Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Viċi President Maroš Šefčovič: Ir-Reġistru tat-Trasparenza Konġunt ser ikun aktar b’saħħtu u jżomm l-ambitu uniku tiegħu

European Commission - IP/13/1252   13/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013

Il-Viċi President Maroš Šefčovič: Ir-Reġistru tat-Trasparenza Konġunt ser ikun aktar b’saħħtu u jżomm l-ambitu uniku tiegħu

Wara rieżami totali tar-Reġistru tat-Trasparenza Konġunt, li jelenka l-gruppi u l-organizzazzjonijiet kollha li jixtiequ jinfluwenzaw il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni u l-Bureau tal-PE ħareġ b’madwar 30 titjib immedjat inklużi inċentivi qawwija sabiex jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet jirreġistraw.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič, il-Kummissarju responsabbli għar-relazzjonijiet interistituzzjonali u l-amministrazzjoni, qal: "Ir-rakkomandazzjonijiet ser jagħmlu r-reġistru aktar b'saħħtu. Se jagħti lill-pubbliku aktar informazzjoni dwar gruppi ta’ interess u organizzazzjonijiet li huma attivi fit-trasparenza fil-livell tal-UE. Se jagħti aktar inċentivi lil organizzazzjonijiet li huma rreġistrati, u se jkun iktar strett fuq dawk li ma jimxux skont ir-regoli. Fl-istess ħin, ninsab kuntent li ppreservajna l-ambitu wiesa’ tar-reġistru li hu uniku fid-dinja. Il-gruppi u l-organizzazzjonijiet kollha li huma fir-reġistru għandhom ikunu kburin, bħal ma għandhom ikunu l-klijenti u l-membri tagħhom.”

Ir-Reġistru attwali kien stabbilit b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fl-2011. Dan ikopri l-organizzazzjonijiet kollha li huma attivi biex jinfluwenzaw il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kummissjoni u l-Parlament, irrispettivament mill-użu, l-istat, l-istruttura jew il-baġit tagħhom. Bħalissa, huwa stmat li madwar 75 % tal-entitajiet kollha rilevanti relatati man-negozju u madwar 60 % tal-NGOs li joperaw fi Brussell diġa' huma reġistrati. In-numru totali ta’ organizzazzjonijiet reġistrati bħalissa huwa ta’ madwar 6,000.

Il-grupp ta’ ħidma rrakkomanda xi 30 bidla biex isaħħaħ u jiċċara l-Ftehim Interistituzzjonali. Għandhom jiddaħħlu aktar inċentivi sabiex l-organizzazzjonijiet jirreġistraw b’mod volontarju. Huwa rrakkomandat li għall-2017 isir rieżami ulterjuri tal-“Ftehim Interinstituzzjonali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew dwar reġistru tat-trasparenza”.

Id-diskussjonijiet fil-Grupp ta’ Livell Għoli wrew li l-unika bażi legali għal reġistru obbligatorju huwa l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan iqajjem għadd kbir ta’ kwistjonijiet legali kumplessi, b’mod partikolari rigward l-ambitu tar-reġistru, u l-konformità ma’ artikoli oħra tat-trattati. L-Artikolu 352 jeħtieġ l-unanimità fil-Kunsill u f’diversi Stati Membri jeħtieġ l-approvazzjoni mill-Parlamenti nazzjonali. Bħalissa, il-Kunsill ma jipparteċipax fir-Reġistru tat-Trasparenza Konġunt.

Il-passi li jmiss

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma, li ġew approvati b’mod unanimu u b'astensjoni waħda, se jiġu ppreżentati lill-Bureau tal-PE, u wara dan il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jkollu bżonn jeżaminahom. Il-proposta finali jittieħed vot dwarha mill-Kamra f'seduta plenarja, jekk possibbli qabel it-tmiem tal-leġiżlatura preżenti.

Il-Viċi President Šefčovič se jippreżenta r-riżultati tal-grupp ta’ ħidma lill-Kulleġġ tal-Kummissarji.

Il-grupp ta' ħidma tal-PE kien ippresedut mill-Viċi President tal-Parlament Ewropew Rainer Wieland u inkluda lill-Viċi President tal-Parlament Ewropew Anni Podimata, (S&D, EL), Isabelle Durant (Ħodor/EFA, BE), Edward McMillan-Scott (ALDE, Ir-Renju Unit), Oldřich Vlasák (ECR, CZ) u l-Kwestur tal-PE Jiří Maštálka (GUE/NGL, CZ), Francesco Enrico Speroni (EFD), Martin Ehrenhauser (NI, AT) kif ukoll il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali Carlo Cassini (PPE, IT) u MPE addizzjonali Rafał Trzaskowski (PPE, PL) u Roberto Gualtieri (S&D, IT) - koordinaturi fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.

Il-lista ta’ rakkomandazzjonijiet għal bidliet fil-Ftehim Interistituzzjonali se tkun disponibbli fuq il- websajt tar-Reġistru tat-Trasparenza aktar tard illum.

Kuntatti:

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website