Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissarju Damanaki tilqa’ l-adozzjoni finali tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata

European Commission - IP/13/1234   10/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Diċembru 2013

Il-Kummissarju Damanaki tilqa’ l-adozzjoni finali tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, laqgħet il-vot finali tal-lum tal-Parlament Ewropew b’appoġġ għall-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) ġdida u riformata għall-UE li hi bdiet f'Lulju 2011. Il-vot ifisser li r-riforma tal-PKS kienet uffiċjalment adottata u issa se tkun applikata fl-ibħra tal-Unjoni Ewropea kollha mill-1 ta' Jannar 2014.

Il-PKS il-ġdida tfittex li tappoġġa l-komunitajiet kostali fl-Ewropa kollha billi toħloq il-kundizzjonijiet għal flotta tas-sajd tal-UE ekonomikament vijabbli u sostenibbli. Hija tfittex ukoll li tiżgura l-ġestjoni tar-riżorsi sostenibbli filwaqt li jkunu mmassimizzati l-qabdiet għas-sajjieda. Bil-għan li tappoġġa din l-ambizzjoni doppja, il-prattika ta’ ħela minħabba r-rimi tal-ħut se titwaqqaf gradwalment b’obbligi ċari u bi skadenzi stabbiliti sabiex is-sajjieda jkunu jistgħu jadattaw. Il-promozzjoni ta’ akkwakultura sostenibbli tifforma wkoll parti mill-politika l-ġdida.

Il-Kummissarju Damanaki qalet: "Il-vot tal-lum mill-Parlament Ewropew ifisser li issa aħna għandna politika li se tbiddel radikalment is-sajd tagħna u twitti t-triq għal futur sostenibbli għas-sajjieda tagħna u r-riżorsi tagħna. Ninsab grata ħafna kemm lejn il- Parlament u kif ukoll lejn il- Kunsill għall-impenn, il-viżjoni, u l-appoġġ ġenerali tagħhom tal-proposti tal-Kummissjoni li jfisser li issa nistgħu mmorru lura għal sajd sostenibbli f'terminu qasir u jintemmu l-prattiki ta’ ħela. Il-PKS il-ġdida hija xprun għal dak li għandna bżonn l-aktar fl-Ewropa tal-lum.

Il-PKS riformata se tiżgura li l-istess prinċipji u standards ta’ sostenibbiltà se japplikaw meta s-sajjieda tal-UE joperaw fl-ibħra barranin u li l-UE se tkompli tagħti spinta lis-sostenibbiltà fil-ftehimiet tagħha internazzjonali. Il-bidla fit-tmexxija u l-inizjattivi reġjonalizzati, li se jippermettu lill-partijiet interessati u lill-Istati Membri li jiddeterminaw ħafna mid-dettalji tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-attività tas-sajd, huma indikattivi tan-natura wiesgħa tar-riforma.

Il-vot tal-lum huwa l-quċċata ta’ proċess twil li beda b’konsultazzjoni pubblika estensiva, wara li l-Kummissjoni ressqet pakkett ta’ riforma ambizzjuża fl-2011. Aktar kmieni din is-sena delegazzjonijiet mill-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament wettqu negozjati kostruttivi li wasslu għall-konklużjoni tal-ftehim politiku li ntlaħaq f’Mejju. Il-Kunsill tal-Ministri appoġġa b’mod unanimu l-ftehim f’Ottubru qabel il-votazzjoni finali ta’ appoġġ li ngħata mill-Parlament fis-sessjoni plenarja tal-lum.

Sfond

L-għan globali tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata huwa li jintemm is-sajd żejjed u biex is-sajd isir ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli. Ir-riforma tfittex li tistabbilixxi kundizzjonijiet għal futur aħjar kemm għall-ħut u għas-sajd, kif ukoll għall-ambjent tal-baħar li jappoġġahom. Il-politika għandha l-għan li tieħu lura s-sajd għal-livelli sostenibbli, b'użu aħjar tal-għarfien u l-parir xjentifiku. Hija għandha l-għan ukoll li tappoġġa t-tkabbir sostenibbli tas-setturi tas-sajd u l-akkwakultura, toħloq opportunitajiet ta’ xogħol fiż-żoni kostali u fl-aħħar mill-aħħar tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE bi provvista b'saħħitha u sostenibbli ta’ ħut. Ir-riforma se tikkontribwixxi għall-Istrateġija tal-Ewropa 2020 billi taħdem biex tikseb prestazzjoni ekonomika soda tal-industrija u koeżjoni mtejba fir-reġjuni kostali.

L-ewwel miżuri dwar is-sajd tnedew fl-1970 mill-Komunità Ewropea biex din tipprovdi appoġġ strutturali u suq komuni tal-ħut. Minn dak iż-żmien din għaddiet minn diversi bidliet iżda l-aħħar riforma ewlenija seħħet fl-2002.

Aktar informazzjoni

Riforma tas-sit elettroniku tal-PKS: http://ec.europa.eu/fisheries/reform/proposals/index_mt.htm

MEMO/13/1125

Kuntatti:

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website