Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tilqa’ l-kisba l-ġdida dwar il-proposta tagħha biex tgħin lin-negozji jirkupraw id-djun transfruntiera

European Commission - IP/13/1209   06/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Diċembru 2013

Il-Kummissjoni tilqa’ l-kisba l-ġdida dwar il-proposta tagħha biex tgħin lin-negozji jirkupraw id-djun transfruntiera

Illum il-Ministri tal-Ġustizzja ftehmu dwar approċċ ġenerali għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal ordni ta' preservazzjoni li jkollha effett madwar l-Ewropa (IP/11/923), sabiex ittaffi l-irkupru ta' djun transfruntiera kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji. Il-proposta tiffaċilita l-pretensjonijiet ta' dejn transfruntiera u tagħti aktar ċertezza lill-kredituri biex jirkupraw id-dejn tagħhom, b'hekk iżżid il-fiduċja fil-kummerċ fis-suq uniku tal-UE. Din hija parti mill-aġenda tal-Kummissjoni “ġustizzja għal tkabbir”, li tipprova tagħmel l-aħjar użu miż-żona komuni tal-UE ta' ġustizzja għan-negozju u t-tkabbir.

“Il-kisba l-ġdida tal-lum fin-negozjati dwar l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet hija kisba importanti għan-negozji ż-żgħar tal-Ewropa – hija s-sinsla tal-ekonomiji tagħna. F’dawn iż-żminijiet diffiċli f'dak li jikkonċerna l-ekonomija, il-kumpaniji jeħtieġu soluzzjonijiet f'waqthom biex jirkupraw id-djun pendenti. Dawn jeħtieġu soluzzjoni effettiva li tkun tapplika madwar l-Ewropa kollha sabiex il-flus jibqgħu fejn ikunu sakemm il-qorti tkun ħadet deċiżjoni dwar il-ħlas lura tal-fondi,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE. "Jiena noqgħod fuq il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex ikomplu x-xogħol siewi tagħhom sabiex din il-proposta issir parti kemm jista' jkun malajr mill-ktieb tal-istatut Ewropew."

Il-kumpaniji Ewropej jitilfu madwar 2.6 % tal-fatturat tagħhom kull sena minħabba djun mitlufa. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-kumpaniji huma SMEs. Kull sena madwar EUR 600 miljun ta' dejn jiġi kkanċellat mingħajr bżonn minħabba li n-negozji jsibuha diffiċli wisq li jiftħu kawżi għaljin u li joħolqu konfużjoni f'pajjiżi barranin. L-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet proposta mill-Kummissjoni toffri soluzzjonijiet għal dawn il-problemi.

Il-kompromess li sar illum fil-Kunsill tal-Ġustizzja jikkonferma l-punti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, l-elementi ewlenin tal-proposta bħall-iżgurar ta' "effett ta' sorpriża" mal-ordnijiet li jinħarġu mingħajr għarfien tad-debitur u definizzjoni wiesgħa ta’ każijiet transfruntiera nżammu fit-test tal-Kunsill. It-test tal-Kunsill ivarja mill-proposta oriġinali kif ġej:

Il-kamp tal-applikazzjoni: Bil-kuntrarju għall-proposta tal-Kummissjoni, fit-test tal-Kunsill, ir-regoli mhux se japplikaw għal strumenti finanzjarji (bħall-ishma u l-bonds) testmenti u suċċessjonijiet u proprjetà li tkun ġejja minn rabta fiż-żwieġ. Dan ifisser li l-kredituri ma jkunux jistgħu jużaw ordni Ewropea tal-preservazzjoni tal-kontijiet sabiex strumenti finanzjarji jinżammu f’kontijiet bankarji, lanqas fil-każ ta’ tilwim marbuta ma' testmenti u suċċessjonijiet jew proprjetà li tkun ġejja minn rabta fiż-żwieġ.

Disponibiltà u kundizzjonijiet: Skont it-test tal-Kunsill, ir-regoli se japplikaw biss għall-kredituri domiċiljati fi Stat Membru li jkun marbut bir-regoli. Barra minn hekk, bħala regola, il-kreditur se jinżamm responsabbli għall-użi mhux ġustifikati tal-ordni ta' preservazzjoni tal-kont.

Aċċess għall-informazzjoni tal-kont: il-kreditur se jkun jista' biss juża l-mekkaniżmu stabbilit bir-regoli l-ġodda fil-każ ta' sentenza infurzabbli kontra d-debitur.

Il-Passi li Jmiss: Sabiex issir liġi, il-proposta tal-Kummissjoni jeħtieġ li tiġi adottata b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill (permezz ta' maġġoranza kwalifikata). Fit-30 ta' Mejju din is-sena il-kumitat tal-affarijiet legali tal-Parlament Ewropew ivvota sabiex jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni (MEMO/13/481). Il-kisba tal-lum fil-Kunsill tfisser li ż-żewġ kmamar issa jistgħu jidħlu fi "trilogu" ta' diskussjonijiet mal-Kummissjoni biex ikun hemm ftehim finali.

Sfond

L-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jirrapreżentaw 99 % tan-negozji fl-UE. Madwar miljun minnhom jiffaċċaw problemi marbuta ma' djun transfruntiera u kull sena jiġu kkanċellati sa EUR 600 miljun bla bżonn minħabba li n-negozji jsibuha diffiċli wisq biex jiftħu kawżi li jkunu għaljin u joħolqu konfużjoni, f'pajjiżi oħra tal-UE. Iċ-ċittadini jintlaqtu ħażin ukoll meta l-oġġetti li jixtru bl-internet jibqgħu ma jaslux jew meta ġenitur jonqos milli jħallas il-manteniment minn pajjiż barrani.

Il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament se tistabbilixxi Preservazzjoni tal-Kontijiet Ewropea fuq Kontijiet li tippermetti lill-kredituri jżommu l-ammont dovut lilhom fil-kont tal-bank tad-debitur. Din l-ordni tista' tkun ta' importanza kruċjali fi proċedimenti ta' rkupru ta' dejn minħabba li ma tħallix li d-debituri jneħħu jew iberbqu l-assi tagħhom matul dak iż-żmien meħtieġ biex tinkiseb, jew li tiġi infurzata sentenza fuq il-merti. Dan se jżid il-possibilità li l-irkupru ta' dejn transfruntiera jsir b'suċċess.

L-ordni Ewropea l-ġdida se tippermetti lill-kredituri jżommu l-fondi f'kontijiet bankarji bl-istess kundizzjonijiet fl-Istati Membri kollha tal-UE. Fatt importanti huwa li mhux se jkun hemm bidla fis-sistemi nazzjonali għall-preservazzjoni tal-fondi. Il-Kummissjoni qiegħda sempliċiment iżżid proċedura Ewropea li l-kredituri jistgħu jagħżlu li jużaw biex jirkupraw il-pretensjonijiet tagħhom f'pajjiżi oħrajn tal-UE.

L-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet se tkun disponibbli lill-kredituri bħala alternattiva għal strumenti eżistenti fil-liġi nazzjonali. Din se tkun ibbażata fuq natura protettiva, li jfisser li se timblokka biss il-kont tad-debitur iżda ma tippermettix li jsir ħlas lill-kreditur. L-istrument se japplika biss f'każijiet transfruntiera. L-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet se tinħareġ fi proċedura ex parte. Dan ifisser li tinħareġ mingħajr ma d-debitur ikun jaf xejn dwarha, u għalhekk tagħti “effett ta' sorpriża”. L-istrument jipprovdi regoli komuni relatati mal-ġurisdizzjoni, il-kundizzjonijiet u l-proċedura għal ħruġ ta' ordni, l-ordni ta’ divulgazzjoni relatata mal-kontijiet bankarji, kif l-ordni tal-preservazzjoni għandha tiġi infurzata mill-qrati nazzjonali u l-awtoritajiet u r-rimedji għad-debitur u elementi oħra ta' protezzjoni tal-konvenut.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea – Il-Kamra tal-aħbarijiet tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom

Il-Kummissjoni Ewropea – ġustizzja ċivili: http://ec.europa.eu/justice/civil/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja: http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Segwi l-Ġustizzja tal-EU fuq Twitter @EU_Justice

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website