Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta' Diċembru 2013

L-avjazzjoni: Il-Kummissjoni taġġorna l-lista Ewropea tas-sikurezza tal-linji tal-ajru pprojbiti

Il-Kummissjoni Ewropea għamlet it-22 aġġornament tal-lista Ewropea tal-linji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni jew restrizzjonijiet fuq l-operat fl-Unjoni Ewropea, magħrufa aħjar bħala "il-lista tal-UE tas-sikurezza tal-ajru". Fuq il-bażi ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza minn sorsi differenti u seduta ta' smigħ kemm mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni tan-Nepal kif ukoll ma’ għadd ta’ trasportaturi tan-Nepal, il-Kummissjoni ddeċidiet li tqiegħed il-linji tal-ajru kollha min-Nepal fuq il-lista tal-UE tas-sikurezza tal-ajru.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: "Il-qagħda attwali tas-sikurezza fin-Nepal ma tħallilna l-ebda għażla ħlief li nqiegħdu t-trasportaturi kollha tagħha fuq il-lista tal-UE tas-sikurezza tal-ajru. Nittamaw li din il-projbizzjoni tgħin lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni jtejbu s-sikurezza tal-avjazzjoni. Diġa’ staqsejt lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni biex tipprepara proġett ta’ assistenza tas-sikurezza tal-avjazzjoni għan-Nepal . Mil-lat pożittiv, ninnota bi pjaċir il-progress ulterjuri għas-sikurezza, partikolarment fil-Filippini, is-Sudan u ż-Żambja. Dawn il-pajjiżi, kif ukoll għadd ta’ pajjiżi oħra fejn is-sikurezza qed titjieb gradwalment, għalissa se jibqgħu fil-lista, iżda fiduċjuż li se jittieħdu deċiżjonijiet pożittivi jekk l-affarijiet jibqgħu mexjin fid-direzzjoni t-tajba.”

Il-lista l-ġdida tieħu post u taġġorna dik preċedenti stabbilita f'Lulju 2013 u hija disponibbli għall-konsultazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni websajt.

B'konsegwenza tal-projbizzjoni fuq it-trasportaturi tan-Nepal, dawn qed jinżammu milli jtiru lejn jew ġewwa l-Unjoni. Barra minn hekk, l-operaturi Ewropej u l-aġenti tal-ivvjaġġar iridu jinfurmaw lill-vjaġġaturi Ewropej li għandhom id-dritt għal rimbors jekk kienu bbukkjaw biljett ma' trasportatur tan-Nepal bħala parti minn vjaġġ lejn in-Nepal, u jiddeċiedu li ma jużawhx.

Saru wkoll konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Libja. Il-Kumitat tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru nnota li qed ikompli jsir progress, iżda qabel mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Libja li għad hemm il-ħtieġa li jinżammu r-restrizzjonijiet volontarji kontra titjiriet lejn l-UE, li ilhom jiġu applikati għal-linji tal-ajru liċenzjati fil-Libja mir-rivoluzzjoni 'l hawn. L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet għandha tibqa' tiġi sorveljata mill-qrib mill-Kummissjoni u l-Kumitat tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru.

Saru aġġornamenti tekniċi ulterjuri lil-lista tal-UE tas-sikurezza tal-ajru , minħabba t-tneħħija ta’ xi linji tal-ajru li m'għadhomx jeżistu u ż-żieda ta’ oħrajn ġodda li twaqqfu reċentement f’għadd ta’ pajjiżi pprojbiti: il-Kirgiżtan, il-Każakstan, l-Indoneżja u l-Możambik.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-opinjoni unanima tal-Kumitat tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru, li ltaqa' mit-19 sal-21 ta' Novembru 2013. Il-Kumitat tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru jikkonsisti minn esperti tas-sikurezza tal-avjazzjoni mill-Kummissjoni, minn kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-Unjoni, kif ukoll min-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera,u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rċeviet ukoll opinjoni pożittiva mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Ministri.

1.1 Sfond

Il-lista aġġornata tas-sikurezza tal-ajru tal-UE tinkludi l-linji tal-ajru kollha ċċertifikati f'21 Stat, għal total ta' 295 linja tal-ajru totalment pprojbiti mill-ajru tal-UE: l-Afganistan, l-Angola, il-Benin, ir-Repubblika tal-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, l-Eritrea, il-Gabon (bl-eċċezzjoni ta' tliet trasportaturi li joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), l-Indoneżja (bl-eċċezzjoni ta’ ħames trasportaturi), il-Każakstan (bl-eċċezzjoni ta’ trasportatur wieħed li jopera taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), il-Kirgiżistan, il-Liberja, il-Możambik, in-Nepal, il-Filippini (bl-eċċezzjoni ta’ trasportatur wieħed), is-Sjerra Leone, São Tomé u Principe, is-Sudan, is-Sważiland u ż-Żambja. Il-lista tinkludi wkoll żewġ trasportaturi individwali: Blue Wing Airlines minn Suriname u Meridian Airways mill-Gana, li jwasslu għal total globali ta' 297 linja tal-ajru.

Barra minn hekk, il-lista tinkludi 10 linji tal-ajru li huma soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-operat u għalhekk għandhom il-permess biex joperaw fl-UE taħt kundizzjonijiet stretti: Air Astana mill-Każakistan, Afrijet, Gabon Airlines, u SN2AG mill-Gabon, Air Koryo mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, Airlift International mill-Gana, Air Service Comores mill-Komori, Iran Air mill-Iran, TAAG Angolan Airlines mill-Angola u Air Madagascar mill-Madagaskar.

Għal aktar tagħrif

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site