Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta' Diċembru 2013

L-UE tittripplika l-finanzjament għall-innovazzjoni tal-ferroviji

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat "Shift2Rail", sħubija ġdida pubblika-privata biex tinvesti ftit inqas minn EUR 1 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni, bil-għan li jiżdiedu l-passiġġieri u l-merkanzija li jirkbu l-ferroviji tal-Ewropa. Il-ferrovija hija fost l-aktar forom ta' trasport effiċjenti u ekoloġiċi, iżda llum iġġorr biss 10% tal-merkanzija Ewropea u 6% tal-passiġġieri Ewropej kull sena.

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsibbbli għat-Trasport, qal:

"Jekk irridu ntellgħu aktar passiġġieri u merkanziji fuq il-ferroviji tal-Ewropea, jeħtieġ li l-ferroviji jipprovdu servizzi aħjar, u joffru għażla interessanti lil firxa usa' ta' klijenti. Iżda biex dan isir, il-ferrovija trid l-innovazzjoni. Din is-sħubija pubblika-privata hija pass ta' ġgant 'il quddiem, li se tixpruna l-innovazzjoni biex jitnaqqsu l-ispejjeż tas-servizzi tal-ferrovija, tiżdied il-kapaċità, u jiġu pprovduti servizzi aktar frekwenti għall-klijenti."

Il-Kummissarju għar-Riċerka, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "Dan l-investiment se jippermetti sforz industrijali kbir, li jgħaqqad il-finanzjament pubbliku u privat tul is-settur kollu tal-ferroviji, sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji u soluzzjonijiet strateġiċi li jgħinu jsaħħu l-kompetittività tan-negozji Ewropej u jżommu l-Ewropa minn ta' quddiem fis-suq dinji tal-ferroviji. Dan jixhed perfettament l-effett ta' ingranaġġ tal-baġit tal-UE għat-tkabbir u għall-impjieg."

Shift to Rail: Naqilbu għall-ferrovija

"Shift2Rail" hija sħubija pubblika-privata ambizzjuża li se tmexxi programm ta' ħidma, mifrux fuq 7 snin, ta' riċerka u innovazzjoni ddedikati bil-għan li jirfdu l-iżvilupp ta' servizzi tal-ferrovija aħjar fl-Ewropa. Se tiżviluppa u tħaffef it-tqegħid fis-suq tal-avvanzi teknoloġiċi.

Bis-sħubija "Shift2Rail", il-Kummissjoni qiegħda tmur lil hinn milli tittriplika l-finanzjament tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ferroviji, sa ammont ta' EUR 450 miljun (għall-perjodu 2014-2020) imqabbel mal-EUR 155 għall-perjodu preċedenti. Ma' dan il-finanzjament jiżdiedu EUR 470 miljun mill-industrija tal-ferroviji. Il-benefiċċji netti ta' dan l-approċċ kollaborattiv fit-tul għandhom jagħtu imbottatura tabilħaqq sostanzjali lill-innovazzjoni fl-industrija tal-ferrovija, imqabbel mal-kofinanzjament preċedenti li kien jiffoka fuq proġetti individwali.

Shift2Rail beħsiebha tagħti riżultati: tnaqqis, sa 50%, fil-kost taċ-ċiklu tal-ħajja tat-trasport bil-ferrovija (jiġifieri, l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, tal-operat, tal-ġestjoni u tat-tiġdid tal-infrastruttura u tal-vetturi ferrovjarji); żieda kumplessiva fil-kapaċità, b'qabża ta' 100%; u żieda kumplessiva fl-affidabbiltà, b'qabża ta' 50% fit-taqsimiet differenti tas-suq tal-ferrovija.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni se jiffukaw fuq ħames oqsma ewlenin:

It-titjib tal-kwalità tas-servizzi, b'enfażi fuq l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni ġdida ta' ferroviji ta' kapaċità għolja li jkunu kosteffiċjenti u affidabbli;

Iż-żieda tal-kapaċità u tal-għadd tal-ferroviji li joperaw l-istess traġitti – billi jiġu żviluppati sistemi intelliġenti aħjar ta' ġestjoni u kontroll tat-traffiku;

Il-provvediment ta' infrastruttura affidabbli u ta' kwalità għolja, inkluż bit-tnaqqis tal-istorbju fil-binarji, it-tnaqqis tal-kostijiet, u l-iżvilupp ta' ġestjoni intelliġenti;

Il-provvediment ta' sistemi integrati għall-qtugħ tal-biljetti u l-ippjanifikar tal-vjaġġ – bl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet u servizzi informatiċi innovattivi;

L-iżvilupp ta' loġistika u soluzzjonijiet intermodali aħjar għall-merkanzija, sabiex il-ferrovija tkun tista' tikkombina aħjar ma' forom oħra ta' trasport, u b'hekk tikkompeti b'mod aktar effiċjenti fis-swieq.

It-twaqqif ta' intrapriża konġunta tal-ferroviji – sħubija pubblika-privata msemmija Shift2Rail – se jippermetti l-qsim tar-riżorsi pubbliċi u privati sabiex jiffukaw fuq attivitajiet ta' riċerka vitali biex titwettaq ż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, kif ukoll biex jirfdu l-kompetittività tas-settur tal-ferrovija nfisha, bil-ħolqien tal-impjieg u l-ixprunar tal-esportazzjonijiet. Il-proġett se jinvolvi prattikament kull fornitur Ewropew tal-industrija tal-ferrovija, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji, sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u jitqiegħdu fis-suq. Se jinvolvi wkoll lill-operaturi tal-ferroviji u lill-maniġers tal-infrastruttura, sabiex jiżgura li l-attivitajiet ta' riċerka huma allinjati mal-bżonnijiet tas-suq. Sal-lum, il-manifatturi tat-tagħmir tal-ferrovija Alstom, Ansaldo STS, Bombardier, Siemens, Tahles u CAF, kif ukoll il-maniġers tal-infrastruttura Trafikverket u Network Rail, diġà kkonfermaw li se jagħtu kontribut ta' mill-anqas EUR 30 miljun kull wieħed lill-inizjattiva Shift2Rail (b'total ta' EUR 270 miljun).

Sfond

L-Ewropa qiegħda taffaċċja sfidi kbar f'termini ta' konġestjoni dejjem tiżdied, domanda tat-traffiku titkattar, u l-bżonn li jinbnew konnessjonijiet tat-trasport sostenibbli sabiex jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku.

Madankollu, minkejja żviluppi pożittivi f'ċerti swieq, il-ferrovija qiegħda tistaġna, jew anki timxi lura, f'ħafna Stati Membri tal-UE. Is-sehem modali tal-ferrovija tal-passiġġieri fit-trasport intra-UE baqa', bħala medja, pjuttost kostanti sa mis-sena 2000, f'madwar 6%, filwaqt li s-sehem modali tal-ferrovija għall-merkanzija niżel minn 11.5% għal 10.2%.

Quddiem din ir-realtà, il-Kummissjoni Ewropea wieġbet fuq tliet aspetti:

1. B'pakkett ewlieni ta' miżuri għar-ristrutturar tas-suq tal-ferrovija fl-Ewropa (ir-4 pakkett ferrovjarju).

2. It-triplikar tal-investiment fl-infrastruttura Ewropea, mit-EUR 8 biljun tal-lum għas-EUR 26 biljun għall-perjodu 2014-2020. Iktar minn 80% minn dan l-ammont se jintefaq fuq il-ferrovija.

3. It-triplikar tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam ferrovjarju, speċifikament fil-qafas tal-programm il-ġdid ta' Shift2Rail.

Aktar tagħrif:

MEMO/13/1143

IP/13/1239

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website