Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Diċembru 2013

Trasport marittimu: Progress fuq is-sikurezza, b'lok għat-titjib għal ċerti stati tal-bandiera tal-UE

Ċerti Stati Membri tal-UE qegħdin isibuha bi tqila li jilħqu l-impenn tagħhom li jirratifikaw konvenzjonijiet marittimi internazzjonali, skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea (1) dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-istat tal-bandiera.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: "Iqawwili qalbi l-fatt li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri b'xatt mal-baħar qegħdin jaqdu bis-serjetà l-obbligi tagħhom bħala stati tal-bandiera. Madankollu, hija prijorità tiegħi li niżgura, f'isem il-baħħara tagħna, li kull Stat Membru li huwa wkoll stat tal-bandiera jkun irratifika u implimenta l-istandards komuni għall-kundizzjonijiet ta' għajxien u ta' xogħol abbord, kif stipulati fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006, aktar u aktar billi dawn l-istandards ġew miftiehma bejn l-imsieħba soċjali fuq il-livell Ewropew, u ġew infurzati dan l-aħħar permezz tal-liġi tal-UE."

Ir-regoli attwali tal-UE (2) jippromwovu s-sikurezza marittima, u jistipulaw standard għoli għall-istati tal-bandiera tal-UE billi jobbligawhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni bejn il-pari tal-amministrazzjoni marittima tagħhom, filwaqt li jiżviluppaw u jimplimentaw sistema ta' ġestjoni tal-kwalità ċċertifikata għall-operati tagħhom. Il-Portugall, l-Irlanda, u l-istati tal-bandiera kollha mingħajr xatt mal-baħar għajr il-Lussemburgu, naqsu milli jaqdu dan l-obbligu.

Minkejja l-progressi tajbin li saru f'ħafna stati tal-bandiera tal-UE, il-Bulgarija u s-Slovakkja għadhom fuq il-lista l-griża tal-istati tal-bandiera f'dak li jirrigwarda l-għadd ta' bastimenti miżmuma, jew l-għadd ta' nuqqasijiet misjuba abbord waqt verifika fil-port. Dan ifisser li l-bastimenti b'dawn il-bnadar s'issa ma jinsabux fil-kategorija ta' riskju baxx ("il-lista l-bajda") — u għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi vverifikati aktar ta' spiss.

L-Istati Membri għandhom ikattru l-isforzi tagħhom biex jirratifikaw u japplikaw il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord, kif ukoll ir-regoli tal-UE li għadhom kif ġew adottati  (3) rigward il-konformità mal-Konvenzjoni u l-infurzar tagħha.

Il-konformità

Skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE rigward il-konformità mar-rekwiżiti tal-istat tal-bandiera, l-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu suġġetti għall-iskema volontarja ta' verifika tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, maħluqa fl-2006: jiġifieri, evalwazzjoni bejn il-pari mwettqa minn esperti oħra fil-qasam tal-istati tal-bandiera. Sal-lum, il-Portugall u erba' stati tal-bandiera tal-UE mingħajr xatt mal-baħar - l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u s-Slovakkja - naqsu milli jitolbu tali evalwazzjoni bejn il-pari. Bl-istess mod, rekwiżit ta' sistema ta' ġestjoni tal-kwalità kkwalifikata jipprevedi verifika indipendenti ulterjuri tal-kwalità fis-sistemi u l-proċeduri tal-istati tal-bandiera tal-UE, u dan ir-rekwiżit suppost ilu implimentat mis-17 ta' Ġunju 2012. Il-Portugall u l-Irlanda — flimkien ma' erba' stati tal-bandiera tal-UE mingħajr xatt mal-baħar (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u s-Slovakkja) — s'issa għadhom ma bdewx dan il-proċess, filwaqt li erba' stati tal-bandiera oħra tal-UE (Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovenja) indikaw li ser ikollhom tali sistema fis-seħħ sa tmiem l-2013.

Il-listi s-sewda, il-griża u l-bajda tal-PMOU

Is-segretarjat tal-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi (PMOU) dwar il-kontroll tal-istat fil-port (4) jippubblika rapport annwali li fih l-istati tal-bandiera jidhru f'lista sewda, griża jew bajda, skont l-għadd ta' bastimenti miżmuma u r-rati ta' nuqqasijiet tal-bastimenti bil-bandiera ta' kull stat. Tul l-aħħar erba' snin, mis-seba' stati tal-bandiera tal-UE li kienu fil-lista s-sewda jew il-griża (l-Awstrija, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja u s-Slovakkja, kif ukoll il-Bulgarija u r-Rumanija), tnejn minnhom biss (il-Bulgarija u s-Slovakkja) għadhom fil-lista l-griża. Id-Direttiva 2009/21/KE tirrikjedi li l-istati li jinsabu fil-lista s-sewda jew il-griża jiddeterminaw ir-raġunijiet għala jinsabu fil-lista, u jieħdu miżuri biex jikkoreġu s-sitwazzjoni. Sar progress konsiderevoli tul perjodu ta' żmien qasir, u llum, sitta mill-ewwel għaxar stati tal-bandiera fil-lista l-bajda huma Stati Membri tal-UE.

Konvenzjonijiet internazzjonali

F'Diċembru 2008, l-Istati Membri kollha tal-UE ntrabtu li jirratifikaw għadd ta' konvenzjonijiet internazzjonali sal-1 ta' Jannar 2013. Filwaqt li qed isir progress, il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri s'issa għadhom ma rratifikawx Konvenzjonijiet li jmorru lura għall-2007, bħall-Konvenzjoni ta' Najrobi dwar it-Tneħħija tal-Bastimenti Inkaljati tal-2007. 14-il Stat Membru biss (5) irratifikaw s'issa l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord. Biex jiġi żgurat li din il-konvenzjoni importantissima tiġi infurzata kif xieraq, għadhom kif ġew adottati regoli tal-UE għall-konformità mal-Konvenzjoni u għall-infurzar tagħha. Għaldaqstant, huwa urġenti li jsir ir-ratifikar ta' dan l-istrument legali bażiku.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tirrifletti fuq miżuri ulterjuri biex tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jaqdu, b'mod effiċjenti u konsistenti, l-obbligi tagħhom bħala stati tal-bandiera, inkluża bil-possibbiltà ta' proċedimenti ta' ksur.

Għal aktar tagħrif:

1 :

http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/safety/actions_en.htm (Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/21/KE dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera, adottat fit-18.12.2013).

2 :

Id-Direttiva 2009/21/KE dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera, ĠU L 131, 28.5.2009, p. 132.

3 :

Id-Direttiva 2013/54/KE dwar ċerti responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-konformità mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006 u l-infurzar tagħha, ĠU L 329, 10.12.2013, p. 1.

4 :

Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat fil-Port li jkopri l-Istati Membri kollha tal-UE, il-Federazzjoni Russa u l-Kanada.

5 :

Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, Spanja, l-Iżvezja (fl-4 ta' Lulju 2013).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website