Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Diċembru 2013

Ikel: Il-Kummissjoni tressaq proposti dwar l-ikklonjar tal-annimali u ikel ġdid

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat tliet abbozzi ta’ liġijiet dwar l-ikklonjar tal-annimali u dwar ikel ġdid li se jipprovdu ċertezza legali f’dan il-qasam. Żewġ proposti se jipprojbixxu l-użu tat-teknika tal-ikklonjar fl-UE għall-annimali tal-irziezet1 u l-importazzjonijiet ta’ dawn il-kloni tal-annimali. It-tqegħid fis-suq ta’ ikel minn kloni tal-annimali se jkun ipprojbit ukoll. Dawn il-proposti għandhom l-intenzjoni li jindirizzaw it-trattament xieraq tal-annimali u tħassib etiku ieħor relatat mal-użu tat-teknika. L-abbozz ta’ liġi dwar l-ikel ġdid jirrevedi r-Regolament dwar l-Ikel Ġdid eżistenti bil-għan li jitjieb l-aċċess għal ikel ġdid u innovattiv għas-suq tal-UE, filwaqt li xorta jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

Il-Kummissarju tal-UE responsabbli mis-Saħħa Tonio Borg qal, "L-inizjattivi tal-lum dwar l-ikklonjar tal-annimali jirrispondu għat-tħassib dwar it-trattament xieraq tal-annimali kif ukoll il-perċezzjonijiet tal-konsumatur dwar l-ikel minn kloni tal-annimali b’mod realistiku u fattibbli. Il-bidliet dwar l-ikel ġdid se joħolqu sistema aktar effiċjenti. Din se toffri l-benifiċċju ta' firxa wiesgħa ta' oġġetti tal-ikel lill-konsumaturi tal-UE u se tipprovdi ambjent favorevoli għall-industrija tal-ikel tal-Ewropa.”

Elementi ewlenin dwar l-ikklonjar

Fl-UE mhu se jittwettaq ebda kklonjar għal skopijiet ta’ biedja u ebda klonu bħal dan mhu se jiġi importat sakemm jibqa’ t-tħassib dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

Hija prevista projbizzjoni temporanja fuq l-użu tat-teknika tal-ikklonjar fuq l-annimali mrobbijin kif ukoll fuq it-tqegħid fis-suq ta’ annimali kloni ħajjin u kloni tal-embrijuni fl-ewwel abbozz tad-Direttiva. It-tieni abbozz tad-Direttiva jiżgura li l-ikel bħal-laħam jew il-ħalib minn kloni tal-annimali ma jitqigħedx fis-suq tal-UE.

L-ikklonjar madankollu mhux se jkun ipprojbit għal finijiet bħar-riċerka, il-konservazzjoni ta’ razez rari u speċijiet fil-periklu jew użu ta’ annimali għall-produzzjoni ta’ farmaċewtiċi u tagħmir mediku, fejn l-użu tat-teknika tista’ tiġi ġġustifikata.

Elementi ewlenin dwar ikel ġdid

Skont l-abbozz tar-Regolament, l-ikel ġdid għandu jkun suġġett għal proċedura ta' awtorizzazzjoni aktar sempliċi, aktar ċara u aktar effiċjenti li tkun ċentralizzata fil-livell tal-UE, li għandha tippermetti li l-ikel sikur u innovattiv jilħaq is-suq tal-UE aktar malajr.

Ikel ġdid ġeneralment jirreferi għal ikel li ma kienx ikkonsmat fl-UE sa grad sinifikanti qabel Mejju 1997, jiġifieri qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament attwali u b’mod partikolari għal ikel prodott bl-użu ta’ tekniki u teknoloġiji ġodda, bħal nanomaterjali.

Dispożizzjonijiet speċjali huma magħmula wkoll għal ikel li ma jkunx inbiegħ fl-UE iżda li jkollu storja ta’ użu sikur f'pajjiżi mhux tal-UE. Dan joħloq sistema aktar ibbilanċjata u ambjent pożittiv għall-kummerċ.

Il-protezzjoni tal-innovazzjoni hija wkoll karatteristika tal-abbozz ta’ liġi. Skont is-sistema l-ġdida, fil-każ ta’ innovazzjoni appoġġjata minn żviluppi xjentifiċi ġodda, il-kumpanija tal-ikel li tkun bagħtet l-applikazzjoni, se tingħata awtorizzazzjoni biex tikkummerċjalizza l-ikel fis-suq għal 5 snin qabel ma jkun jista' jiġi prodott minn oħrajn.

Passi li jmiss

Istituzzjonijiet oħra tal-UE, inklużi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jikkunsidraw l-abbozz ta' leġiżlazzjoni u se jadottaw il-pożizzjonijiet tagħhom meta jkun il-waqt. F’dan l-istadju, jista’ jiġi stmat li l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni se jidħol fis-seħħ mhux qabel l-2016.

Sfond

L-ikklonjar tal-annimali huwa relattivament teknika ġdida għar-riproduzzjoni tal-annimali. L-ikklonjar ma jinvolvi l-ebda modifika ġenetika. Klonu mhuwiex OĠM. It-teknika tal-ikklonjar ma ttejjibx il-prestazzjoni tal-annimal. Madankollu dawk li jrabbu jistgħu jikkunsidraw l-ikklonjar biex iżidu l-kwantità tal-materjal riproduttiv (semen jew embrijuni tal-annimali) ta' annimal li jkun partikolarment ta’ valur.

Illum, l-ikklonjar ma jintużax għall-produzzjoni tal-ikel. Bħalissa, it-tqegħid fis-suq fl-UE ta' ikel minn kloni jkun jeħtieġ approvazzjoni qabel it-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament dwar l-Ikel Ġdid abbażi ta’ valutazzjoni tas-sikurezza tal-ikel xjentifika mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). S’issa, l-ebda Ewropew jew operatur barrani tan-negozju tal-ikel ma applika għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta' ikel prodott bl-użu tat-teknika tal-ikklonjar.

Fl-2008 l-EFSA wettqet valutazzjoni xjentifika tar-riskju dwar l-ikklonjar u kkonkludiet li m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ kwalunkwe differenza għas-sikurezza tal-ikel fuq laħam u ħalib ta’ kloni u l-frieħ tagħhom meta mqabbla ma’ dawk ta’ annimali mgħammra b’mod konvenzjonali. Din l-opinjoni ġiet ikkonfermata fl-2009, l-2010 u l-2012.

Ir-riċerkatur juża l-ikklonjar għal ċerti investigazzjonijiet. Il-materjal riproduttiv (semen u embrijuni) u l-ikel (laħam, ħalib) minn dawn kloni ma ma jitqigħidx fis-suq.

Għal iżjed informazzjoni:

L-ikklonjar u l-Ikel Ġdid: http://ec.europa.eu/food/food/biotechnology/novelfood/initiatives_en.htm

EFSA: http://www.efsa.europa.eu/en/topics/topic/cloning.htm

Ewrobarometru: http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_238_en.pdf

http://ec.europa.eu/food/food/resources/docs/eurobarometer_cloning_sum_en.pdf

MEMO/13/1170

Segwina fuq Twitter:

@EU_Consumer or @EU_Health

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

Annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website