Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Pakkett ġdid ta' politika biex titnaddaf l-arja tal-Ewropa

European Commission - IP/13/1274   18/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Diċembru 2013

L-ambjent: Pakkett ġdid ta' politika biex titnaddaf l-arja tal-Ewropa

In-numru ta' nies li jmutu minħabba l-kwalità ħażina tal-arja huwa agħar min-numru ta' nies li jmutu minħabba aċċidenti tat-traffiku, u dan jagħmilha l-kawża ambjentali ewlenija ta' imwiet prematuri fl-UE. Dan għandu impatt ukoll fuq il-kwalità tal-ħajja minħabba l-ażma u problemi respiratorji. Il-Kummissjoni qed tirrispondi b'miżuri ġodda adottati llum biex tnaqqas it-tniġġis fl-arja. Il-pakkett għal politika għal arja nadifa jaġġorna l-leġiżlazzjoni eżistenti u jnaqqas l-emissjonijiet ta' ħsara mill-industriji, it-traffiku, l-impjanti tal-enerġija u l-agrikoltura, bil-għan li jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq is-saħħa tal-bnedmin u fuq l-ambjent. It-tniġġis fl-arja jikkawża ġranet tax-xogħol mitlufa u spejjeż għoljin tas-servizzi tas-saħħa bi gruppi vulnerabbli bħat-tfal, l-ażmatiċi u l-anzjani li jkunu l-aktar affettwati. It-tniġġis fl-arja jagħmel ħsara wkoll lill-ekosistemi permezz ta' tniġġis eċċessiv min-nitroġenu (ewtrofikazzjoni) u mix-xita aċiduża. L-ispejjeż diretti għas-soċjetà mit-tniġġis tal-arja, inkluż ħsara lill-għelejjel u l-bini jammontaw għal madwar 23 biljun ewro kull sena. Il-benefiċċji għal saħħet in-nies mill-implimentazzjoni tal-pakkett jammontaw għal madwar 40 biljun ewro kull sena, tnax-il darba aktar mill-ispejjeż tat-tnaqqis fit-tniġġis, li huma stmati jilħqu l-EUR 3.4 biljun ewro kull sena fl-2030.

Janez Potočnik, il-Kummissarju għall-Ambjent qal: "L-arja li nieħdu llum hi ħafna iktar nadifa milli kienet fid-deċennji li għaddew. Iżda t-tniġġis tal-arja xorta għadu 'qattiel inviżibbli' u jżomm lil ħafna nies milli jgħixu ħajja totalment attiva. L-azzjonijiet li qed nipproponu ser inaqqsu bin-nofs in-numru ta' mwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-arja, ser iżidu l-protezzjoni għall-gruppi vulnerabbli li l-aktar għandhom bżonnha u ser itejbu l-kwalità tal-ħajja għal kulħadd. Dawn l-azzjonijiet huma aħbar tajba wkoll għan-natura u għall-ekosistemi fraġli, u ser jagħtu spinta lill-industrija tat-teknoloġija nadifa - settur importanti ta' tkabbir għall-Ewropa."

Tonio Borg, il-Kummissarju għas-Saħħa, qal: "Nilqa' bis-sħiħ l-adozzjoni tal-pakkett għal arja nadifa li tqiegħed l-Ewropa fid-direzzjoni t-tajba biex tasal għal arja nadifa għal kulħadd fuq medda twila ta' żmien. Il-politika l-ġdida tal-arja ser tfisser li l-Ewropej ser jgħixu b'mod iktar san u ħajja itwal: inqas tfal ser jiżviluppaw l-ażma jew problemi respiratorji oħra, inqas nies ser ibatu bil-kanċer, mard respiratorju kroniku jew mard kardjovaskulari u finalment ser ikun hemm inqas nies imutu minħabba l-effett tat-tniġġis tal-arja fuq saħħet in-nies.

Il-pakkett li ġie adottat illum għandu numru ta' komponenti. Dawn jinkludu:

  • Programm ġdid għal Arja Nadifa għall-Ewropa b'miżuri li jiżguraw li jintlaħqu miri eżistenti fit-terminu qasir, u objettivi ġodda għall-kwalità tal-arja għall-perjodu sal-2030. Il-pakkett jinkludi wkoll miżuri ta' appoġġ biex jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġis fl-arja, b'enfasi fuq it-titjib tal-kwalità tal-arja fl-ibliet, u li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, u li jipprowovu kooperazzjoni internazzjonali.

  • Direttiva riveduta dwar il-Livelli Nazzjonali Massimi tal-Emissjonijiet b'livelli nazzjonali massimi aktar stretti għas-sitt sustanzi niġġiesa ewlenin, u

  • Proposta għal Direttiva ġdida biex jitnaqqas it-tniġġis minn installazzjonijiet ta' daqs medju tal-kombustjoni , bħal ma huma l-impjanti tal-enerġija għall-blokkijiet ta' bini jew għal bini kbir, u installazzjonijiet għal industriji żgħar.

Sal-2030, u meta mqabbel ma' sitwazzjoni fejn ma ssir ebda bidla, il-pakkett għal politika għal arja nadifa huwa mistenni li:

jevita 58 000 mewt,

isalva 123 000km2 ta' ekosistemi mit-tniġġis min-nitroġenu (aktar minn nofs l-erja tar-Rumanija),

isalva 56 000 km2 ta' erja ta' Natura 2000 protetta (aktar mill-erja kollha tal-Kroazja) mit-tniġġis min-nitroġenu,

isalva 19 000km2 ta' ekosistemi tal-foresti mill-aċidifikazzjoni

Il-benefiċċji tas-saħħa weħidhom ser jiffranka bejn EUR 40-140 biljun għas-soċjetà fi spejjeż esterni u ser jipprovdu madwar 3 biljun ewro f'benefiċċji diretti minħabba produttività ogħla tal-forza tax-xogħol, inqas spejjeż fis-servizzi tas-saħħa, iktar rendiment tal-għelejjel u inqas ħsara lil bini. Il-proposta ser iżżid ukoll l-ekwivalenti ta' madwar 100 000 impjieg addizzjonali ġdid minħabba produttività u kompetittività miżjuda minħabba inqas ġranet tax-xogħol mitlufa. Huwa stmat li ser ikollha impatt nett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku.

Il-proposta hija bbażata fuq il-konklużjonijiet ta' reviżjoni komprensiva tal-politika eżistenti tal-arja tal-UE. Din saret wara konsultazzjonijiet estensivi li wrew appoġġ mifrux għal inizjattiva tal-UE kollha f'dan il-qasam.

Sfond

Ħafna Stati Membri għadhom mhux qed jilħqu l-istandards miftiehma mill-UE għal arja ta' kwalità, u ġeneralment, il-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tniġġis tal-arja mhumiex qed jintlaħqu.

Minkejja li l-politika tal-UE għal arja ta' kwalità ġabet magħha tnaqqis sinifikanti fil-konċentrazzjonijiet ta' tniġġis li jagħmel il-ħsara, jibqgħu jeżistu problemi kbar, bħal mhuma il-materja partikolata, id-diossidu tal-kubrit (il-kawża ewlieni tax-xita aċiduża), iċ-ċomb, l-ossidi tan-nitroġenu, il-monossidu tal-karbonju u l-benżina. Partikoli fini u l-ożonu, b'mod partikolari jibqgħu jippreżentaw riskji sinifikanti għas-saħħa u regolarment jinqabżu l-limiti ta' sigurtà. L-istandards u l-miri tal-UE għal arja ta' kwalità jinkisru f'ħafna reġjuni u bliet, u minħabba dan tbati s-saħħa pubblika, bl-ispejjeż għas-servizzi tas-saħħa u l-ekonomija dejjem jiżdiedu. L-ispejjeż esterni totali għas-soċjetà mit-tniġġis tal-arja, li huma relatati mas-saħħa, huma stmati li jkunu bejn il-limiti ta' 330-940 biljun ewro kull sena. Is-sitwazzjoni hija serja l-aktar f'żoni urbani, li issa qed jospitaw il-biċċa l-kbira tal-Ewropej.

Il-pakkett li ġie adottat illum huwa l-qofol ta' evalwazzjoni kbira tal-politika tal-arja li bdiet fil-bidu tal-2011.

Għal iżjed informazzjoni:

Link għall-abbozz tal-proposta u għall-istudju (biċ-ċifri tal-Istati Membri, kif imsemmi hawn fuq):

http://ec.europa.eu/environment/air/clean_air_policy.htm

Ara wkoll:

Q&A MEMO: MEMO/13/1169

Skeda informattiva

http://ec.europa.eu/environment/air/index.htm

http://www.eea.europa.eu/themes/air

http://www.eea.europa.eu/publications/air-quality-in-europe-2013/at_download/file

http://ec.europa.eu/environment/air/review_air_policy.htm

Materjal awdjoviżiv (VNR) jinsab fuq tvlink.org

Il-linji gwida tal-WHO dwar il-kwalità tal-arja

http://www.who.int/phe/health_topics/outdoorair/outdoorair_aqg/en/index.html

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website