Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Id-dibattitu dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa: Il-Viċi President Reding wiċċ imb wiċċ maċ-ċittadini f'Coimbra, il-Portugall

Commission Européenne - IP/13/129   20/02/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Frar 2013

Id-dibattitu dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa: Il-Viċi President Reding wiċċ imb wiċċ maċ-ċittadini f'Coimbra, il-Portugall

Hekk kif id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa qed jaqbad ir-ritmu, il-Kummissjoni Ewropea qed tipprova tilħaq lill-ibliet Ewropej differenti għall-opinjoni tagħhom. Fit-22 ta’ Frar 2013, il-Viċi-President Viviane Reding se tkun f'Coimbra (il-Portugall) għal dibattitu ma’ madwar 200 ċittadin dwar l-aspettattivi tagħhom. Id-dibattitu se jikkontribwixxi għar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-2013 li wasal biex joħroġ u jakkumpanja x-xogħol fuq il-proposti tal-Kummissjoni għal bidla fit-trattat sabiex titfassal Unjoni Ewropea iktar b’saħħitha għall-futur.

Ix-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu deċiżivi għad-direzzjoni futura tal-Unjoni Ewropea. Mid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Barroso f’Settembru (SPEECH/12/596), id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa jinsab fl-aqwa tiegħu. Fl-aħħar tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (ara IP/12/1272), li kien segwit minn rapport mill-erba' Presidenti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Eurogrupp u l-BĊE. Qabel l-elezzjonijiet Ewropej fl-2014, il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti tagħha għal unjoni politika.

Qed nagħtu liċ-ċittadini fil-Portugall possibbiltà unika li jgħidu direttament lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej dwar it-tħassib u l-ħolm tagħhom għall-futur tal-Unjoni Ewropea u għall-futur tal-Portugall fi ħdan l-Unjoni. Dan huwa mod ġdid kif titfassal lil-politika: Bl-involviment taċ-ċittadini qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet politiċi li jkollhom impatt dirett fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum,” qalet il-Viċi President Viviane Reding. “Il-leġittimità demokratika hija l-element kruċjali għal kwalunkwe aġenda politika ambizzjuża. Jien se nisma’ dak li għandhom xi jgħidu ċ-ċittadini fil-Portugall dwar x’nistgħu nitgħallmu mill-iżbalji tal-passat u x’nistgħu nagħmlu aħjar fil-futur. Li tali djalogu miftuħ isir f'pajjiż bħall-Portugall, fejn iċ-ċittadini għamlu sagrifiċċji kbar biex jiżguraw li l-ġenerazzjonijiet futuri ma jħallsux għall-iżbalji tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom, hija saħansitra iktar importanti. L-isforzi ta’ riforma nazzjonali qed iħallu l-frott u ninsab imħeġġa li nara li ottimiżmu fl-Ewropa qed jikber. Madankollu, għad fadal xi sfidi u l-ottimiżmu m’għandux iwassal għal kompjaċenza. Il-Kummissjoni se tappoġġa sforzi ulterjuri għar-riforma fil-Portugall. Pereżempju jien bgħatt esperti mid-dipartiment tiegħi tal-ġustizzja biex jgħinu lill-awtoritajiet Portugiżi jimplimentaw riforma ambizzjuża tas-settur tal-ġustizzja li se ttejjeb il-fiduċja tal-investituri u għaldaqstant ikollha impatt pożittiv fuq il-klima tan-negozju.”

F'Jannar, il-Kummissjoni Ewropea nediet is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (IP/13/2), sena ddedikata għaċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom. L-2013 tiċċelebra l-20 anniversarju taċ-ċittadinanza tal-UE, li ddaħħlet mit-Trattat ta' Maastricht fl-1993, u hija wkoll is-sena ta’ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014. Matul is-sena, membri tal-Kummissjoni se jkollhom dibattiti ma’ ċittadini dwar l-aspetttattivi tagħhom għall-futur waqt id-Djalogi taċ-Ċittadini (laqgħat fiċ-ċentri tal-ibliet) mall-UE kollha.

Id-dibattitu f’Coimbra se jsir fl-istorika Universidade de Coimbra, li hija waħda mill-aktar universitajiet antiki u prestiġjużi fl-Ewropa. Il-Viċi President Reding se titkellem fir-rinomata “Sala Grande dos Actos” (Sala dos capelos) tal-Università, kamra tradizzjonalment riservat biss għad-Dekan u dawk li jirċievu Dottorat Onorarju.

Il-kriżi ekonomika u l-impatt tagħha fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u l-futur tal-Unjoni se jkunu fiċ-ċentru tad-dibattitu bejn il-Viċi-President Reding u ċ-ċittadini. Il-Membri Portugiżi tal-Parlament Ewropew (MPE) Regina Bastos u Vital Moreira, kif ukoll il-membru Lussemburgiż tal-Parlament Félix Braz, wkoll se jipparteċipaw. Se jkun hemm link bil-vidjo ma’ Esch-sur-Alzette fil-Lussemburgu, il-belt sieħba ta’ Coimbra, li għandha popolazzjoni Portugiża sostanzjali. Is-sindku ta’ Esch-sur-Alzette, Lydia Mutsch, se ssellem lill-parteċipanti f’Coimbra.

Id-dibattitu jista’ jkun segwit dirett permezz ta’ web stream. Iċ-ċittadini mill-Ewropa kollha jistgħu jipparteċipaw ukoll permezz ta' Twitter (uża l-hashtags: #DCCoimbra jew #EUDeb8).

L-isfond

Dwar x’inhuma d-djalogi taċ-ċittadini?

Mill-introduzzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea għoxrin sena ilu sar ħafna progress Stħarriġ tal-UE ppubblikat riċentament juri li llum 63% taċ-ċittadini jħossuhom “Ewropej” (fil-Portugall: 59%).

Madwar l-UE, iċ-ċittadini qed jużaw id-drittijiet tagħhom ta’ kuljum. L-Ewropej qed jibbenefikaw minn protezzjoni ogħla fuq xirjiet transfruntiera, kura garantita fi Stati Membri oħra tal-UE permezz tal-Kard Ewropea tas-Saħħa u tariffi tar-roaming irħas, kollox bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Imma n-nies mhumiex dejjem konxji ta' dawn id-drittijiet. L-istħarriġ il-ġdid tal-UE juri li ftit iktar minn terz taċ-ċittadini tal-UE (36%) iħossu li huma infurmati sew dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE (fil-Portugall: 32%).

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni għamlet l-2013 Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, sena ddedikata għaċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom. L-għan huwa doppju: Nofs ix-xogħol se jkun dwar l-ispjegazzjoni – li jispjega xi tfisser li tkun ċittadin Ewropew u d-drittijiet li jgawdu n-nies għax huma ċittadini Ewropej.

In-nofs l-ieħor se tkun kwistjoni ta' smigħ. Matul is-sena, il-Viċi President Reding u l-Kummissarji l-oħra se jingħaqdu ma' politiċi nazzjonali u lokali biex jagħmlu dibattiti maċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha madwar l-Ewropa kollha – biex jisimgħu u jwieġbu l-mistoqsijiet tagħhom.

Politiċi Ewropej se jieħdu sehem f'dibattitu dirett maċ-ċittadini dwar dak li jixtiequ, x’jaħsbu fuq id-drittijiet tagħhom u fejn iridu jaraw progress fl-Unjoni fl-għaxar snin li ġejjin. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom u jħejju t-triq għall-elezzjonijiet futuri.

Il-Viċi President Reding diġà kellha dibattiti f’Kadiz (Spanja) mas-sindku lokali Teófila Martínez Saíz u mal-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Teresa Jimenez-Becerril, fi Graz (l-Awstrija), mal-Viċi-Kanċillier Awstrijak Michael Spindelegger, f’Berlin (il-Ġermanja) mal-Membru Soċjal-Demokratiku tal-Parlament Ewropew Dagmar Roth-Behrendt u f’Dublin (l-Irlanda) mal-Ministru Irlandiż għall-Affarijiet Ewropej Lucinda Creighton. Il-Kummissarju Andor kellu dibattitu f'Napli (l-Italja) u l-Kummissarju Malmström ipparteċipat fi djalogu taċ-ċittadini f’Göteborg (l-Isvezja) u se tkun Turin (l-Italja).fil-21 ta’ Frar. Ħafna aktar djalogi se jsiru madwar l-Unjoni Ewropea kollha matul l-2013 - li se jaraw lill-politiċi Ewropej, nazzjonali u lokali jinvolvu ruħhom f’dibattitu maċ-ċittadini mill-oqsam kollha tal-ħajja. Tista’ ssegwi d-dibattiti kollha hawnhekk: http://ec.europa.eu/european-debate/index_mt.htm.

Għaliex il-Kummissjoni qed tagħmel dan issa?

Għaliex illum l-Ewropa tinsab f’salib it-toroq. Il-futur tal-Ewropa huwa fuq fomm kulħadd – b’ħafna li qed jitkellmu dwar il-mixja lejn unjoni politika, Federazzjoni ta’ Stati tan-Nazzjonijiet jew Stati Uniti tal-Ewropa. Għall-Kummissjoni, huwa essenzjali li ċ-ċittadini Ewropej jgħidu tagħhom f'dan id-dibattitu, li huma jkollhom sehem fil-futur tagħhom ­ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 u qabel ma jkunu proposti kwalunkwe bidliet fit-Trattat.

Aktar minn nofs l-Ewropej (68%) iħossu li l-vuċi tagħhom ma tgħoddx fl-Ewropa - dan irid jinbidel.

Tnax-il elf ċittadin ipparteċipaw f'wieħed mill-ikbar konsultazzjonijiet pubbliċi onlajn dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-futur tal-Unjoni Ewropea (IP/12/461). Mill-parteċipanti li ddeskrivew fi kliemhom kif jixtiequ li tiżviluppa l-UE fil-futur qrib u kif għandha tkun fl-2020, terz (31%) qalu li jaraw lill-UE bħala unjoni Politika (ara l-Anness).

Il-Viċi President Reding qalet: "Aħna rridu nibnu d-dar Ewropea tagħna flimkien maċ-ċittadini, mhux nibnuha u mbagħad insaqsuhom jekk jixtiequx jgħixu fiha. Biex nibnu Unjoni aktar qawwija u aktar politika, għandna bżonn l-involviment dirett taċ-ċittadini. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom u jħejju t-triq għall-elezzjonijiet Ewropej futuri.”

X’se jkunu l-eżiti tad-djalogi?

Wieħed mill-iskopiiet ewlenin tad-djalogi se jkun li jħejji t-triq għal elezzjonijiet Ewropej tal-2014.

Ir-rispons mingħand iċ-ċittadini matul id-djalogi għandu jgħin biex jiggwida lill-Kummissjoni waqt li tfassal pjanijiet għal riforma futura tal-UE. Fid-29 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni diġà ddeskreviet il-pjan ta’ azzjoni tagħha sabiex nimxu lejn unjoni sħiħa ekonomika, monetarja u baġitarja, u l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, l-Eurogroup u l-Bank Ċentrali Ewropew ħarġu rapport konġunt fil-5 ta’ Diċembru 2012. Il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra issa qegħdin jaħdmu fuq pjan direzzjonali għal Unjoni Politika. Jeħtieġ li ċ-ċittadini jkollhom vuċi fid-dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u d-djalogi se jkunu wieħed mill-mezzi biex tingħatalhom vuċi u pjattaforma għad-diskussjoni.

Sadattant, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem ukoll biex jitneħħew l-ostakoli li jifrustraw liċ-ċittadini. Ir-rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE għall-2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525) iddiskrivew fil-qosor 25 azzjoni konkreta biex jitneħħew l-ostakoli li ċ-ċittadini tal-UE għadhom qed jiffaċċaw meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment ħieles fl-UE. Waħda minn dawn l-azzjonijiet hija ħidma biex in-nies ikunu jafu aktar dwar l-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-UE, dwar drittijiethom u dwar xi jfissru dawn id-drittijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, lejn id-9 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni se tippubblika it-tieni Rapport dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, li se jevalwa l-25 azzjoni deskritti fl-2010 u se jiddeskrivi 12–il azzjoni konkreta ġodda biex jindirizzaw il-problemi li fadal li ċ-ċittadini tal-UE għadhom jaffaċċjaw. Il-kwistjonijiet imqajma matul il-konsultazzjoni pubblika onlajn u matul id-djalogi se jsawru dan ir-rapport u jifformaw il-politika tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza.

Għal aktar informazzjoni

Aktar informazzjoni dwar id-Djalogu ta’ Coimbra:

http://www.dialogo-cidadaos.pt/

https://www.facebook.com/DialogoCidadaos?fref=ts

Dibattiti maċ-ċittadini dwar il-futur tal-Ewropa:

http://ec.europa.eu/european-debate.

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini:

http://europa.eu/citizens-2013

L-Ewropej jgħidu tagħhom: Riżultati tal-konsultazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNESS

1. L-UE ikkunsidrata bħala l-iktar attur effettiv biex tieħu azzjoni kontra l-kriżi

2. Il-maġġoranza taċ-ċittadini jħossuhom “Ewropej” u huma familjari mal-kunċett ta' ”ċittadinanza tal-UE”

3. Kemm iħossuhom infurmati dwar id-drittijiettagħhom iċ-ċittadini tal-UE?

4. Kif iċ-ċittadini tal-UE jixtiequ li l-UE tiżviluppa fil-futur qrib u kif għandha tkun fl-2020:

Sors: http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site