Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Iċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (EC3) se jiftaħ fil-11 ta' Jannar

Commission Européenne - IP/13/13   09/01/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' Jannar 2013

Iċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (EC3) se jiftaħ fil-11 ta' Jannar

Mill-11 ta’ Jannar iċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (EC3) il-ġdid se jkun lest u operattiv biex jgħin jipproteġi liċ-ċittadini u n-negozji Ewropej miċ-ċiberkriminalità. Il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström se tipparteċipa fil-ftuħ uffiċjali taċ-Ċentru li jinsab fl-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, il-Europol f'The Hague (il-Pajjiżi l-Baxxi).

"Iċ-Ċentru kontra ċ-Ċiberkirminalità se jagħti spinta qawwija lill-kapaċità tal-UE fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u jiddefendi internet ħieles, miftuħ u sikur. Iċ-ċiberkriminali huma makakki u ħfief biex jużaw teknoloġiji ġodda għal skopijiet kriminali; l-EC3 se jgħinna nsiru aktar intelliġenti u preparati biex nimpedixxu u niġġieldu r-reati tagħhom," qalet il-Kummissarju Malmström.

"Fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, bin-natura bla fruntieri tagħha u l-kapaċità enormi tal-kriminali li jistaħbew, għandna bżonn ta' reazzjoni flessibbli u adegwata. Iċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità huwa maħsub biex jipprovdi dan l-għarfien espert bħala ċentru ta' fużjoni, bħala ċentru għall-appoġġ investigattiv u forensiku operattiv, iżda wkoll permezz tal-kapaċità tiegħu li jimmobilizza r-riżorsi kollha rilevanti fl-Istati Membri tal-UE, li jimmitiga u jnaqqas it-theddida miċ-ċiberkriminali minn kull fejn jistgħu jkun qed joperaw," qal Troels Oerting, il-kap taċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità

L-investigazzjonijiet ta' frodi onlajn, abbuż tat-tfal onlajn u reati ċibernetiċi oħra regolarment jinvolvu mijiet ta' vittmi f'daqqa, u persuni suspettati f'ħafna partijiet differenti tad-dinja. Operazzjonijiet ta’ dan il-kobor ma jistgħux jitwettqu b'suċċess mill-forzi tal-pulizija nazzjonali individwalment.

Il-ftuħ taċ-Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (EC3) iġib miegħu bidla sinifikanti minn kif l-UE kienet qed tindirizza ċ-ċiberkriminalità sa issa. Fuq kollox, l-approċċ tal-EC3 se jkun wieħed li jħares 'il quddiem u inklużiv aktar. Se jiġbor flimkien għarfien espert u informazzjoni, jappoġġa investigazzjonijiet kriminali u jippromwovi soluzzjonijiet għall-UE kollha.

L-EC3 se jiffoka fuq attivitajiet onlajn illegali mwettqa minn gruppi kriminali organizzati, speċjalment attakki fuq l-e-banking u attivitajiet finanzjarji oħra onlajn, l-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet u dawk ir-reati li jaffettwaw l-infrastruttura ta' importanza kritika u s-sistemi tal-informazzjoni tal-UE.

Iċ-Ċentru għandu wkoll jiffaċilita r-riċerka u l-iżvilupp u jiżgura l-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-imħallfin u l-prosekuturi u se jipproduċi valutazzjonijiet tat-theddid, inklużi analiżi tax-xejriet u tbassir u twissijiet bikrin. Bil-għan li jiżżarmaw aktar netwerks ċiberkriminali u jittellgħu l-qorti aktar persuni suspettati, l-EC3 se jiġbor u jipproċessa dejta relatata taċ-ċiberkriminalità u se jipprovdi Help Desk kontra ċ-Ċiberkriminalità lill-unitajiet tal-infurzar tal-liġi tal-pajjiżi tal-UE. Se joffri appoġġ operattiv lill-pajjiżi tal-UE (eż. kontra l-intrużjoni, il-frodi, l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet, eċċ.) u jipprovdi għarfien espert tekniku, analitiku u forensiku ta' livell għoli f'investigazzjonijiet konġunti fl-UE.

Skont Ewrobarometru riċenti, l-Ewropej għadhom imħassba ħafna dwar is-sigurtà ċibernetika. 89% tal-utenti tal-internet jevitaw li jiżvelaw informazzjoni personali onlajn, u 12% diġà esperjenzaw frodi onlajn.

Madwar miljun ruħ madwar id-dinja kollha jkunu vittmi ta' xi forma ta' reat ċibernetiku kull jum. L-istimi jindikaw li madwar id-dinja kollha l-vittmi jitilfu madwar EUR 290 biljun kull sena b'riżultat tal-attivitajiet ċiberkriminali (Norton, 2011).

Sfond

Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (EC3) fi "L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni" (IP/10/1535 u MEMO/10/598), adottata fit-22 ta’ Novembru 2010 mill-Kummissjoni.

It-twaqqif ta' Ċentru Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità (EC3) (IP/12/317 u MEMO/12/221) huwa parti minn sensiela ta' miżuri li għandhom l-għan li jipproteġu liċ-ċittadini mir-reati onlajn. Jikkomplementa proposti leġiżlattivi bħad-Direttiva dwar l-attakki fuq s-sistemi tal-informazzjoni (IP/10/1239 u MEMO/10/463) u d-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet u l-pornografija tat-tfal adottata fl-2011 (IP/11/1255).

Iċ-Ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali tal-EC3 se ssir fil-11 ta' Jannar fil-kwartieri ġenerali tal-Europol f'The Hague, il-Pajjiżi l-Baxxi

Reġistrazzjoni għall-ġurnalisti

Jekk jogħġbok irreġistra għall-ftuħ uffiċjali f'The Hague billi tuża l-formola ta' talba għall-midja https://www.europol.europa.eu/webform/media-request fejn tagħti l-ismijiet tal-parteċipanti, l-organizzazzjoni medjatika tagħhom u t-tip ta' organizzazzjoni medjatika.

L-għeluq tar-reġistrazzjoni huwa l-10 ta' Jannar 2013, fis-14:00.

Jekk jogħġbok ġib ID u karta tal-ġurnalisti validi.

Għal aktar dettalji dwar il-programm, jekk jogħġbok ara l-websajt tal-Europol

https://www.europol.europa.eu/content/news/ec3-opening-european-cybercrime-centre-1933

Għal aktar informazzjoni

MEMO/13/6

Infographics

Għall-midja awdjoviżiva: Vidjos mill-arkivji u intervisti mill-EC3 jistgħu jitniżżlu b'xejn minn:

http://ec.europa.eu/avservices/video/player.cfm?sitelang=en&ref=I075479

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ Affarijiet Interni fuq Twitter

Il-websajt tal-EC3 tal-Europol

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site