Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern: edizzjoni tal-15-il anniversarju li kisret ir-rekord!

Commission Européenne - IP/13/127   19/02/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta’ Frar 2013

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern: edizzjoni tal-15-il anniversarju li kisret ir-rekord!

Minkejja dawn iż-żminijiet ta’ sfida, l-Istati Membri wettqu aħjar minn qatt qabel it-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE fil-liġi nazzjonali fil-ħin skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikata llum. Is-Suq Uniku għandu rwol importanti x’jaqdi biex l-Ewropa toħroġ mill-istaġnar ekonomiku. Iżda dan ma jwassalx għal benefiċċji b’mod awtomatiku: traspożizzjoni f’waqtha tal-leġiżlazzjoni hija kundizzjoni neċessarja biex jinkisbu l-għanijiet politiċi stabbiliti fid-direttivi.

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern ġiet ppubblikata l-ewwel darba 15-il sena ilu, u l-edizzjoni tal-lum turi titjib kbir mill-Istati Membri. Id-defiċit medju ta’ traspożizzjoni tal-UE – il-perċentwali ta’ Direttivi tas-Suq Intern li ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali fil-ħin – naqas minn 6.3 % fl-1997 għal livell ġdid ta’ rekord ta’ 0.6 %, jiġifieri taħt il-mira ta’ 1 % miftiehma bejn il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern Ewropej fl-2007 u qrib 0.5 % tad-defiċit propost fl-Att dwar is-Suq Uniku f’April 2011.

“Nilqa’ b’sodisfazzjon dan r-rekord ġdid miksub mill-Istati Membri u ninsab kuntent dwar id-dinamiżmu u l-impenn qawwi li huma wrew biex jagħmlu l-ħidma ta’ infurzar fil-prattika. L-aqwa riżultat sa issa,” qal il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier.

Tabella: defiċit medju tat-traspożizzjoni

F’din l-edizzjoni, dawk bl-aħjar prestazzjoni huma l-Irlanda, Malta, l-Estonja u l-Isvezja, li rnexxielhom jimplimentaw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom l-ogħla numru ta’ direttivi. L-Istati Membri għamlu suċċess ukoll fit-tnaqqis tal-għadd totali ta’ Direttivi li ġew trasposti b’mod inkorrett (id-defiċit tal-konformità kompla niżel minn 0.7 % għal 0.6 %). Madankollu, żiedu l-għadd ta’ direttivi li t-traspożizzjoni tagħhom hija tard b’sentejn jew aktar.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, l-għadd ta’ ksur qed ikompli jonqos, wisq probabbli minħabba l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi biex isolvu l-problemi ta’ nuqqas ta’ konformità mal-liġi tal-UE iktar kmieni fil-proċess. Imqabbla ma’ Novembru 2007, in-numru ta’ ksur miftuħa naqas bi 38 %. L-Italja għandha l-akbar għadd ta’ proċedimenti ta’ ksur imnedija mill-Kummissjoni u warajha jiġu Spanja u l-Greċja. Il-maġġoranza tal-każijiet ikomplu jkunu fil-biċċa l-kbira fis-setturi tat-tassazzjoni u l-ambjent.

Meta wieħed iqis l-indikaturi kollha ta’ infurzar (ara d-dettalji fit-Tabella ta’ Infurzar tas-Suq Intern hawn taħt), ir-Rumanija, l-Estonja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka u l-Litwanja għandhom l-aqwa prestazzjoni.

L-implimentazzjoni tad-Direttivi tas-Suq Intern

Id-defiċit medju tal-UE għat-traspożizzjoni kompla jonqos minn 0.9 % għal 0.6 % matul l-aħħar sitt xhur u l-għadd ta’ Stati Membri li kisbu l-mira ta’ 1 % tela’ minn 16 għal 23.

B’kollox, 12-il Stat Membru kisbu jew laħqu l-aqwa riżultat tagħhom tad-defiċit tat-traspożizzjoni sa mill-1997: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, l-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja u l-Isvezja, bl-Italja u l-Lussemburgu jaqgħu għall-ewwel darba taħt il-limitu ta’ 1 %. Dan juri l-prijorità għolja mogħtija mill-Istati Membri għal traspożizzjoni fil-ħin anki fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali.

L-Irlanda hija l-aħjar waħda fit-traspożizzjoni: hi ttrasponiet id-Direttivi kollha fi żmien xieraq u laħqet defiċit ta’ 0.0 %. Iżda huwa speċjalment impressjonanti t-titjib tal-Italja, li naqset id-defiċit ta’ traspożizzjoni tagħha minn 2.4 % sitt xhur ilu għal 0.8 % illum. Ir-Rumanija naqqset ukoll id-defiċit ta’ traspożizzjoni tagħha b’mod eċċezzjonali minn 1.1 % għal 0.4 %. It-tliet Stati Membri kollha jaqsmu l-aħjar prattiċi tagħhom f’din l-edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern.

Illum, l-Istati Membri jieħdu bejn wieħed u ieħor disa’ xhur u nofs biex jittrasponu d-direttivi tal-UE wara li t-terminu tat-traspożizzjoni jkun skada. Fir-rigward tad-Direttivi aktar minn sentejn wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħhom (elenkati fir-rapport), ħames Stati Membri biss ma ssodisfawx il-mira ta’ “tolleranza żero”.

Ksur

L-għadd medju ta’ proċedimenti ta’ ksur miftuħa tal-UE jkompli f’31 każ għal kull Stat Membru. L-Italja għandha l-akbar għadd ta’ proċedimenti ta’ ksur – 10 darbiet iktar mil-Litwanja, l-Istat Membru bl-inqas numru ta’ każijiet - segwita minn Spanja u l-Greċja.

Minkejja dan, dawn l-Istati Membri tjiebu mil-lat ta' perspettiva fuq tul iktar ta’ żmien: mindu ngħaqdu mas-sistema EU-Pilot, in-numru ta’ każijiet naqas b’47 % għall-Italja, 39 % għal Spanja u 25 % għall-Greċja.

L-ambjent u t-tassazzjoni huma l-ispjegazzjoni ta’ 45 % tal-proċedimenti kollha ta’ ksur.

It-tul taż-żmien medju ta’ proċedimenti ta’ ksur miftuħa jvarja minn 10 xhur (il-Lussemburgu) għal tliet snin (l-Isvezja).

Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu azzjoni minnufih biex jikkonformaw mas-sentenza tagħha. Madankollu, bosta każijiet jieħdu ħin konsiderevoli – fuq medja ta’ aktar minn 17.4 xhur - biex ikunu solvuti. Għal Spanja, l-Irlanda u Franza l-perjodu huwa kważi sentejn. Il-Komunikazzjoni dwar Governanza Aħjar tas-Suq Uniku (ara IP/12/587 ), jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċess biex jikkonformaw ma’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-setturi ewlenin identifikati, jiġifieri li tinkiseb konformità sħiħa fi żmien 12-il xahar bħala medja.

Aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/internal_market/score/index_en.htm

Kuntatti:

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site