Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' Diċembru 2013

Adottat l-ewwel strument legali tal-UE għall-inklużjoni tar-Roma

It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea llum impenjaw ruħhom sabiex jimplimentaw sett ta’ rakkomandazzjonijiet, proposti mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex iżidu l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-komunitajiet tar-Roma. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ġiet adottata unanimament mill-ministri waqt laqgħa tal-Kunsill inqas minn sitt xhur wara l-proposta tal-Kummissjoni (IP/13/607, MEMO/13/610). Hija l-ewwel strument legali fil-livell tal-UE għall-inklużjoni tar-Roma. Bl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni l-Istati Membri jikkommettu ruħhom sabiex jieħdu azzjoni mmirata biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-Roma u l-bqija tal-popolazzjoni.

“Il-ftehim tal-lum huwa sinjal qawwi li l-Istati Membri huma lesti li jindirizzaw l-isfida tal-integrazzjoni tar-Roma b'ħilithom kollha. Il-Ministri għamlu l-impenn unanimu li jtejbu s-sitwazzjoni għall-komunitajiet Roma fuq il-post," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. “L-għodod ewlenin għall-integrazzjoni tar-Roma issa jinsabu f’idejn l-Istati Membri u huwa importanti li kliem jiġi segwit mill-azzjoni. Aħna mhux se naħsbuha darbtejn biex infakkru pajjiżi tal-UE bl-impenji tagħhom u niżguraw li jipproduċu riżultat.”

“L-Adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni hija turija importanti tal-impenn konġunt tal-Istati Membri biex jinvestu aktar, u b’mod aktar effettiv, fil-kapital uman sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies tar-Roma madwar l-Ewropa," qal il-Kummissarju László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. “Ma nistgħux niddiżappuntawhom. Issa huwa ż-żmien li l-Istati Membri jallokaw finanzjament sostanzjali tal-UE fil-perjodu 2014-20, flimkien ma' flus nazzjonali, sabiex jgħinu lill-komunitajiet tar-Roma jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom, u sabiex juru r-rieda politika tagħhom fuq il-livelli kollha biex jiżguraw li l-flus jintefqu kif xieraq."

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri ta’ integrazzjoni effettiva tar-Roma fl-Istati Membri adottata illum tagħti gwida speċifika li tgħin lill-Istati Membri jsaħħu u jgħaġġlu l-isforzi tagħhom. Din tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni mmirata biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-Roma u l-bqija tal-popolazzjoni. Issaħħaħ il-Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma li l-Istati Membri kollha qablu fuqu fl-2011 (IP/11/789) billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal inklużjoni effettiva tan-nies tar-Roma fl-Istati Membri.

Abbażi tar-rapporti tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tar-Roma matul l-aħħar snin, ir-Rakkomandazzjoni tiffoka fuq erba' oqsma fejn il-mexxejja tal-UE nġabru sabiex jilħqu għanijiet komuni għall-integrazzjoni tar-Roma skont il-Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma: l-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura tas-saħħa u l-housing. Sabiex l-azzjoniijiet immirati jsibu posthom, din ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Istati Membri sabiex jallokaw mhux biss fondi tal-UE iżda wkoll fondi nazzjonali u mit-tielet settur għall-inklużjoni tar-Roma – fattur ewlieni identifikat mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri li saru s-sena l-oħra (IP/12/499).

Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni toffri gwida lill-Istati Membri dwar politiki transversali għall-integrazzjoni tar-Roma, bħal li jiġi żgurat li l-istrateġiji jkunu lokali, jissaħħu r-regoli ta' kontra d-diskriminazzjoni, jitħarsu t-tfal u n-nisa tar-Roma u jiġi indirizzat il-faqar.

Il-Passi li Jmiss

Għalkemm ir-Rakkomandazzjoni ma torbotx legalment, l-Istati Membri issa huma mistennija li jpoġġu miżuri konkreti fil-prattika sabiex jagħmlu differenza għan-nies tar-Roma fuq il-post. Rapport ta’ progress mill-Kummissjoni f’Ġunju wera li l-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu iktar fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma skont il-Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma (ara l-iskedi informattivi pajjiż b’pajjiż). Il-Kummissjoni se terġa’ tirrapporta lura dwar il-progress li sar mill-Istati Membri fir-Rebbiegħa tal-2014.

Għalkemm formalment il-Parlament Ewropew mhuwiex meħtieġ li jivvota fuq il-kwistjoni, dan appoġġa wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, wara vot fil-5 ta’ Diċembru mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili (LIBE). Il-Kumitat approva abbozz ta’ riżoluzzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma li enfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tar-Roma, kif ukoll l-importanza tal-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji adegwati għall-politiki ta’ inklużjoni tar-Roma. Ir-riżoluzzjoni hija mistennija li tiġi approvata mill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja kmieni fl-2014.

Min-naħa tagħha l-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-progress fir-rapporti ta' progress annwali proprji dwar ir-Roma kull rebbiegħa. Ir-riżultati se jiddaħħlu wkoll fil-proċess tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-eżerċizzju ta' Mejju 2013, ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (RSP) għal ħames Stati Membri taħt is-Semestru Ewropew dwar kwistjonijiet relatati mar-Roma (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi talbu lill-ħames Stati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma u biex jintegraw miżuri speċifiċi tar-Roma ma' politiki orizzontali rilevanti. Dan iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew jiżgura li l-integrazzjoni tar-Roma tibqa' soda u kontinwa fl-aġenda tal-UE.

Ir-riżultati konkreti u sostenibbli fuq l-art, l-allokazzjonijiet baġitarji għandhom jiġu assigurati minn riżorsi nazzjonali u tal-UE sa mill-2014. Il-fondi strutturali tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, se jibqa’ lieva finanzjarja importanti li jappoġġa l-inklużjoni tar-Roma. Għall-perjodu finanzjarju li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet li l-integrazzjoni ta’ komunitajiet marġinalizzati, bħar-Roma, għandhom ikunu ta’ prijorità ta’ investiment speċifiku. Relatata ma’ dan ġiet propota kundizzjonalità ddedikata ex ante biex jiġi żgurat li l-appoġġ tal-UE jkun parti integrali ta’ strateġija komprensiva dwar l-inklużjoni tar-Roma. Sabiex jiġu assigurati r-riżorsi finanzjarji xierqa, l-Istati Membri jridu jiddedikaw għall-inqas 20 % tal-allokazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew tagħhom għall-inklużjoni Soċjali.

Sfond

L-integrazzjoni tar-Roma mhix biss obbligu morali, iżda huwa fl-interess tal-Istati Membri, speċjalment dawk b'minorità kbira ta' Roma. Ir-Roma tirrappreżenta proporzjon sinifikanti u li qed dejjem jikber tal-popolazzjoni li tmur l-iskola u l-forza tax-xogħol tal-ġejjieni. Politiki effiċjenti għall-attivazzjoni tax-xogħol u servizzi ta' appoġġ individwalizzati u aċċessibbli għan-nies tar-Roma li qed ifittxu impjieg huma kruċjali biex jippermettu lin-nies tar-Roma jesprimu l-potenzjal tagħhom u jieħdu sehem b'mod attiv u ugwali fl-ekonomija u fis-soċjetà.

Fir-rapport tagħha tal-2013, il-Kummissjoni Ewropea appellat lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom biex itejbu l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tar-Roma fl-Ewropa. L-Istati Membri żviluppaw dawn il-pjanijiet b'reazzjoni għall-Qafas tal-UE tal-Kummissjoni għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, adottat fil-5 ta' April 2011 (ara IP/11/400, MEMO/11/216) li kien approvat mill-mexxejja tal-UE f'Ġunju 2011 (IP/11/789).

Il-Fondi Strutturali tal-UE huma disponibbli għall-Istati Membri sabiex jiġu ffinanzjati proġetti ta’ integrazzjoni soċjali, inkluż għat-titjib tal-integrazzjoni tar-Roma f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-housing u s-saħħa. Madwar EUR 26.5 biljun kienu disponibbli b'kollox għal proġetti ta' inklużjoni soċjali matul il-perjodu 2007-2013. L-Istati Membri huma responsabbli għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi, inkluża l-għażla ta' proġetti speċifiċi. Ħafna mill-finanzjament jingħata b’mod aktar ġenerali għal proġetti mmirati lejn gruppi esklużi soċjalment u mhux neċessarjament maħsub biss għall-komunitajiet tar-Roma. Sabiex jiġu żgurati proġetti iktar effettivi u ffukati, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jistabbilixxu punti ta’ kuntatt nazzjonali biex dan jgħin fl-ippjanar ta’ użu ta’ fondi għar-Roma fl-Istati Membri, u b'hekk jinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali wkoll.

Għal aktar tagħrif

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill:

http://ec.europa.eu/justice/discrimination/files/com_2013_460_en.pdf

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-2013:

http://ec.europa.eu/justice/discrimination/files/com_2013_454_en.pdf

Il-Kummissjoni Ewropea – Roma:

http://ec.europa.eu/Rom

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Segwi l-Ġustizzja tal-UE fuq Twitter: @EU_Justice

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq it-Twitter

Abbona għall-posta elettronika bla ħlas tal-Kummissjoni Ewropea: newsletter dwar ix-xogħol, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website