Chemin de navigation
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea Stqarrijiet għall-istampa Brussell, is-9 ta' Diċembru 2013 Id-diskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa: Rapport tal-Kummissjoni jsib li n-Nisa fl-Ewropa għadhom jaħdmu 59 ġurnata "b'xejn" 16.2 %: daqshekk hija d-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, jew id-differenza medja tad-dħul fis-siegħa bejn in-nisa u l-irġiel madwar l-UE, skont l-aħħar ċifri ppubblikati llum mill-Kummissjoni Ewropea. Iċ-ċifra għadha ma resqitx pulzier fl-ispazju ta’ sena. Skont rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea llum, id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadha realtà fil-pajjiżi kollha tal-UE, u tvarja bejn 27.3 % fl-Estonja sa 2.3 % fis-Slovenja. Ċifri ġenerali jikkonfermaw tendenza dgħajfa ta' tnaqqis matul dawn l-aħħar snin, bi tnaqqis ta' 1.1 % bejn l-2008 u l-2011. Ir-rapport tal-lum juri li l-akbar problema fil-ġlieda kontra d-diskrepanza fil-pagi tal-UE hija l-applikazzjoni prattika ta’ regoli għall-pagi ugwali u n-nuqqas ta’ azzjoni legali miġjuba min-nisa lill-qrati nazzjonali. “B'liġijiet li jiggarantixxu paga ugwali għal xogħol ugwali, ugwaljanza fil-post tax-xogħol u drittijiet minimi għal-lif ta’ maternità, l-ugwaljanza bejn is-sessi hija kisba Ewropea. Iżda għad baqa' triq twila biex ikun hemm l-ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi. Id-diskrepanza fil-pagi għadha kbira u mhix qed tiċċaqlaq. Biex tgħaxxaqha: il-parti l-kbira tal-bidla ġejja minn tnaqqis fil-qligħ tal-irġiel iktar milli żieda għan-nisa," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali ilu miktub fit-Trattati tal-UE mill-1957. Wasal sew iż-żmien li dan isir realtà fuq il-post tax-xogħol ukoll." Ir-rapport ippubblikat illum jevalwa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar pagi ndaqs fil-prattika fil-pajjiżi tal-UE, u jbassar li għall-ġejjieni, l-isfida ewlenija għall-Istati Membri kollha se tkun l-applikazzjoni korretta u l-infurzar tar-regoli stabbiliti permezz tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza tal-2006 Il-Kummissjoni bħala l-Gwardjan tat-Trattati żgurat li l-Istati Membri ttrasponew b'mod korrett ir-regoli tal-UE għat-trattament ugwali, billi fetħet każijiet ta' ksur ta' liġijiet kontra 23 Stat Membru dwar il-mod kif dawn l-Istati Membri ttrasponew numru ta' liġijiet tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-każijiet kollha għajr wieħed ingħalqu. Madankollu, ir-rapport tal-lum jikkonferma li l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali hija mfixkla min-nuqqas ta’ trasparenza f’sistemi ta’ ħlas, in-nuqqas ta’ referenza ċara dwar l-ugwaljanza fil-pagi, u min-nuqqas ta’ informazzjoni ċara għall-ħaddiema li jsofru l-inugwaljanza. Iktar trasparenza b'rabta mal-pagi tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ vittmi individwali ta’ diskriminazzjoni fil-pagi li jkunu jistgħu jqabblu lilhom infushom b’mod iktar faċli mal ħaddiema tas-sess l-ieħor. Il-Passi li Jmiss: Fil-verità żewġ Stati Membri biss (Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi) ttrasponew b'mod ċar, suffiċjenti u speċifiku d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza tal-2006 b'tali mod li l-ebda informazzjoni oħra mhi mitluba minnhom. Il-Kummissjoni qed issegwi s-26 Stat Membru l-ieħor u se taħdem sabiex tiżgura applikazzjoni u infurzar sħiħ tad-drittijiet stabbiliti permezz tal-liġi tal-UE, jekk hemm bżonn permezz ta' iktar proċedimenti ta' ksur. Sfond L-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-prinċipju ta' paga ugwali ilu minqux fit-Trattati sa mill-1957 u huwa wkoll inkorporat fid-Direttiva 2006/54/KE dwar it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fl-impjieg u l-okkupazzjoni. L-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea lejn l-obbligu tal-Istati Membri sabiex tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa huwa impenn importanti u prijorità, minqux fl-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015). Ir-rapport tal-lum huwa akkumpanjat minn ħarsa ġenerali komprensiva tal-ġurisprudenza nazzjonali u tal-UE dwar il-pagi ugwali, kif ukoll ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni tal-Kummissjoni biex jindirizzawha u eżempji tal-aħjar prattiki nazzjonali. Fost l-eżempji tal-azzjoni tal-Kummissjoni li jindirizzaw id-diskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa nsibu l-Inizjattiva Equality Pays Off; ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kull sena li jwissu lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw id-diskrepanza fil-pagi, il-Ġurnata Ewropea għall-Paga Ugwali; skambju tal-aħjar prattiki; u finanzjament tal-inizjattivi tal-Istati Membri mill-Fondi Strutturali. Eżempji ta’ prattiki tajbin b'rabta mal-paga ndaqs fuq il-livell nazzjonali: Il-Parliament Belġjan għadda liġi fl-2012 li tobbliga lill-kumpaniji li jagħmlu analiżi kumparattiva tal-istruttura tal-pagi tagħhom kull sentejn. Il-Belġju kien ukoll l-ewwel pajjiż tal-UE li organizza l-Jum tal-Paga Ugwali (fl-2005). L-Att Franċiż dwar il-Pagi Ugwali tal-2006 jirrikjedi li l-kumpaniji jirrappurtaw dwar il-pagi u l-pjanijiet tagħhom sabiex ixejnu d-diskrepanza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel. B’mod sinifikanti, l-Att jirrikjedi wkoll lil min iħaddem sabiex jipproduċi bil-miktub rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u jressaqha quddiem ir-rappreżentanti tal-ħaddiema. L-Att għat-Trattament ugwali tal-Awstrija jobbliga lill-kumpaniji jfasslu rapporti dwar il-pagi ugwali. Ir-regoli li qed jiddaħħlu gradwalment huma obbligatorji għall-kumpaniji b'iktar minn 250, 500 u 1,000 impjegat. Kumpaniji b'iktar minn 150 impjegat se jkollhom jipproduċu rapport mill-2014. Aktar eżempji għal kull Stat Membru jistgħu jinstabu fir-rapport tal-lum. Għal aktar tagħrif Il-Kummissjoni Ewropea – Id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel: http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-pay-gap/index_mt.htm Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja: http://ec.europa.eu/reding Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter @EU_Justice
Anness: Iċ-ċifri tad-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi fil-pajjiżi tal-UE
Sors: Eurostat, SES * (p) = databertana provviżorja |
Side Bar