Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Diċembru 2013

Premju ġdid jitfa’ l-attenzjoni fuq il-bijodiversità fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi Premju tan-Natura 2000 biex tirrikonoxxi l-eċċellenza fl-aqwa prattiki għall-konservazzjoni tan-natura fl-Ewropa. Jekk int involut f’attivitajiet relatati man-Natura 2000, dan jista’ jkun iċ-ċans tiegħek! In-Natura 2000 hija netwerk ta’ żoni protetti ta’ valur għoli ta’ bijodiversità li tkopri madwar 20% tat-territorju tal-UE b’rikkezza ta’ flora u fawna, minn foresti tal-fagu muntanjużi fir-Repubblika Ċeka sa fkieren fl-artijiet mistagħdra Pollakki u dniefel ‘l barra mill-kosta ta’ Spanja. Apparti li tipproteġi n-natura, in-netwerk tipprovdi numru ta' benefiċċji soċjali u ekonomiċi.

L-Ewropej iħossu li huwa importanti li jkun hemm konservazzjoni tan-natura, iżda ftit huma familjari man-Natura 2000. Stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru sab li disa’ minn kull għaxar Ewropej iqisu li t-tnaqqis ta’ ambjenti naturali u l-ipperikolar u l-għajbin ta’ ċerti annimali u pjanti bħala problemi serji. Ħafna ċittadini jemmnu li r-rwol tal-ħarsien tan-natura fil-prevenzjoni tal-qerda ta’ żoni prezzjużi fuq l-art u fuq il-baħar huwa importanti (li jvarja minn 99% sa 83% fost l-Istati Membri). Iżda 27% biss ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ kienu semgħu bin-Natura 2000.

Dan il-Premju annwali ġdid għandu l-għan li jirranġa dan in-nuqqas ta’ għarfien pubbliku, filwaqt li juri l-varjetà ta’ siti tan-Natura 2000 u jirrikonoxxi l-eċċellenza f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Ħames premjijiet se jkunu mogħtija kull sena f’oqsma differenti, li jkopru l-komunikazzjoni, l-azzjonijiet ta' konservazzjoni, il-benefiċċji soċjoekonomiċi, ir-rikonċiljazzjoni tal-interessi/perċezzjonijiet, u n-netwerking u l-kooperazzjoni transkonfinali.

L-applikazzjonijiet huma milqugħa minn kull entità involuta direttament fin-Natura 2000 (awtoritajiet pubbliċi u lokali, negozji, NGOs, sidien tal-art, istituzzjonijiet edukattivi u individwi). L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu sat-18 ta’ Frar 2014. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq il-websajt tal-Premju Natura 2000

Ir-rebbieħa ta’ dan il-Premju tan-Natura 2000 se jitħabbru f’Mejju 2014 u l-kisbiet tagħhom se jkunu rikonoxxuti f'ċerimonja ta' livell għoli fi Brussell.

Sfond

In-Natura 2000 hija l-aktar xogħol importanti tal-politika dwar in-natura u l-bijodiversità tal-UE. Hija netwerk mifrux mal-UE kollha ta’ żoni ta’ ħarsien tan-natura stabbilit skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats tal-1992. L-għan tan-netwerk huwa li jiżgura s-sopravivenza fit-tul tal-iktar speċi u ħabitats prezzjużi u mhedda tal-Ewropa. Filwaqt li n-netwerk jinkludi riżervi naturali, il-biċċa l-kbira tal-artijiet huma privati. L-enfasi hija fuq l-iżgurar li l-ġestjoni fil-futur tkun sostenibbli, kemm ekoloġikament u kemm ekonomikament.

Għal aktar tagħrif

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/potocnik/index_en.htm

Il-websajts tad-DĠ għall-Ambjent:

http://ec.europa.eu/environment/index_mt.htm

Kuntatt:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website