Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Diċembru 2013

Ħarġet il-gwida dwar il-finanzjament tal-programm Ewropa Kreattiva: €170 miljun disponibbli fl-2014

Organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi li fl-2014 jixtiequ japplikaw għall-finanzjament permezz ta' Ewropa Kreattiva, il-programm il-ġdid tal-Unjoni Ewropea għall-oqsma kulturali u kreattivi, jistgħu jibdew iħejju l-applikazzjoni tagħhom għal għotja mil-lum. Se jsibu l-ewwel dettalji dwar opportunitajiet ta' finanzjament ("sejħiet għall-proposti") hawnhekk. Biex jgħinhom iħejju l-applikazzjoni tagħhom, il-Gwida tal-Programm ġdid Ewropa Kreattiva fih minjiera ta’ tagħrif dwar il-proċess ta’ finanzjament. Kważi €170 miljun f’finanzjament huwa disponibbli bħala parti mill-ewwel sejħiet tal-programm għall-2014. Individwi ma jistgħux japplikaw direttament għal għotjiet iżda għandhom jikkuntattjaw organizzazzjonijiet rilevanti bħal assoċjazzjonijiet kulturali, festivals, teatri, distributuri tal-films eċċ, jew l-uffiċċju nazzjonali tal-Ewropa Kreattiva tagħhom.

Androulla Vassiliou il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, stqarret li “tul is-seba’ snin li ġejjin, il-Programm Ewropa Kreattiva se joffri finanzjament għal proġetti transnazzjonali li se jippermettu lil 250 000 artist u professjonist kulturali biex jilħqu udjenzi ġodda lil hinn minn pajjiżhom. Għandu jinvesti wkoll bil-qawwi fl-industrija Ewropea tal-films, b’sostenn għal 2 000 ċinema u mijiet ta’ films. L-awturi u l-pubblikaturi se jibbenefikaw minn appoġġ għat-traduzzjoni u aħna se nkomplu noffru l-finanzjament għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura u ħafna inizjattivi oħra".

Ewropa Kreattiva, li se jkollu baġit totali ta’ €1.46 biljun1 tul is-seba’ snin li ġejjin — 9 % aktar mil-livelli ta' bħalissa — se jappoġġa artisti, professjonisti kulturali u organizzazzjonijiet kulturali f’oqsma bħall-arti tal-ispettaklu, l-Arti, il-pubblikazzjoni, il-films, it-televixin, il-mużika, il-logħob vidjo, l-arti interdixxiplinari, il-patrimonju u l-logħob vidjo biex joperaw f’pajjiżi oħra u jiżviluppaw il-ħiliet li huma meħtieġa fl-era diġitali. Permezz taż-żieda fil-viżibbiltà ta’ xogħlijiet kulturali Ewropej f’pajjiżi oħra, il-Programm se jippromwovi wkoll id-diversità kulturali u lingwistika.

Minbarra s-sottoprogrammi Kultura u MEDIA, il-programm Ewropa Kreattiva se jinkludi approċċ transettorjali biex jappoġġa l-kooperazzjoni politika, miżuri trażversali u faċilità ġdida ta’ garanzija finanzjarja, li se jippermettu lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju fl-oqsma kulturali u kreattivi biex ikollhom aċċess għal sa EUR 750 miljun f’self mill-bank. Din il-faċilità se tibda topera mill-2016.

Sfond

Huwa stmat li l-programm Ewropa Kreattiva se jippermetti li:

  • 250 000 artist u professjonist kulturali u xogħolhom ikunu jistgħu jirċievu finanzjament biex jilħqu udjenzi ġodda lil hinn minn pajjiżhom

  • Aktar minn 800 film Ewropew jirċievu appoġġ għad-distribuzzjoni, u b'hekk ikunu jistgħu jarawhom udjenzi madwar l-Ewropa u d-dinja;

  • Mill-inqas 2 000 ċinema Ewropea jibbenefikaw mill-appoġġ lin-netwerk ta' ċinemi Ewropej li jippermettilhom jiżguraw li mill-inqas 50 % tal-films li juru jkunu Ewropej;

  • Aktar minn 4,500 ktieb u xogħlijiet letterarji oħra jirċievu appoġġ għat-traduzzjoni, u b'hekk il-qarrejja jkunu jistgħu jaqrawhom fil-lingwa materna tagħhom;

  • Eluf ta' organizzazzjonijiet u professjonisti kulturali u awdjoviżivi jibbenefikaw minn taħriġ biex jiksbu ħiliet ġodda u biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu internazzjonalment.

Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, it-Tikketta tal-Patrimonju Ewropew, il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew kif ukoll ħames premjijiet fil-qasam tal-kultura u l-awdjoviżiv huma appoġġati wkoll permezz ta’ Ewropa Kreattiva.

Il-programm il-ġdid, li jieħu post MEDIA, MEDIA Mundus u l-programmi Kulturali, se jalloka 56 % tal-baġit tiegħu għall-appoġġ tal-qasam taċ-ċinema u awdjoviżiv u 31 % għall-kultura.

L-oqsma kulturali u kreattivi Ewropej jirrappreżentaw sa 4.5 % tal-PDG Ewropew u jħaddmu madwar 3.8 % tal-forza tax-xogħol tal-UE (8.5 miljun persuna).

Għal aktar tagħrif

Creative Europe video

Il-Gwida tal-Programm Ewropa Kreattiva

Il-Kummissjoni Ewropea

Is-sit ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

1 :

€1.46 biljun meta titqies l-inflazzjoni stmata. Dan hu ekwivalenti għal €1.3 biljun fi prezzijiet "fissi" għall-2011.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website