Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' Diċembru 2013

L-impjiegi: Il-Kummissjoni tilqa’ l-ftehim tal-Kunsill dwar l-infurzar tas-salvagwardji tal-ħaddiema stazzjonati

Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni László Andor laqa' l-ftehim tal-Kunsill tal-UE tad-9 ta’ Diċembru tal-Ministri tal-Kunsill tal-Impjiegi u l-Politika Soċjali dwar l-hekk imsejjaħ “approċċ ġenerali” dwar il-proposta għal Direttiva dwar l-infurzar tal-istazzjonar tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha f’Marzu 2012 (ara IP/12/267).

Il-Kummissarju László Andor stqarr: 'Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ ġenerali li ntlaħaq ftehim dwaru llum mill-Kunsill rigward regoli ġodda biex jiġu infurzati s-salvagwardji kontra d-dumping soċjali stipulati fid-Direttiva dwar il-ħaddiema stazzjonati. Hemm bżonn urġenti li s-salvagwardji fir-regoli tal-UE jiġu msaħħa sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati jiġu rrispettati fil-prattika, u sabiex in-negozji Ewropej jingħataw l-opportunità li joperaw b’aktar ċertezza u trasparenza legali. Issa qed inħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw id-Direttiva b'mod definittiv kemm jista’ jkun malajr.'

Rigward ir-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll nazzjonali, wieħed mill-iktar elementi importanti tal-proposta, it-test li ntlaħaq ftehim dwaru mill-Kunsill joħloq bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġu garantiti ċ-ċertezza legali u t-trasparenza għall-fornituri tas-servizzi, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-kompetenza tal-Istati Membri.

Fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema f'relazzjonijiet ta’ sottokuntrattar dirett, it-test li ntlaħaq ftehim dwaru mill-Kunsill jirrikonoxxi l-importanza tar-responsabbiltà tal-kuntrattur f’dan ir-rigward, filwaqt li jippermetti lill-Istati Membri li jkollhom ammont ta' flessibbiltà biex jimplimentaw u jżommu kif suppost il-miżuri xierqa meħtieġa, biex b’hekk jiġu rispettati d-diversi mudelli soċjali u d-diversi sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali eżistenti fil-pajjiżi tal-UE.

Sfond

Jekk jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, it-test attwali mistenni jgħin biex id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (id-Direttiva 96/71/EC), li tistabbilixxi għadd ta’ salvagwardji favur il-ħarsien tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema stazzjonati u favur il-prevenzjoni tad-dumping soċjali, tiġi implimentata, applikata u infurzata b'mod effettiv u mtejjeb. B'mod partikolari, id-Direttiva dwar l-Infurzar kieku:

tistabbilixxi standards aktar ambizzjużi sabiex jiżdied l-għarfien tal-ħaddiema u tal-kumpaniji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom rigward it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg

tistabbilixxi regoli biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-istazzjonar (obbligu li jingħataw risposti għal talbiet għal assistenza mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra; limitu ta' żmien ta' jumejn ta' xogħol biex jingħataw risposti għal talbiet urġenti għal informazzjoni u limitu ta' żmien ta' 25 jum ta' xogħol għal talbiet mhux urġenti)

tiċċara d-definizzjoni ta’ stazzjonar, sabiex tiġi evitata l-multiplikazzjoni tal-hekk imsejħa kumpaniji “tal-isem” li ma jeżerċitaw ebda attività ekonomika ġenwina fl-Istat Membru tal-oriġini u minflok jużaw l-istazzjonar biex jiskansaw l-obbligi tagħhom skont il-liġi

tiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri biex jivverifikaw il-konformità mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 1996 (l-Istati Membri kieku jkollhom jinnominaw awtoritajiet ta' infurzar speċifiċi responsabbli għall-verifika tal-konformità; l-obbligu li l-Istati Membri fejn jinsabu stabbiliti l-fornituri tas-servizzi jimplimentaw miżuri ta' sorveljanza u infurzar meħtieġa flimkien mal-miżuri ta' spezzjoni li għandhom jiġu introdotti

teħtieġ li kumpaniji ta' stazzjonar:

jaħtru persuna ta’ kuntatt inkarigata bil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ infurzar biex tiddikjara l-identità tagħhom, in-numru ta’ ħaddiema li għandhom jiġu stazzjonati, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonar u t-tul tal-perjodu ta' stazzjonar, l-indirizz tal-post tax-xogħol u n-natura tas-servizzi

iżommu disponibbli dokumenti bażiċi bħal kuntratti tal-impjieg, karti tas-salarju u skedi bil-ħinijiet tax-xogħol ta' ħaddiema stazzjonati

itejbu l-infurzar tad-drittijiet u l-immaniġġar tal-ilmenti, billi jitolbu kemm lill-Istati Membri tal-oriġini kif ukoll lill-Istat Membri ospitanti biex jiżguraw li ħaddiema stazzjonati, bl-appoġġ ta’ trejdjunjins u partijiet terzi interessati oħrajn, ikunu jistgħu jippreżentaw l-ilmenti tagħhom u jieħdu azzjoni legali u/jew amministrattiva kontra min iħaddimhom jekk d-drittijiet tagħhom ma jiġux irrispettati

jiżguraw li pieni u multi amministrattivi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi mill-awtoritajiet tal-infurzar ta' Stat Membru għal nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-1996 ikunu jistgħu jiġu infurzati u rkuprati fi Stat Membru ieħor. Is-sanzjonijiet għal nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Aktar tagħrif

MEMO/13/1103

Il-websajt tad-DĠ EMPL dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema

Abbona b'xejn għall-bulettin bil-posta elettronika dwar l-impjiegi l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil @László AndorEU fuq Twitter


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website