Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Diċembru 2013

L-impjieg taż-żgħażagħ: Il-Kummissjoni tipproponi standards għat-titjib tal-kwalità tal-apprendistati

Il-Kummissjoni Ewropea, illum ipproponiet linji gwida li jippermettu lill-apprendisti jiksbu esperjenza ta’ xogħol ta’ kwalità għolja taħt kundizzjonijiet sikuri u ġusti, u li jżidu l-possibbiltajiet tagħhom li jsibu xogħol ta’ kwalità tajba. Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Wwalità għall-Apprendistati, b’mod partikolari jkun jitlob lill-Istati Membri li jiżguraw li l-liġi jew prattika nazzjonali tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-linji gwida, filwaqt li jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom fejn dan ikun meħtieġ. L-apprendistati huma element ewlieni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru tal-2012 u adottata mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE f'April 2013. Bħalissa wieħed minn kull tliet apprendistati ma jilħaqx l-istandards f'dawk li huma kundizzjonijiet tax-xogħol jew kontenut ta' tagħlim, skont stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru (IP/13/1161). Ħafna minn dawn l-apprendistati substandard jintużaw minn min iħaddem biex jissostitwixxi l-impjiegi fil-livell tad-dħul.

“L-apprendistati huma kruċjali għat-titjib tal-impjegabilità taż-żgħażagħ, u biex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi mill-iskola għax-xogħol. Huwa inaċċettabbli li xi apprendisti qed jiġu attwalment sfruttati bħala ħaddiema bla ħlas jew irħas. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-apprendisti jirċievu taħriġ u esperjenza siewja biex isibu impjieg. Dawn il-linji gwida proposti jippermettu li l-apprendisti jiksbu esperjenza ta’ xogħol ta’ kwalità għolja taħt kundizzjonijiet tajba tax-xogħol", qal László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni.

Il-linji gwida se jżidu t-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-apprendistati, pereżempju billi jesiġu li l-apprendistati jissejsu fuq ftehim bil-miktub dwar l-apprendistat. Il-ftehim għandu jkopri l-kontenut ta' tagħlim (objettivi edukattivi, superviżjoni) u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (tul ta’ żmien limitat, il-ħinijiet tax-xogħol, indikazzjoni ċara jekk l-apprendisti humiex se jitħallsu jew jiġu kkumpensati b’mod ieħor u jekk dawn jistgħux jikkwalifikaw għal sigurtà soċjali). Tabilħaqq, dawk li joffru l-apprendistati se jintalbu jiżvelaw fl-avviż tal-post tax-xogħol battal jekk l-apprendistat ikunx se jitħallas jew le.

Bl-istabbiliment ta' standards komuni ta’ kwalità għall-apprendistati, l-adozzjoni ta’ Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati se tappoġġja l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-Istati Membri. Din se tħeġġeġ ukoll aktar apprendistati tranżnazzjonali u tgħin biex l-EURES tiġi estiża għall-apprendistati, kif jirrikjedi l-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet ta' Ġunju 2012 tiegħu.

Il-Qafas propost ma jkoprix l-apprentistati li jiffurmaw parti minn lawrja universitarja jew li huma obbligatorji għal aċċess għal xi professjoni speċifika.

1.1 Sfond

Il-Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati huwa waħda mill-inizjattivi mħabbra fil-Pakkett tal-Impjiegi għaż-Żgħażagħ ta' Diċembru 2012 (ara IP/12/1311, MEMO/12/938 u SPEECH/12/910).

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tiżgura li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jkunu temmew l-edukazzjoni formali. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija waħda mill-aktar riformi strutturali kruċjali u urġenti li l-Istati Membri jridu jintroduċu biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex itejbu t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol. L-apprendistati ta' kwalità tajba huma essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tagħha (MEMO/13/968 u MEMO/13/984).

Matul l-aħħar żewġ deċennji, l-apprendistati saru punt tad-dħul importanti fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ. Għalkemm dawn kull ma jmur qegħdin dejjem aktar jirrappreżentaw karatteristika standard fis-swieq tax-xogħol tagħna, it-tixrid tagħhom wassal ukoll għal tħassib dejjem jikber dwar il-kontenut tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Jekk l-esperjenzi ta’ taħriġ huma verament biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg, dawn għandhom joffru kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, u ma għandhomx iservu ta' sostituzzjoni rħisa għall-impjiegi regolari.

Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru dwar il-kwalità tal-apprendistati żvela li l-apprendistati huma mifruxa sew: madwar nofs dawk li rrispondew (46%) kienu apprendisti, u għadd kbir fosthom għamlu aktar minn aprendistat wieħed. Ta ħjiel ukoll li 35% ta' dawk li joffru l-apprendistati ma jagħtux ftehim dwar l-apprendistat miktub u 23% tal-apprendistati jiġu offruti li jġeddu l-apprendistat tagħhom malli jaslu fl-aħħar, minflok jiġu impjegati b'mod proprju. U l-istħarriġ juri li 9% biss tal-apprendistati jitwettqu f'pajjiż barrani.

Studju dwar l-apprendistati fl-Istati Membri kollha tal-UE ġie ppubblikat mill-Kummissjoni f’Lulju tal-2012. Dan jirrakkomanda li l-apprendistati joffru aktar garanziji f'dawk li huma kwalità u perspettivi għaż-żgħżagħ, u għandhom iwieġbu b'mod aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol (ara IP/12/731).

Għal aktar tagħrif

Aħbar fuq is-sit ta' DĠ Impjiegi

L-Ewrobarometru "L-esperjenza tal-apprendistati fl-UE"

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq it-Twitter

Abbona fl-email bla ħlas tal-Kummissjoni Ewropea: newsletter on employment, social affairs and inclusion

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website