Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ambjent: Qed tħossok ISPIRAT? - Agħti l-opinjoni tiegħek fuq "L-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni Ewropea."

European Commission - IP/13/1216   06/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Diċembru 2013

Ambjent: Qed tħossok ISPIRAT? - Agħti l-opinjoni tiegħek fuq "L-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni Ewropea."

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob opinjonijiet dwar id-Direttiva "Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea". Magħrufa bħala INSPIRE, din hija inizjattiva pan-Ewropea biex tgħin lill-gvernijiet, liċ-ċittadini u lin-negozji jaqsmu dejta ġeografika, soċjoekonomika u ambjentali. Il-konsultazzjoni timmira li tiġbor ir-rispons mill-esperjenzi tal-utenti u l-produtturi individwali ta' din id-dejta ġeografika, li jaħdmu għal awtoritajiet pubbliċi, għas-settur privat u akademiku jew bħala ċittadini individwali, bil-għan li ttejjeb l-għoti ta' informazzjoni għal politiki u attivitajiet li għandhom impatt fuq l-ambjent.

Tweġibiet għal problemi bħat-tniġġis tal-arja, it-telfien tal-biodiversità u l-prevenzjoni ta' diżastri naturali jirrikjedu dejta ta' kwalità u informazzjoni ambjentali tajbin, li d-Direttiva INSPIRE kienet maħsuba biex tipprovdi. Id-Direttiva ilha stabbilita mill-2007, u l-Kummissjoni issa qed tfittex mezzi kif tista' tadattaha għal żviluppi sussegwenti.

Il-konsultazzjoni miftuħa għal kulħadd. Jintlaqgħu b'mod speċjali rispondenti b'esperjenza ta' INSPIRE, u ser jiġu mistoqsija għal opinjonijiet fuq suġġetti bħal-livell ta' dokumentazzjoni tad-dejta u s-servizzi ġeografiċi, u jekk INSPIRE jiffaċilitax jew le l-użu, is-sejbien, il-fehma u t-tniżżil ta' dejta ġeografika u servizzi li huma għandhom bżonn. Jintlaqgħu ukoll fehmiet dwar is-servizzi provduti mill- ġeo-portal Ewropew u gateways oħra.

Ir-rispondenti mitluba jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar ir-rilevanza ta' INSPIRE, lis-siwi tal-azzjonijiet tiegħu, il-kosteffiċjenza u l-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea interessata ssir taf ukoll jekk identifikawx effetti konsegwenzjali pożittivi u/jew negattivi ta' INSPIRE fil-qasam tal-politika ambjentali u f'relazzjoni ma' politiki oħra bħall-Gvern elettroniku.

Il-konsultazzjoni disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE.

Il-Passi li Jmiss

Ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni pubblika ser jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni tal-politika INSPIRE. Ir-riżultati ser jiġu rrapurtati lill-partijiet ikkonċernati u lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2014. Dan jista' jwassal għal azzjoni politika neċessarja ta' rimedju biex jiġu adottati approċċi kurrenti u biex jerġgħu jikkonverġuhom mal-objettivi oriġinali tal-INSPIRE u mal-objettivi tal-istrateġija UE-2020 għal tkabbir sostenibbli u inklużiv.

Sfond

L-evalwazzjoni tal-politika tal-INSPIRE hi meħtieġa mill-Kummissjoni meta jkun hemm bżonn li jiġi ppreżentat rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. L-evalwazzjoni tqis ukoll il-Komunikazzjoni REFIT tat-2 ta' Ottubru 2013 fejn il-Kummissjoni stipulat modalitajiet għal reviżjoni komprensiva ta' ċerti biċċiet ta' leġiżlazzjoni.

Ara wkoll:

Il-konsultazzjoni online disponibbli minn dan is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_en.htm

Aktar informazzjoni disponnibbli fuq is-sit elettroniku tal-INSPIRE: http://inspire.jrc.ec.europa.eu/

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website