Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Inwittu t-triq għall-potenzjal intraprenditorjali tal-Ewropa biex nerġgħu naraw it-tkabbir

Commission Européenne - IP/13/12   09/01/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' Jannar 2013

Inwittu t-triq għall-potenzjal intraprenditorjali tal-Ewropa biex nerġgħu naraw it-tkabbir

Biex terġa’ tara t-tkabbir u aktar impjiegi, l-Ewropa teħtieġ aktar intraprendituri. B’4 miljun impjieg ġdid kull sena, il-kumpaniji l-ġodda, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’daqs medju (SMEs), jitqies li huma l-akbar sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi ġodda fl-Ewropa. Għalhekk, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani llum ressaq pjan ta’ azzjoni li jappoġġa l-intraprendituri u li jirrivoluzzjona l-kultura intraprenditorjali fl-Ewropa. Il-pjan jenfasizza r-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jitrawmu ġenerazzjonijiet ġodda ta’ intraprendituri, u jinkludi miżuri speċifiċi maħsuba biex jiddakkar is-sens ta’ intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, in-nisa, l-anzjani, il-migranti, u dawk qiegħda. Il-livell għoli ta’ qgħad fl-UE qed jispiċċ jaħli fix-xejn il-potenzjal tar-riżorsi umani, speċjalment tan-nisa u ż-żgħażagħ. Il-pjan jindirizza wkoll ix-xkiel għall-intraprenditorija billi jsemmi l-ħtieġa ta’ miżuri ambizzjużi biex jiffaċilitaw l-ftuħ ta’ negozji ġodda, biex it-trasferimenti tas-sjieda tal-intrapriżi jirnexxu aktar, biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi, u jingħata ċans ieħor lill-intraprendituri onesti kemm-il darba dawn ifallu.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli mill-Industrija u l-Intraprenditorija, stqarr: "Biex inkunu vera ċari: aktar intraprendituri jfisser aktar impjiegi, aktar innovazzjoni u aktar kompetittività. Biex wieħed isir imprenditur u jsarraf il-viżjoni tiegħu f’realtà jinvolvi ħafna riskju personali u ħafna sforz. L-intraprendituri huma l-eroj ta’ żmienna. Fl-istorja tal-ekonomija, l-intraprenditorija hija wkoll l-akbar forza li ġġenerat tkabbir ekonomiku. Għalhekk, nixtiequ nagħmlu l-intraprenditorija proġett attraenti u aċċessibbli għaċ-ċittadin Ewropew. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-pjan ta’ azzjoni tagħna. Jekk nistgħu inwittu għalkollox it-triq għall-potenzjal intraprenditorjali tal-Ewropa, nistgħu nerġgħu nsibu t-triq tat-tkabbir."

MEMO/13/7 L-Ewrobarometru dwar l-Intraprenditorija fl-2012: Matul l-aħħar tliet snin, is-sehem taċ-ċittadini tal-UE li jixtiequ jaħdmu għal rashom naqas minn 45% għal 37%. Dan it-tnaqqis kien dovut għall-prospetti inqas promettenti tan-negozju minħabba l-kriżi attwali.

MEMO/13/5 L-intraprenditorija bħala forza ewlenija għat-tkabbir ekonomiku

Pjan ta' Azzjoni għall-Intraprenditorija 2020

L-edukazzjoni intraprenditorjali twassal għal aktar kumpaniji ġodda

Bejn 15% u 20% tal-istudenti li jipparteċipaw fi programm ta’ minikumpaniji fl-iskejjel sekondarji, iktar 'il quddiem jibdew kumpanija tagħhom, ċifra li tikkostitwixxi madwar tlieta sa ħames darbiet ta’ dik tal-popolazzjoni ġenerali. L-edukazzjoni għolja fl-intraprenditorija tista’ tagħti spinta lill-kumpaniji tat-teknoloġija avvanzata u bi tkabbir kbir billi ssostni ekosistemi tan-negozju, sħubijiet u alleanzi industrijali.

Il-pjan ikopri wkoll sitt oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex jinħoloq ambjent fejn l-intraprendituri jistgħu jirnexxu u jikbru:

  1. Aċċess għall-finanzi ‑ minbarra li ssaħħaħ l-istrumenti finanzjarji eżistenti tagħha, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jinħoloq suq Ewropew għall-mikrofinanzi u biex tissimplifika l-istrutturi fiskali b’mod li tippermetti lill-SMEs jiġġeneraw il-fondi permezz ta’ investimenti diretti privati (bħal mini-bonds, crowd funding, u angel investments).

  2. Sostenn matul il-fażijiet kruċjali tal-ħajja tan-negozju: Minħabba li madwar 50% tal-kumpaniji jfallu fl-ewwel ħames snin, l-Istati Membri għandhom jiddedikaw aktar riżorsi biex jgħinu n-negozji ġodda sabiex jegħlbu dan il-perjodu kritiku, riżorsi bħalma huma t-taħriġ fil-management, l-ikkowċjar fir-riċerka u l-iżvilupp, u n-netwerking mal-pari, mal-fornituri u mal-klijenti potenzjali.

  3. Niftħu l-bibien beraħ għall-opportunitajiet ġodda ta' negozju tal-era diġitali: L-SMEs jikbru bejn darbtejn sa tlitt idrabi aktar malajr meta dawn iħaddnu l-ICT. Sostenn imsaħħaħ għal negozji ġodda bbażati fuq il-web u t-titjib fil-ħiliet jistgħu jgħinu kemm l-intraprendituri fuq il-web kif ukoll in-negozji aktar tradizzjonali.

  4. Trasferimenti aktar faċli tas-sjieda tan-negozju: Kull sena, madwar 450,000 kumpanija b’2 miljun impjegat jiġu trasferiti lil sidien ġodda fl-Ewropa, xi ħaġa li twassal għal telf li, hu stmat, jinvolvi 150,000 kumpanija b’600,000 impjieg. Il-Kummissjoni tipproponi li tespandi s-swieq għall-intrapriżi u tneħħi l-ostakli għat-trasferimenti transkonfini tan-negozji.

  5. Ċans ieħor lil intraprendituri onesti meta jfallu: Bla dubju ta’ xejn, il-maġġoranza l-kbira (96%) tal-fallimenti ta’ negozju huma dovuti għal sensiela ta’ ħlasijiet b’lura jew għal problemi prattiċi oħra. Madankollu, min jibda mill-ġdid it-tieni darba jkollu aktar suċċess. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha kif ipproponiet li aktar milli jimxu lejn il-likwidità, lin-negozji tgħinhom jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji (IP/12/1354).

  6. Is-simplifikazzjoni amministrattiva: Il-Kummissjoni se tkompli taħdem bis-serjetà biex jitnaqqas il-piż regolatorju.

Il-Kummissjoni għandha wkoll il-ħsieb li tippromwovi l-intraprenditorija f’setturi speċifiċi tal-popolazzjoni:

  1. Il-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa ‑ il-fatt li n-nisa jammontaw biss għal 34.4% ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fl-Ewropa jissuġġerixxi li dawn jeħtieġu aktar inkoraġġiment u appoġġ biex isiru intraprendituri.

  2. Iċ-ċittadini anzjani ‑ nies tan-negozju rtirati jkollhom għarfien prezzjuż li għandu jingħadda lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni biex ikun aktar faċli għalihom jibdew kumpanija.

  3. Minħabba li l-popolazzjonijiet migranti ta’ spiss jiffaċċjaw diffikultajiet fis-suq tax-xogħol, l-impjieg indipendenti hu opportunità prezzjuża għas-saħħa ekonomika u l-inklużjoni soċjali tagħhom.

  4. Is-sostenn fl-iżvilupp ta’ negozju għal min hu bla xogħol għandu jinkludi taħriġ, konsulenza u pariri dwar in-negozju.

Il-Kummissjoni issa se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tan-negozji u l-partijiet interessati relevanti biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni bit-tama li toħroġ lill-Ewropa mill-kriżi, inkluż pjan direzzjonali b’miri speċifiċi u b’dati sa meta jridu jinkisbu riżultati tanġibbli.

37% tal-Ewropej jixtiequ jaħdmu għal rashom

Kważi 4 minn kull 10 Ewropej jixtiequ, kieku jistgħu, ikunu s-sid tagħhom infushom fejn jidħol ix-xogħol. Kieku lil dan il-potenzjal jinfetħulu l-bibien, mal-kważi 20 miljun intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju (SMEs) li hemm fl-UE jkunu jistgħu jiżdiedu miljuni ta’ negozji ġodda. Huma diversi l-ostakli li jżommu lill-Ewropej milli jiftħu għal rashom, b’mod partikolari l-biża’ ta’ falliment u r-riskju ta’ dħul irregolari. L-Ewrobarometru Flash "L-Intraprenditorija fl-UE u lil hinn minnha" (FL354), ippreżentat illum mill-Viċi President tal-Unjoni Ewropea Antonio Tajani, jenfasizza wkoll li fl-2009 kien hemm aktar Ewropej (49%) li riedu jaħdmu għal rashom. Dan jixhed tnaqqis ta’ 20% fi żmien tliet snin, xi ħaġa li tirrifletti l-kriżi attwali bil-prospetti inqas promettenti għan-negozji.

Iżda għad fadal miljuni li lesti jikkunsidraw jarmaw għal rashom, ċittadini misjuqa mill-prospetti ta’ indipendenza personali, ta’ dħul aħjar u tal-libertà li jagħżlu huma stess il-post u l-ħinijiet tax-xogħol.

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site