pubbliku. Ir-rapport ixejjen it-tħassib dwar l-impatt negattiv tal-projbizzjoni tat-tipjip fuq il-qliegħ tal-barijiet u r-ristoranti, billi wera li l-impatt ekonomiku kien limitat, newtrali u saħansitra pożittiv biż-żmien. Madankollu, ir-rapport wera wkoll li xi Stati Membri qatgħu lura, fejn għandu x'jaqsam ma' liġijiet komprensivi li jipproteġu s-saħħa pubblika, u l-infurzar.

Tonio Borg, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, qal: "Ir-rapport ipubblikat illum juri li l-Istati Membri għamlu progress kostanti fil-protezzjoni taċ-ċittadini tagħhom mit-tipjip passiv. L-esponiment taċ-ċittadin għat-tipjip, madankollu, għadu jvarja ħafna fl-UE u għad hemm triq twila quddiemna biex l-“Ewropa Ħielsa mid-Dħaħen tas-Sigaretti”" issir realtà. Inħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni, infaħħar lil dawk li adottaw liġijiet ambizzjużi għal ambjent ħieles mid-dħaħen tas-sigaretti u nħeġġeġ lill-oħrajn jimxu fuq l-istess passi”.

L-esponiment għat-tipjip passiv tat-tabakk hu sors mifrux ta' mortalità, morbidità u diżabbiltà fl-UE. Skont stimi konservattivi1, iktar minn 70 000 adult fl-UE mietu kawża tal-esponiment għat-tipjip tat-tabakk fl-2002, ħafna minnhom nies li ma jpejpux jew ħaddiema esposti għat-tipjip passiv fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Qafas għall-Kontroll tat-Tabakk issejjaħ lill-firmatarji kollha (176 parti) biex jipprovdu protezzjoni effettiva mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk f'postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, trasport pubbliku, postijiet pubbliċi fuq ġewwa, u, kif meħtieġ, postijiet pubbliċi oħra . Fl-2007, ġew adottati linji gwida biex jgħinu lill-partijiet jilħqu l-obbligi tagħhom.

Kien f’dan il-kuntest li l-Kunsill adotta Rakomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjent bla Tipjip fl 2009, fejn sejjaħ lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri biex jipprovdu ħarsien effettiv kontra l-esponiment għat-tipjip passiv mhux iktar tard min-Novembru tal-2012.

Sejbiet ewlenin oħra tar-rapport:

  • L-Istati Membri kollha rrappurtaw li adottaw miżuri biex jipproteġu liċ-ċittadini mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk.

  • Il-miżuri nazzjonali jvarjaw b’mod konsiderevoli fil-firxa u fl-ambitu. Madwar nofs l-Istati Membri adottaw jew saħħew il-leġiżlazzjoni tagħhom għal ambjent ħieles mid-dħaħen tas-sigaretti mill-2009 ‘l hawn. Ħafna anki bdew qabel.

  • L-infurzar jidher li huwa problema f’xi Stati Membri. Il-leġiżlazzjoni kumplessa (jiġifieri leġiżlazzjoni li fiha eżenzjonijiet) hi partikolarment diffiċli biex tiġi inforzata.

  • Ir-rati ta’ esponiment attwali għaċ-ċittadini tal-UE niżlu b’mod ġenerali mill-2009 sal-2012 (eż. għal ċittadini li jżuru postijiet tax-xorb ir-rata ta’ esponiment naqset minn 46% għal 28%). Madankollu, hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri.

  • Il-Belġju, Spanja u l-Polonja huma eżempji ta' pajjiżi fejn l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni komprensiva wasslet għal tnaqqis sinifikanti fir-rati ta' esponiment fi żmien qasir.

  • L-effetti pożittivi fuq is-saħħa tal-leġiżlazzjoni għal ambjent ħieles mid-dħaħen tas-sigaretti huma immedjati u jinkludu tnaqqis fl-inċidenza tal-attakki tal-qalb u titjib fis-saħħa respiratorja.

  • L-appoġġ tal-pubbliku għal-leġiżlazzjoni għal ambjent ħieles mid-dħaħen tas-sigaretti hu għoli ħafna fl-Ewropa. Stħarriġ tal-2009 wera li l-maġġoranza tal-Ewropej jagħtu l-appoġġ tagħhom. Dawn huwa appoġġjat ukoll permezz ta’ stħarriġ nazzjonali li juri li l-appoġġ żdied wara l-introduzzjoni ta’ miżuri effettivi.

Għal iktar informazzjoni dwar leġiżlazzjoni kontra t-tipjip fl-UE ara:

http://ec.europa.eu/health/tobacco/smoke-free_environments/index_en.htm

Is-sit tal-internet tal-Kummissarju Borg:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/borg/index_en.htm

Segwina fuq Twitter: @EU_Health

Contacts :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-ambjenti bla tipjip (2009/C 296/02)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site