Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Diċembru 2013

Il-Kummissjoni tgħin biex il-vjaġġi fl-ibliet isiru aktar faċli u aktar ekoloġiċi

Il-Kummissjoni Ewropea qed iżżid l-appoġġ tagħha lill-ibliet żgħar u kbar f’pakkett ġdida ta' "mobilità urbana”, adottat llum. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prassi, tipprovdi appoġġ finanzjarju mmirat u tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp. Barra minn hekk, qed tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ “pjanijiet ta’ mobilità urbana sostenibbli” biex tistimula bidla lejn trasport aktar nadif u aktar sostenibbli f’żoni urbani.

Il-bliet kbar jospitaw aktar minn 70% tal-popolazzjoni tal-UE u jirrappreżentaw madwar 85% tal-PDG tal-Unjoni. Il-maġġoranza tal-vjaġġi jibdew u jispiċċaw fl-ibliet. F'ħafna żoni urbani, madankollu, id-domanda dejjem tiżdied għall-mobilità urbana ħolqot sitwazzjoni li mhix sostenibbli: konġestjoni kbira, kwalità tal-arja fqira, ħsejjes u livelli għolja ta' emissjonijiet tas-CO2. Il-konġestjoni urbana tipperikola l-għanijiet tal-UE għal sistema ta’ trasport kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru ppubblikat illum juri li ċ-ċittadini Ewropej huma mħassba mill-impatti negattivi tal-mobilità urbana, u ħafna minnhom huma pessimisti dwar il-prospetti ta' titjib tal-mobilità fl-ibliet tagħhom. Il-maġġoranza kbira l-konġestjoni (76%), il-kwalità tal-arja (81%) u l-inċidenti (73%) jikkunsidrawhom bħala problemi serji. Inqas minn kwart jaħsbu li s-sitwazzjoni se titjieb fil-ġejjieni (24%) u ħafna jemmnu li se tibqa' l-istess (35%) jew tmur għall-agħar (37%).

Il-Viċi President Siim Kallas, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-mobilità u t-trasport, qal: "L-indirizzar tal-problemi tal-mobilità urbana hija waħda mill-isfidi kbar fit-trasport illum. B’azzjoni koordinata nistgħu niksbu iktar suċċess. L-awtoritajiet lokali għandhom rwol ewlieni fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Huma fl-aħjar pożizzjoni biex jieħdu deċiżjonijiet lokali importanti, iżda għandhom jibbenefikaw minn appoġġ fuq livell nazzjonali u tal-UE.”

Bil-pakkett ta’ mobiltà urbana, il-Kummissjoni ssaħħaħ il-miżuri ta’ appoġġ fl-oqsma li ġejjin:

Taqsam l-esperjenza u xxerred l-aqwa prassi: Fl-2014, il-Kummissjoni se twaqqaf pjattaforma Ewropea għal pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli. Din il-pjattaforma se tgħin lill-ibliet, lill-esperti tal-ippjanar u lill-partijiet interessati jippjanaw mobilità urbana aktar faċli u aktar ekoloġika;

Tipprovdi appoġġ finanzjarju mmirat: Permezz tal-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, l-UE se tkompli tagħti appoġġ lill-proġetti ta' trasport urban, b'mod partikolari fir-reġjuni inqas żviluppati tal-UE;

Riċerka u Innovazzjoni Bis-saħħa tal-inizjattiva Civitas 2020, fil-qafas ta' Orizzont 2020, l-ibliet, il-kumpaniji, l-istituti akkademiċi u partijiet oħra interessati se jkunu jistgħu jiżviluppaw u jittestjaw approċċi ġodda għall-mobilità urbana. L-ewwel sejħa għal proposti ġiet ippubblikata fil-11 ta’ Diċembru (MEMO/13/1131). L-istima tal-baġit għall-2014 u l-2015 huwa ta’ EUR 106.5 miljun. Civitas 2020 hija kkomplementata mis-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni ta' bliet u komunitajiet intelliġenti (EUR 200 miljun għall-2014 u l-2015) u attivitajiet fi ħdan l-inizjattiva Ewropea “vetturi ekoloġiċi” (EUR 159 miljun għall-2014 u 2015);

L-involviment tal-Istati Membri: Il-Kummissjoni tagħmel sejħa lill-Istati Membri biex joħolqu l-kondizzjonijiet xierqa għall-ibliet żgħar u kbar biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-pjanijiet sostenibbli ta' mobilità urbana tagħhom;

Ħidma flimkien: Il-Kummissjoni tressaq rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal azzjoni koordinata bejn il-livelli kollha tal-gvern u bejn is-settur pubbliku u privat f’erba’ oqsma:

loġistika urbana,

regolamentazzjoni tal-aċċess urban,

l-użu ta’ soluzzjonijiet ta' sistema ta’ trasport intelliġenti (ITS),

is-sikurezza tat-toroq urbani.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/transport/themes/urban/ump/index_en.htm

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

MEMO/13/1160

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website