Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-gwida Erasmus+ ippubblikata, €1.8 biljun f'fondi disponibbli għall-2014

European Commission - IP/13/1241   12/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Il-gwida Erasmus+ ippubblikata, €1.8 biljun f'fondi disponibbli għall-2014

Organizzazzjonijiet li fl-2014 jixtiequ japplikaw għall-finanzjament minn Erasmus+, il-programm il-ġdid tal-Unjoni Ewropea għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, jistgħu jibdew iħejju l-applikazzjoni tagħhom għal għotja mil-lum. Il-gwida dwar il-Programm Erasmus+ il-ġdid, li tagħti tagħrif dettaljat fuq kif wieħed għandu japplika, tinsab hawn. Il-programm huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ jew l-isport. Dawn jistgħu japplikaw għall-finanzjament minn fuq l-internet sal-aħħar ta’ Jannar. Individwi ma jistgħux japplikaw direttament għal għotjiet iżda għandhom jikkuntattjaw lill-università, il-kulleġġ jew l-organizzazzjoni tagħhom, li għandhom japplikaw.

“Il-proċess għat-tnedija ta' Erasmus + issa jinsab fl-istadju finali u ninsabu lesti għall-fażi ta’ implimentazzjoni. Inħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet biex jiflu l-Gwida dwar il-Programm b’attenzjoni biex ikunu ċerti li jkunu preparati sew ladarba jibda l-proċess ta’ applikazzjoni fuq l-internet. Żieda ta’ 40 % fil-baġit tal-Erasmus+ ifisser li iktar minn 4 miljun persuna, inklużi studenti, apprendisti, għalliema u voluntiera, se jibbenefikaw minn għotjiet matul is-seba’ snin li ġejjin, "qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

B'kollox, €1.8 biljun f'finanzjament se jkunu disponibbli minn Erasmus+ fl-2014 għall-:

Promozzjoni ta' opportunitajiet ta’ mobbiltà għal studenti, apprendisti, għalliema u persunal edukattiv ieħor, iż-żgħażagħ fuq skambji ta’ żgħażagħ, mexxejja taż-żgħażagħ u l-voluntiera. Id-data ta' skadenza għall-applikazzjonijiet għal proġetti ta' mobbiltà b'rabta mat-tagħlim hija s-17 ta' Marzu 2014.

Ħolqien jew titjib ta' sħubijiet bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ mad-dinja tax-xogħol. Id-data tal-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija f'April tal-2014.

Appoġġ għad-djalogu u t-tiswir tal-evidenza meħtieġa għat-twassil ta' riforma fl-edukazzjoni, it-taħriġ u s-sistemi taż-żgħażagħ.

Konsorzji, organizzazzjonijiet li jikkoordinaw u gruppi jistgħu jressqu applikazzjoni waħda f’isem għadd ta’ organizzazzjonijiet.

Minbarra l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, sħubijiet innovattivi ġodda wkoll se jkunu ffinanzjati għall-ewwel darba:l-hekk imsejħa "Alleanzi tal-Għarfien" u "Alleanzi tal-Ħiliet fl-Oqsma" se jibnu sinerġiji bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol billi jagħtu l-kapaċità lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, il-fornituri tat-taħriġ u l-intrapriżi li jippromwovu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija, u li jiżviluppaw kurrikuli u kwalifiki ġodda biex jindirizzaw diskrepanzi fil-ħiliet.

Fl-isport, l-attenzjoni tinsab fuq proġetti transnazzjonali li jappoġġaw sport tal-poplu u fuq l-indirizzar ta' sfidi transkonfinali bħax-xiri tal-logħob, id-doping, il-vjolenza u r-razziżmu, kif ukoll il-promozzjoni tat-tmexxija tajba, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-inklużjoni soċjali u l-attività fiżika għal kulħadd.

Sfond

Il-gwida dwar il-Programm Erasmus+ tagħti dettalji dwar l-għanijiet, il-prijoritajiet, l-opportunitajiet ta’ finanzjament għal kull azzjoni, inkluż tagħrif tekniku dwar applikazzjonijiet għal għotjiet u l-proċess tal-għażla, kif ukoll id-dispożizzjonijiet finanzjarji u amministrattivi marbuta mal-għoti ta’ għotjiet.

Il-programm il-ġdid Erasmus+ jiġbor l-iskemi attwali kollha tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, inklużi l-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (Erasmus, Leonardo da Vinci, Comenius, Grundtvig), il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni u ħames programmi ta' koperazzjoni internazzjonali (Erasmus Mundus, Tempus, Alfa, Edulink u l-programm għall-koperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati). Dan jintroduċi wkoll, għall-ewwel darba, l-appoġġ għall-isport. Il-programm integrat se jagħmilha eħfef għall-applikanti biex jifhmu l-opportunitajiet li jeżistu fir-rigward ta' għotjiet, filwaqt li l-aċċess se jeħfief permezz ta' simplifikazzjonijiet oħra.

Il-programm Erasmus+ qiegħed jitnieda fi żmien meta, fl-UE, madwar sitt miljun żagħżugħ jinsabu qiegħda, b'livelli li jaqbżu il-50% f'xi pajjiżi. Fl-istess waqt, jeżistu aktar minn 2 miljun post tax-xogħol battal, u terz tal-impjegaturi jistqarru li jsibuha diffiċli li jsibu ħaddiema bil-ħiliet li jeħtieġu. Dan juri li fl-Ewropa hawn diskrepanza sinifikanti fil-ħiliet. Il-programm Erasmus+ se jindirizza din id-diskrepanza billi jagħti opportunitajiet lin-nies biex jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza ta' xogħol jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom.

Il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-organizzazzjonijiet u s-sistemi taż-żgħażagħ tal-Ewropa se jiġu miżjuda permezz ta’ appoġġ għal titjib fit-tagħlim u l-metodi tat-tagħlim, kurrikuli ġodda, u l-iżvilupp professjonali tal-persunal tal-edukazzjoni u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, fosthom permezz ta’ kooperazzjoni ikbar bejn id-dinjiet tal-edukazzjoni u tax-xogħol.

Il-baġit ta' €14.7 biljun għas-snin 2014 sa 2020 iqis stimi futuri għall-inflazzjoni u jirrappreżenta żieda ta; 40% fuq il-livelli ta' bħalissa. Fondi oħra huma mistennija jiġu allokati għall-mobbiltà tal-edukazzjoni ogħla u għat-tiswir tal-kapaċitajiet, bl-involviment ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE. Dawn in-negozjati se jiġu finalizzati fl-2014.

Il-passi li jmiss

L-organizzazzjonijiet interessati huma mħeġġa jaqraw il-Gwida dwar il-Programm għal iktar tagħrif dwar l-opportunitajiet differenti ta' finanzjament. L-organizzazzjonijiet huma mistiedna jressqu l-applikazzjoni tagħhom (fil-biċċa l-kbira onlajn) lill-Aġenzija Nazzjonali f’pajjiżhom jew l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

Għal iżjed tagħrif:

Gwida tal-Programm u sejħa għall-proposti

Erasmus+ fuq Facebook

Għid tiegħek fuq Twitter #ErasmusPlus

Is-sit tal-internet tal-Kummissarju Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website