Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Iċ-Ċittadinanza Ewropea: Il-konoxxenza dwar id-drittijiet garantiti tal-UE qed tiżdied iżda n-nies iridu jkunu informati iktar

Commission Européenne - IP/13/119   19/02/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Frar 2013

Iċ-Ċittadinanza Ewropea: Il-konoxxenza dwar id-drittijiet garantiti tal-UE qed tiżdied iżda n-nies iridu jkunu informati iktar

Għoxrin sena wara t-twelid taċ-ċittadinanza tal-UE, l-Ewropej huma fil-biċċa l-kbira konxji mid-drittijiet tagħhom, iżda mhux dejjem jafu dawn x'jinvolvu, skont stħarriġ ġdid tal-Eurobarometer ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea. 81% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ jafu li huma ċittadini tal-UE minbarra n-nazzjonalità tagħhom (ara l-Anness). Madanakollu, 36% biss iħossuhom infurmati sew dwar id-drittijiet li ċ-ċittadinanza tal-UE tinvolvi. L-Ewropej huma l-aktar familjari mad-drittijiet tagħhom ta' moviment ħieles (88%) u d-dritt ta’ petizzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE (89%). Sadanittant żewġ terzi (67%) jikkunsidraw li l-moviment ħieles tan-nies fl-UE jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi għal pajjiżhom.

l-Istħarriġ ħareġ hekk kif illum l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom seduta konġunta biex jiddikutu d-drittijiet Ewropej. Id-diskussjonijiet notevolment se jipprovdu ispirazzjoni għar-Rapport li jmiss tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċittadinanaza Ewropea, li għandu l-għan li jitratta l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini Ewropej meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Ir-rapport - mistenni għat-8 ta’ Mejju- se jispjega serje ta’ inizjattivi biex jgħinu sabiex dawn id-drittijiet isiru realta, bħala parti mis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013. Huwa jagħti wkoll ħarsa lejn il-25 azzjoni mħabbra fl-Ewwel Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE fl-2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525) u jara x'inhuma l-ostakoli għaċ-ċittadini tal-UE li tneħħew matul l-aħħar tliet snin.

Il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza qalet: L-Ewropej jagħtu importanza lid-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE u huma iktar minn qatt qabel konxi dwarhom. Madanakollu, għad baqa’ ħafna x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu liċ-ċittadini jużaw id-drittijiet tagħhom u biex ninvolvu b’mod aħjar lin-nies fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Jien se nipparteċipa fi djalogi taċ-Ċittadini madwar l-Unjoni matul din is-sena li hija s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini. Irrid nisma’ dwar dak li jħasseb liċ-ċittadini u l-ideat tagħhom dwar id-drittijiet tagħhom. Nixtieq nisma’ kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni u kif iċ-ċittadini jaraw il-futur tal-Ewropa. L-Ewropa ma tistax tinbena mingħajr il-kontribut dirett tal-Ewropej. Għalhekk, qegħdin inbiddlu mill-qiegħ il-mod kif il-politiki Ewropej isiru biex nagħtu liċ-ċittadini sehem dirett."

L-istħarriġ tal-Eurobarameter dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea staqsa lill-Ewropej dwar l-istatus u d-drittijiet tagħhom ta' ċittadini tal-UE. B’mod ġenerali, dawk li wieġbu kienu konxji mill-biċċa l-kbira tad-drittijiet tagħhom taċ-ċittadinanza tal-UE, inkluż id-dritt ta’ petizzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE (89%), il-moviment ħieles (88%), in-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità (82%), protezzjoni konsulari (79%) u parteċipazzjoni fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini (73%). Madwar terz ta’ dawk li wieġbu (36%) ħassew li kienu infurmati sew dwar dawn id-drittijiet – dan żdied b’5 punti perċentwali meta mqabbel mal-2007. Madanakollu, 24% biss jikkunsidraw ruħhom infurmati sew dwar x’għandhom jagħmlu jekk id-drittijiet tagħhom tal-UE ma jkunux irrispettati.

Fir-rigward tad-drittijiet ta’ moviment ħieles, maġġoranza assoluta fis-27 Stat Membru tal-UE temmen li dan iġib benefiċċji ekonomiċi għal pajjiżu.

L-isfond

Grazzi għaċ-ċittadinanza tal-UE – li kienet introdotta mit-Trattat ta’ Mastricht fl-1993 u tiċċelebra l-20 sena tagħha din is-sena – in-nazzjonali kollha tal-Istati Membri tal-UE għandhom sett ta’ drittijiet addizzjonali bħala ċittadini tal-UE. Dawn jinkludu d-dritt li jiċċaqalqu u li jgħixu liberament fl-UE, li jivvutaw u li joħorġu għall-elezzjonijiet lokali u Ewropej fil-pajjiż tal-UE li jgħixu fih, id-dritt ta’ protezzjoni konsulari barra minn pajjiżhom bl-istess kundizzjonijiet bħan-nazzjonali meta pajjiżhom ma jkunx rappreżentat u d-drtitt ta’ petizzjoni lill-Parlament Ewropew, id-dritt li japplikaw lill-Ombudsman Ewropew u jindirizzaw l-istituzzjonijiet tal-UE.

Hemm ħafna drittijiet li joħorġu miċ-ċittadinanaza Ewropea - iżda n-nies mhux dejjem ikunu jafu bihom. Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini tinvolvi li dawn id-drittijiet se jiġu spjegati, u li jkun żgurat li n-nies ikunu jafu bihom u li ma jsibux xkiel biex igawduhom(ara IP/13/2).

Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex tneħħi l-ostakoli li ċ-ċittadini tal-UE għadhom jiffaċċaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum: ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525) ippreżenta fil-qosor 25 azzjoni konkreta biex jagħti liċ-ċittadini tal-UE s-setgħa li jgawdu d-dritt tagħhom għall-moviment ħieles fl-UE. Matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013, il-Kummissjoni se tippubblika t-tieni Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, li se jara x’sar mill-25 azzjoni proposta fl-2010 u jippreżenta azzjonijiet ewlenin ulterjuri għall-futur għat-tneħħija ta' dak kollu li għadu jxekkel liċ-ċittadini milli jgawdu bis-sħiħ drittijiethom bħala ċittadini tal-UE.

Matul l-2013, il-Viċi President Reding u Kummissarji oħrajn tal-UE se jingħaqdu wkoll ma’ politiċi nazzjonali u lokali biex jagħmlu dibattiti maċ-ċittadini mal-Ewropa kollha – biex jisimgħuhom u jwieġbu għall-mistoqsijiet tagħhom. Il-Viċi President Reding diġà għamlet dibattiti f’Cadiz (Spanja), fi Graz (l-Awstrija), f’Dublin (l-Irlanda) u f’Berlin (il-Ġermanja), u l-Kummissarju Andor għamel dibattitu f'Napli (l-Italja). Matul is-sena se jsiru ħafna aktar minn dawn id-dibattiti f’għadd ta' muniċipalitajiet Ewropej. Fihom, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew u f’dak lokali se jiddibattu ma’ ċittadini mill-oqsma kollha tal-ħajja mill-UE kollha kemm hi dwar l-impatti tal-kriżi ekonomika, id-drittjiet taċ-ċittadini tal-UE u l-futur tal-Ewropa. Tista’ ssegwi d-dibattiti kollha hawnhekk: http://ec.europa.eu/european-debate/index_mt.htm.

Biex twitti t-triq għas-Sena Ewropea, bejn id-9 ta’ Mejju u d-9 ta’ Settembru 2012 il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika wiesgħa li fiha staqsiet liċ-ċittadini dwar liema huma l-problemi li jiltaqgħu magħhom fit-tgawdija ta' drittijiethom bħala ċittadini tal-UE (ara IP/12/461). Dawk li wieġbu għamluha ċara li jgħożżu bil-kbir id-drittijiet li għandhom bħala ċittadini tal-UE, l-aktar il-moviment ħieles u d-drittijiet politiċi. Qalu wkoll li jixtiequ jaraw spazju Ewropew reali li fih ikunu jistgħu jgħixu, jaħdmu, jiċċaqilqu, jistudjaw u jixtru mingħajr burokrazija jew diskriminazzjoni. Osservaw ukoll, iżda, li għad fadal mhux ħażin xi jsir. Il-parteċipanti għamlu enfasi fuq diversi problemi, l-aktar dwar ir-rispett lejn id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fil-livell lokali. Dawn huma kwistjonijiet li l-Kummissjoni se tinkludihom fir-Rapport li jmiss dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, li hu ppjanat li jsir matul l-2013. Ara r-riżultati hawnhekk: http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Il-Kummissjoni Ewropea – Iċ-Ċittadinanza tal-UE

http://ec.europa.eu/justice/citizen/index_mt.htm

L-Eurobarometer - Iċ-Ċittadinanza tal-UE

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_374_361_en.htm#365

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini:

http://europa.eu/citizens-2013/mt/home

Dibattiti maċ-ċittadini dwar il-Futur tal-Ewropa:

http://ec.europa.eu/european-debate/index_mt.htm

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNESS

1. Maġġoranza dejjem tikber (81%) taċ-ċittadini jafu li huma “ċittadini tal-UE”

Evoluzzjoni mas-snin:

2. ... iżda 36% biss jafu liema drittijiet huma marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE:

3. Id-dritt li jressqu lment mal-istituzzjonijiet tal-UE u d-dritt għall-moviment ħieles huma l-iktar drittijiet popolari taċ-ċittadini tal-UE

4. Maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE jirrikonoxxu l-Benefiċċji Ekonomiċi tal-Moviment Ħieles fl-Unjoni Ewropea


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site