Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Frar 2013

Investiment soċjali: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffokaw fuq it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw l-investiment soċjali u biex jimmodernizzaw l-istati soċjali tagħhom. Dan ifisser strateġiji ta' inklużjoni attivi bi prestazzjoni aħjar u użu aktar effiċjenti u aktar effettiv tal-baġits soċjali. Din it-talba tidher f'Komunikazzjoni dwar l-Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni li għadha kif ġiet adottata mill-Kummissjoni.

Il-Komunikazzjoni toffri wkoll gwida lill-Istati Membri dwar kif l-aħjar jużaw l-appoġġ finanzjarju tal-UE, notevolment mill-Fond Soċjali Ewropew, biex jimplimentaw l-objettivi msemmija. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib il-prestazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali tal-Istati Membri individwali permezz tas-Simestru Ewropew u tifformula, fejn meħtieġ, Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għal kull Pajjiż.

"L-investiment soċjali huwa importanti jekk irridu noħorġu mill-kriżi aktar b'saħħitna, aktar koeżivi u aktar kompetittivi. Bir-restrizzjonijiet eżistenti tal-baġit, l-Istati Membri għandhom iċaqilqu l-fowkus tagħhom għal fuq l-investiment fil-kapital uman u l-koeżjoni soċjali. Dan jista' jagħmel differenza reali jekk verament irridu nagħmlu progress lejn l-objettivi tal-istrateġija tal-Ewropa 2020. Investiment Soċjali illum jgħin jipprevjeni lill-Istati Membri milli jħallsu kontijiet finanzjarjament u soċjalment ferm aktar ogħla għada" stqarret László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali.

Il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi finanzjarja tal-preżent huma serji ħafna. Il-Pakkett tal-Investiment Soċjali, li għadu kif ġie ppreżentat mill-Kummissjoni, jagħti gwida lill-Istati Membri dwar politiki soċjali li huma aktar effiċjenti u effettiv fir-rispons tagħhom għall-isfidi sinifikanti li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom fil-preżent. Dawn jinkludu livell għoli ta' diffikultà finanzjarja, żieda fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, kif ukoll rekord ta' qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Dawn jingħaqdu mal-isfida ta' soċjetajiet li qegħdin jixjieħu u popolazzjonijiet iżgħar fl-età tax-xogħol, li jittestjaw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi soċjali nazzjonali.

Il-Pakkett tal-Investiment Soċjali jinkludi wkoll Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni kontra l-faqar tat-tfal, li jitlob approċċ integrat għal investiment soċjali fl-interess tat-tfal. L-investiment fit-tfal u fiż-żgħażagħ huwa effettiv speċjalment fit-tkissir taċ-ċikli ta' faqar u l-esklużjoni soċjali li jintirtu minn ġenerazzjoni għalloħra u fit-titjib tal-opportunitajiet tal-persuni aktar tard f'ħajjithom.

Il-Pakkett tal-Investiment Soċjali huwa qafas ta' politika integrat li jqis id-diverġenzi soċjali, ekonomiċi u baġitajri bejn l-Istati Membri. Hu jiffoka fuq:

- L-iżgurar li sistemi ta' protezzjoni soċjali jirrispondu għall-bżonnijiet tal-persuni f'mumenti kritiċi matul ħajjithom. Hemm bżonn li jsir aktar biex jonqos ir-riskju għal kollass soċjali u permezz t'hekk jiġi evitat infiq soċjali ogħla fil-futur.

- Politiki soċjali ssimplifikati u b'aktar mira, biex jipprovdu sistemi ta' protezzjoni soċjali adegwati u sostenibbli. Xi pajjiżi għandhom riżultati soċjali aħjar minn oħrajn minkejja li għandhom baġits simili jew inqas, u dan juri li għad hemm lok għal infiq ta' politika soċjali aktar effiċjenti.

- It-titjib tal-istrateġiji ta' inklużjoni attiva fl-Istati Membri. Kura tat-tfal u edukazzjoni ta' kwalità għall-but ta' kulħadd, il-prevenzjoni ta’ tluq bikri mill-iskola, it-taħriġ u l-għajnuna għat-tfittix ta' impjieg, l-appoġġ għall-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa aċċessibbli huma kollha oqsma tal-politika b'dimensjoni ta' investiment soċjali qawwi.

Sfond

Il-Pakkett tal-Investiment Soċjali huwa bbażat fuq analiżi ta’ dejta (eż. l-Iżviluppi Soċjali u fl-Impjiegi tal-2012 fir-Reviżjoni tal-Ewropa - ara IP/5/13) u prassi tajba eżistenti li juru li Stati Membri b'impenn sod għall-investiment soċjali – jiġifieri, il-benefiċċji u s-servizzi li jsaħħu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tan-nies – għandhom rati iktar baxxi ta' persuni li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, kisba ta' livell għoli ta' edukazzjoni ogħla, aktar impjiegi, defiċits iktar baxxi u PDG per capita ogħla.

Il-Pakkett tal-Investiment Soċjali jikkonsisti minn Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-qafas tal-politika, azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni u gwida dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-appoġġ tar-riformi. Flimkien miegħu hemm:

  • Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-"Investiment fit-Tfal: inwaqqfu ċ-ċiklu ta' żvantaġġ" li tinkludi qafas integrat ta' politika biex jitjiebu l-opportunitajiet għat-tfal

  • Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SWD) li jinkludi evidenza dwar xejriet demografiċi u soċjali u r-rwol ta’ politiki soċjali fir-rispons tagħhom għall-isfidi soċjali, ekonomiċi u makroekonomiċi li l-UE qiegħda tiffaċċja

  • Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jkompli fejn ħalliet ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-Inklużjoni Attiva ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol

  • It-tielet Rapport Bijennali dwar is-Servizzi Soċjali ta’ Interess Ġenerali li jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati jifhmu u jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-UE dwar is-servizzi soċjali

  • Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar Kura fit-Tul, li jippreżenta sfidi u għażliet tal-politika;

  • Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar kif għandha tiġi kkonfrontata l-problema ta' persuni mingħajr djar li jispjega s-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr djar fl-Unjoni Ewropea u strateġiji possibbli li għandhom jiġu kkunsidrati;

  • Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar l-Investiment fis-Saħħa, li jinkludi strateġiji biex jitjiebu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi tas-saħħa f'kuntest ta' baġits aktar issikkati għall-kura tas-saħħa u li jiddiskuti kif is-saħħa tista' tikkontribwixxi għaż-żieda fil-kapital uman u l-inklużjoni soċjali; kif ukoll

  • Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jiddeskrivi kif il-Fond Soċjali Ewropew se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Investiment Soċjali.

Il-Pakkett tal-Investiment Soċjali jkompli jżid mal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u jikkumplimenta inizjattivi riċenti oħra tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi tal-Ewropa, notevolment, il-Pakkett ta' Impjiegi, il-Pakkett tal-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-White Paper dwar il-Pensjonijiet. Dawn l-inizjattivi taw lill-Istati Membri gwida addizzjonali dwar ir-riformi nazzjonali meħtieġa biex jiġu onorati l-impenni għall-miri tal-Ewropa 2020 li kien hemm qbil dwarhom.

Għal aktar tagħrif

MEMO/13/117 u MEMO/13/118

L-aħbar fuq il-websajt tad-DĠ għall-Impjiegi:

http://ec.europa.eu/social/home.jsp?langId=mt

Il-websajt ta' László Andor:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/#!/LaszloAndorEU

Abbona mingħajr ħlas fil-bulettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website