Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tadotta Regolament ġdid dwar l-għajnuniet żgħar (de minimis) fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja

European Commission - IP/13/1291   18/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Diċembru 2013

Il-Kummissjoni tadotta Regolament ġdid dwar l-għajnuniet żgħar (de minimis) fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja

Illum, il-Kummisssjoni adottat Regolament li jżid il-limitu massimu u jippreċiża d-definizzjoni tal-għajnuniet żgħar (għajnuniet de minimis) li jistgħu jitqiesu li ma jagħmlux parti mill-għajnuna mill-Istat.

Il-Kummissarju tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali Dacian Cioloş iddikjara li: "Bis-saħħa ta' dan ir-Regolament ġdid l-Istati Membri se jgawdu minn aktar flessibbiltà biex jagħtu l-għajnuniet mingħajr ma tiġi affettwata ħażin il-kompetizzjoni, speċjalment f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u għall-Kummissjoni, se jiġi ffaċilitat il-proċess tal-għoti tal-għajnuna fis-settur agrikolu."

S'issa, skont ir-Regolament (CE) n° 1535/2007, l-għajnuniet li ma jaqbżux is-EUR 7,500 għal kull benefiċjarju fuq perjodu ta' tliet eżerċizzji fiskali, jew il-limitu ta' 0,75 % tal-valur tal-produzzjoni agrikola stabbilita għal kull Stat Membru, huma kkunsidrati bħala għajnuniet li la jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni u lanqas jhedduha.

Ir-Regolament il-ġdid, li huwa applikabbli mill-1 ta' Jannar 2014, iżid l-ammont għal EUR 15,000 għal kull benefiċjarju fuq perjodu ta' tliet eżerċizzji fiskali, u l-limitu għal kull Stat Membru għal 1 % tal-valur tal-produzzjoni agrikola. Barra minn hekk, ir-Regolament jiddefinixxi b'mod aktar sħiħ liema tipi ta' għajnuniet jistgħu jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tiegħu.

Il-kuntest

Il-kompetizzjoni hija waħda mill-muturi ewlenin fit-tkabbir u l-manutenzjoni ta' sistema ta' kompetizzjoni ħielsa u mingħajr dubju hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għandha l-għan li tiggarantixxi kompetizzjoni ħielsa, l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u l-għaqda tas-suq Ewropew filwaqt li tirrispetta l-impenji internazzjonali. L-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu hija bbażata fuq tliet prinċipji:

l-għajnuna trid tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tal-politika dwar il-kompetizzjoni;

l-għajnuna trid tkun koerenti mal-politiki komuni tal-Unjoni fil-qasam agrikolu u tal-iżvilupp rurali;

l-għajuna trid tkun kompatibbli mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, u speċjalment mal-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-agrikoltura.

Dawn il-prinċipji differenti huma miġbura fi strumenti ġuridiċi li l-applikazzjoni tagħhom hija limitata għas-settur agrikolu:

il-Linji Gwida tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u tal-forestrija mill-2007 sal-2013;

ir-Regolament dwar l-eżenzjonijiet skont il-kategoriji fis-settur agrikolu;

għajnuniet speċifiċi mill-Istat għas-settur agrikolu skont ir-Regolament dwar il-formoli ta' notifika [l-Anness I, il-parti III.12, il-punti minn A sa T, tar-Regolament (CE) n° 794/2004];

ir-Regolament dwar l-għajnuna «de minimis» fis-settur agrikolu.

Dawn l-istrumenti li se jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2013 fil-fatt qed jiġu riveduti skont l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex timmodernizza l-għajnuna mill-Istat, fid-dawl tar-regoli l-ġodda li se japplikaw fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.

Fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea organizzat konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tar-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat li ppermettiet lill-partijiet interessati kollha jwasslu l-opinjoni tagħhom dwar ir-reviżjonijiet meħtieġa u jagħmlu osservazzjonijiet dwar il-proġett tar-Regolament il-ġdid dwar l-eżenzjonijiet skont il-kategoriji fis-settur agrikolu.

Madankollu r-Regolament il-ġdid dwar l-eżenzjonijiet skont il-kategoriji fis-settur agrikolu u l-linji gwida ġodda mhux se jkunu fis-seħħ fil-bidu tal-2014. F'Novembru 2013, il-Kummissjoni ġeddet ir-Regolament fis-seħħ dwar l-eżenzjonijiet skont il-kategoriji fis-settur agrikolu u l-linji gwida sat-30 ta' Ġunju 2014 permezz ta' komunikazzjoni.

Kuntatti:

Fanny Dabertrand (+32 2 299 06 25)

Roger Waite (+32 2 296 14 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website