Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta' Diċembru 2013

L-Ewrobarometru: nofs l-Ewropej sodisfatti bil-ferroviji tagħhom, iżda trid tissokta l-ħidma biex jitjieb is-servizz

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat illum, 58% tal-Ewropej huma sodisfatti bis-servizzi ferrovjarji ta' pajjiżhom. Iżda, meta mqabblin ma' dawn, ftit huma l-Ewropej li jużaw il-ferroviji. F'xi pajjiżi, hu ta' tħassib l-ammont kbir ta' vjaġġaturi li jarawha diffiċli wisq biex jixtru l-biljetti. U madwar 19% tal-Ewropej ma jużawx il-ferroviji minħabba kwistjonijiet ta' aċċessibbiltà. Persuni b'mobbiltà mnaqqsa lmentaw l-aktar dwar pjattaformi u vaguni ferrovjarji neqsin mill-aċċessibbiltà u nuqqas ta' tagħrif dwar l-aċċessibbiltà meta jkunu qed jippjanaw il-vjaġġ tagħhom.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Siim Kallas, inkarigat mit-trasport, qal: "Kwart biss tal-vjaġġaturi fl-UE jużaw il-ferroviji ta' sikwit. Dan mhux biżżejjed. Jeħtiġilna naħdmu qatigħ biex l-ivjaġġar bil-ferroviji jsir aktar attraenti, u dan l-istudju wriena ċar u tond fejn hemm bżonn tittieħed azzjoni. Pereżempju, mhux aċċettabbli li f'xi pajjiżi jkun daqstant diffiċli biex jinxtraw il-biljetti tal-ferrovija. Li wieħed juża l-ferrovija jeħtieġ li jkun malajr u faċli daqskemm hu li joħroġ il-karozza mill-garaxx."

L-istħarriġ rappreżentattiv ta' 26,000 Ewropew sar biex jeżamina kemm huma sodisfatti l-passiġġieri tal-ferrovija fl-UE bis-servizzi domestiċi tal-ferrovija, inklużi l-ferroviji stess, l-istazzjonijiet tal-ferrovija u l-aċċessibbiltà għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Dan isegwi stħarriġ simili li sar fl-2011 (ara http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_326_en.pdf).

Ir-riżultati tal-istħarriġ jikkonfermaw li jeħtieġ tissokta l-ħidma biex it-trasport bil-ferrovija jsir aktar favur il-klijent. F'Jannar 2012, il-Kummissjoni ressqet ir-raba' pakkett ferrovjarju bi proposti wesgħin biex is-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri jinfetħu għall-kompetizzjoni.

Il-biljetti u l-informazzjoni

Mill-2011, il-livell ġenerali ta' sodisfazzjon bix-xiri faċli tal-biljetti ma tjiebx (78%), għalkemm sar titjib kbir fl-Awstrija u l-Greċja (b'żieda rispettiva ta' 14 u 10 punti perċentwali), filwaqt li fl-Italja, id-Danimarka u s-Slovenja żdied in-nuqqas ta' sodisfazzjon (ilkoll b'aktar minn 10 punti perċentwali).

Is-sodisfazzjon bl-għoti tal-informazzjoni waqt il-vjaġġi bil-ferrovija, l-aktar meta jkun hemm dewmien, baqa' insuffiċjenti (ir-rata ta' sodisfazzjon hi inqas minn 50%). L-ogħla rati ta' sodisfazzjon huma tar-Renju Unit (70%), il-Finlandja u l-Irlanda (68% u 62%). L-ogħla rati ta' nuqqas ta' sodisfazzjon huma ta' Franza (47%) u l-Ġermanja (42%).

Ir-raba' pakkett ferrovjarju fih proposti li jippermettu sistemi komuni tal-informazzjoni u l-biljetti integrati.

L-affidabbiltà

Is-sodisfazzjon bil-puntwalità u l-affidabbiltà hu l-ikbar fl-Irlanda, il-Latvja, l-Awstrija u r-Renju Unit (aktar minn 73%). In-nuqqas ta' sodisfazzjon hu l-ogħla fl-Italja (44%), il-Ġermanja (42%), il-Polonja (40%) u Franza (39%).

Is-sodisfazzjon bil-frekwenza tal-ferroviji hu essenzjali biex jattira l-vjaġġaturi – l-iskedar hu fattur importanti li jaffettwa d-deċiżjonijiet li jieħu l-konsumatur biex jivvjaġġa. B'mod ġenerali, 59% tal-Ewropej huma sodisfatti bil-frekwenza. L-Italja u l-Ewropa tal-Lvant Ċentrali u tax-Xlokk għandhom l-inqas rati ta' sodisfazzjon.

Il-proposti, fir-raba' pakkett ferrovjarju li jsaħħu l-amministraturi tal-infrastruttura, għandhom isaħħu l-ġestjoni tan-netwerk tal-ferroviji u jtejbu l-affidabbiltà.

Bil-politika tal-infrastruttura tal-UE l-ġdida, l-UE qed tinvesti €26 biljun f’appoġġ finanzjarju għal proġetti ta' trasport pan-Ewropej, l-aktar għall-ferroviji, biex jinbnew konnessjonijiet transfruntieri nieqsa, ikunu evitati l-punti ta' konġestjoni u jinħoloq network aktar intelliġenti.

L-aċċessibbiltà

37% biss tal-Ewropej huma sodisfatti bl-aċċessibbiltà inġenerali fl-istazzjonijiet għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Is-sodisfazzjon hu l-ogħla fir-Renju Unit (61%), l-Irlanda (56%) u Franza (52%). Ir-rati ta' sodisfazzjon li ma jaqbżux il-medja huma tal-Ġermanja, l-Iżvezja, l-Italja u l-Ewropa tal-Lvan.

Dawk sodisfatti bl-aċċessibbiltà tal-pjattaformi huma biss 46% (40% tal-vaguni), u ferm anqas huma sodisfatti bl-informazzjoni ta' qabel il-vjaġġ dwar l-aċċessibbiltà (39%) jew l-assistenza għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa (37%). Il-persentaġġi jkomplu jonqsu meta dawk stess li wieġbu jintlaqtu direttament (ir-rata ta' sodisfazzjoni bl-aċċessibbiltà tal-pjattaformi hi 43% u r-rata ta' sodisfazzjon bl-aċċessibbiltà tal-vaguni hi 37%).

Mistoqsijiet dwar l-aċċessibbiltà huma essenzjali biex jitjieb is-sehem modali tal-ferroviji, b’mod partikolari billi l-popolazzjoni Ewropea qed tixjieħ. Minn dawk li ma jużawx il-ferrovija, fost ir-raġunijiet għalfejn ma jużawx il-ferrovija, 34% semmew mill-inqas kwistjoni waħda ta' aċċessibbiltà. Dan jaf ifisser li l-ferroviji mhumiex jilħqu madwar 19% tal-popolazzjoni tal-UE minħabba kwistjonijiet ta' aċċessibbiltà.

It-trattament tal-ilmenti

Is-sodisfazzjon bit-trattament tal-ilmenti żdied bir-rata impressjonanti ta'11-il punt perċentwali mill-2011 – u dan jixhed l-ewwel effetti tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri1. F'erba' Stati Membri (Franza, il-Latvja, il-Finlandja u Spanja), is-sodisfazzjon saħansitra tjieb b'iktar minn 20 punti perċentwali.

L-użu tal-ferroviji fl-UE bħalissa

35% biss tal-Ewropej jużaw ferroviji bejn il-bliet bosta drabi fis-sena jew aktar, minkejja li 83% jgħixu 30 minuta 'l bogħod mill-istazzjon tal-ferrovija.

32% tal-Ewropej qatt ma jużaw ferroviji bejn il-bliet.

53% tal-Ewropej ma jużawx ferroviji suburbani, minkejja li 31% jgħixu 10 minuti 'l bogħod mill-istazzjon tal-ferrovija. 14% biss jużaw ferroviji suburbani bosta drabi fil-ġimgħa.

Il-karozzi għadhom l-aktar mezz dominanti ta' trasport fl-Ewropa, iżda x-xejra qed tinbidel: Fl-2010, l-Ewropew medju vvjaġġa kważi 9500km bil-karozza – jiġifieri 100km inqas mill-2004.

Għal aktar tagħrif:

Ir-riżultati kollha tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur ferrovjarju:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_390_375_en.htm#382a

It-trasport ferrovjarju fuq il-websajt tal-Kummissjoni

Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija fuq il-websajt tal-Kummissjoni

Kampanja ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

1 :

Ir-Regolament Nru 1371/2007 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website