Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Dikjarazzjoni mill-Viċi President Reding u l-Kummissarju Barnier dwar qbil fit-trilogu dwar sanzjonijiet kriminali għall-abbuż tas-suq

Commission Européenne - IP/13/1299   20/12/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2013

Dikjarazzjoni mill-Viċi President Reding u l-Kummissarju Barnier dwar qbil fit-trilogu dwar sanzjonijiet kriminali għall-abbuż tas-suq

Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-ftehim politiku tal-lum dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar sanzjonijiet kriminali għall-abbuż tas-suq (IP/11/1218). Il-Ftehim isegwi erba’ hekk imsejħa laqgħat ta' trilogu bejn il-Kummissjoni u ż-żewġ koleġiżlaturi (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri). Dan il-progress, approvat mill-Istati Membri llum, juri li l-Ewropa hija lesta li tieħu l-miżuri kollha neċessarji kontra l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-abbuż tas-suq fis-swieq finanzjarji tagħha. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali mġiba, inkluża l-manipulazzjoni ta’ punti ta’ riferiment, tkun reat kriminali kastigabbli b’sanzjonijiet effettivi kullimkien fl-Ewropa. Il-ftehim politiku għandu jiġi kkonfermat mill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja, mistennija f’Jannar 2014.

“L-abbuż tas-suq huwa problema ewlenija għall-fiduċja fis-sistema finanzjarja tagħna u jeħtieġ li nindirizzawha mall-ewwel. Dan ifisser li jingħalqu l-lakuni regolatorji li jistgħu jiġu sfruttati minn manipulaturi fis-suq finanzjarju. Il-liġi kriminali hija deterrent qawwi ħafna, u, wara l-progress tal-lum, dawk ħatja ta’ abbuż tas-suq se jiffaċċjaw l-forza sħiħa tal-liġi kriminali kull fejn ikunu fl-Unjoni tagħna," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. “Nittama li issa nistgħu nlestu bil-ħeffa l-aħħar irqaqat ta' din il-proposta sabiex tkun tista' ssir liġi mill-aktar fis. L-UE qiegħda tapplika politika ta’ tolleranza żero fejn jidħol l-abbuż tas-suq u t-tbagħbis tar-rati. Jeħtieġ li tiġi protetta l-integrità tas-swieq tagħna u jeħtieġ li nipproteġu l-flus taċ-ċittadini tagħna.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Din hija aħbar tajba għall investituri u rigal tal-Milied mhux mixtieq għall-kriminali finanzjarji. Trasgressuri misjuba ħatja ta’ abbuż tas-suq fl-aħħar se jaffaċċjaw il-ħabs madwar l-Unjoni Ewropea. Flimkien mar-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq tagħna, l-UE saħħet b’mod sinifikanti s-setgħat tal-Istati Membri biex jidentifikaw u jikkastigaw serjament l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq. B’mod partikolari, dawk li jimmanipulaw il-punti ta' riferiment bħal Euribor fil-futur se jiffaċċjaw multi kbar jew ħabs. Infaħħar lill-Parlament Ewropew tat-titjib tal-proposta tagħna bl-iffissar ta' sentenzi tal-ħabs definittivi. Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Parlament Ewropew, speċjalment lir-relatur, Arlene McCarthy, kif ukoll lill-Presidenza Litwana għax-xogħol eċċellenti tagħhom biex waslu għal dan il-ftehim."

Il-ftehim tal-lum ifisser li:

Se jkun hemm definizzjonijiet komuni tal-UE ta’ reati ta’ abbuż tas-suq bħall-informazzjoni privileġġata, żvelar illegali ta’ informazzjoni u manipulazzjoni tas-suq;

Se jkun hemm sett komuni ta’ sanzjonijiet kriminali inklużi multi u priġunerija ta’ erba’ snin għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq u sentejn għal żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata;

Persuni legali (kumpaniji) se jinżammu responsabbli għal abbużi fis-suq;

Jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni għal dawn ir-reati jekk iseħħu f’pajjiżhom jew jekk min iwettaq ir-reat ikun ċittadin;

Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji u dawk tal-infurzar tal-liġi li jittrattaw dawn il-każijiet kumplessi ħafna jkunu mħarrġa sew.

Sfond

Investituri li jinnegozjaw fuq informazzjoni privileġġata u li jimmanipulaw is-swieq billi jxerrdu informazzjoni falza jew qarrieqa jistgħu attwalment jevitaw is-sanzjonijiet billi japprofittaw mid-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet tat-28 Stat Membru tal-UE. L-awtoritajiet ta’ għadd ta’ pajjiżi ma għandhomx setgħat ta’ sanzjonar effikaċi filwaqt li f’oħrajn is-sanzjonijiet kriminali mhumiex disponibbli għal ċerti reati ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq. Sanzjonijiet effikaċi jistgħu jservu ta’ deterrent qawwi u jsaħħu l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-UE.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta’ Settembru 2011 proponiet regoli għall-UE kollha sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ sanzjonijiet kriminali għall-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (IP/11/1218). F’Lulju 2012 il-Kummissjoni ppreżentat emendi mal-proposta oriġinali tagħha sabiex b’mod ċar tipprojbixxu l-manipulazzjoni ta’ punti ta’ riferiment, inklużi LIBOR u EURIBOR u din il-manipulazzjoni ssir reat kriminali (IP/12/846).

Fil-proponiment ta' dawn ir-regoli, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni Ewropea użat setgħat ġodda skont it-Trattat ta’ Lisbona biex tinforza politika tal-UE permezz ta’ sanzjonijiet kriminali. L-abbozz tad-direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq ikunu suġġetti għal sanzjonijiet kriminali. L-Istati Membri se jkollhom ukoll l-obbligu li jimponu sanzjonijiet kriminali għal inċitament, għajnuna u kompliċità abbuż mis-suq, kif ukoll għal tentattivi li jitwettqu dawn ir-reati. Id-Direttiva tikkumplimenta proposta separata għal regolament dwar l-abbuż tas-suq, approvata mill-Parlament Ewropew fl-10 ta’ Settembru 2013 (MEMO/13/774), li ttejjeb il-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE u ssaħħaħ is-sanzjonijiet amministrattivi.

Aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea — Abbuż mis-Suq

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/abuse/index_en.htm

Il-politika tal-liġi kriminali – tal-Kummissjoni Ewropea

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-law-policy

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Il-paġna ewlenija tal-Kummissarju Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi tal-UE

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/barnier/index_en.htm

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter: @EU_Justice

Segwi lill-Kummissarju Barnier fuq Twitter: @MichelBarnierEU

Segwi s-Suq Intern tal-UE fuq Twitter: @EU_Markt

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Mina Andreeva (+ 32 2 299 13 82)

Carmel Dunne (+ 32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+ 32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site