Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Diċembru 2013

Segwitu għal Lampedusa: azzjonijiet konkreti biex jipprevjenu t-telf ta' ħajja fil-Mediterran u jindirizzaw aħjar il-flussi migratorji u tal-ażil

It-traġedja f’Lampedusa, waħda mill-ħafna li rat l-Ewropa f’dawn l-aħħar snin, qanqlet sejħa għall-azzjoni bla preċedenti mill-mexxejja u ċ-ċittadini tal-UE. Illum il-Kummissjoni qed tipproponi modi biex tiżdied is-solidarjetà u l-appoġġ reċiproku għall-prevenzjoni tal-mewt tal-migranti fil-Mediterran.

L-azzjonijiet proposti huma r-riżultat tal-ħidma mwettqa mit-Task Force għall-Mediterran ippreseduta mill-Kummissjoni, bil-għan li jissaħħu l-politiki tal-UE u l-għodod fil-medda qasira sa medja taż-żmien.

“Xahrejn ilu, it-traġedja f’Lampedusa qanqlet reazzjoni mifruxa u emozzjonali ħafna madwar l-Ewropa — sensiela ta’ sejħiet għal azzjonijiet biex jiġu evitati tali diżastri fil-ġejjieni. Għandi fiduċja li dan l-impetu ma għebx. Illum qed nipproponu miżuri u proposti għal rispons tassew Ewropew li jista' jagħmel differenza. Nappella lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ minn din l-opportunità unika biex juru li l-UE hija mibnija fuq is-solidarjetà u l-appoġġ konkret. Issa l-waqt li naġixxu," qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

It-Task Force identifikat azzjonijiet konkreti f’ħames oqsma ewlenin:

  • Is-sorveljanza tal-fruntieri biex tgħin issalva l-ħajjiet

L-Ewropa trid tkun kapaċi tipprovdi l-assistenza lil dawk fil-bżonn billi ttejjeb l-operazzjonijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri tagħha u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tinduna bid-dgħajjes fil-Mediterran.

Kunċett ġdid sabiex jintlaħaq dan l-għan ġie ppreżentat mill-Frontex lit-Task Force. Dan jimmira għat-tisħiħ tas-sorveljanza mill-ajru u dik marittima u l-kapaċità ta’ salvataġġ biex b’hekk jiġu salvati l-ħajjiet tal-immigranti f’diffikultà fuq il-baħar fit-tliet operazzjonijiet ikkoordinati mill-Frontex li qed isiru fil-Greċja u fl-Italja.

L-isforzi ta’ sorveljanza tal-fruntieri nazzjonali se jkunu kkoordinati bis-sħiħ mal-operazzjonijiet li jsiru mill-Frontex li huma parti min-Netwerk Ewropew tal-Patrols li jeżisti diġà. Skont l-istimi tal-Frontex, l-użu ta' assi addizzjonali se jammonta għal EUR 14-il miljun fl-2014.

Is-Sistema ta' Sorveljanza tal-Fruntieri Ewropej li saret operattiva reċentement (EUROSUR) hija parti minn dawn l-isforzi (IP/13/1182 u MEMO/13/1070). Billi tipprovdi stampa aħjar ta’ x’qed jiġri fuq il-baħar, din se ssaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fi ħdan u bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif ukoll mal-Frontex. L-informazzjoni dwar l-inċidenti u l-patrols se tiġi kondiviża mal-ewwel bejn iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Koordinazzjoni stabbiliti ġodda u l-Frontex.

Il-kaptani tal-vapuri u l-bastimenti tal-merkanzija għandhom ikunu żgurati darba għal dejjem li jekk jgħinu l-immigranti f’diffikultà mhumiex se jeħlu sanzjonijiet tal-ebda tip u li se jkunu disponibbli punti ta' żbarkar veloċi u mingħajr periklu. Għandu jkun ċar li, sakemm ikunu qed jaġixxu bi skop tajjeb, dawn mhu se jiffaċċaw l-ebda konsegwenzi legali negattivi minħabba li jkunu pprovdew tali assistenza.

2) L-assistenza u s-solidarjetà

Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jkollhom sistemi effiċjenti fis-seħħ tal-ażil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, dawk li għandhom pressjoni migratorja għolja jeħtieġu appoġġ partikolari. Għandhom ikunu disponibbli għodod ġodda.

Rigward l-appoġġ finanzjarju, b’mod ġenerali l-Kummissjoni qed twarrab finanzjament (li jinkludi finanzjament ta’ emerġenza) ta' mhux aktar minn EUR 50 miljun. Bħala sostenn għall-Italja ġew imwarrba EUR 30 miljun, inkluż għall-operazzjonijiet ta' sorveljanza tal-fruntieri taħt il-mandat tal-Frontex. Għal Stati Membri oħrajn, ġew allokati EUR 20 miljun sabiex titjieb, fost oħrajn, il-kapaċità ta' akkoljenza, il-kapaċità ta' pproċessar, il-kapaċità ta' screening u ta' reġistrazzjoni.

Ġew żviluppati għodod ġodda ewlenin bħall-“ipproċessar appoġġat ” tal-applikazzjonijiet għall-ażil, fejn se jkunu disponibbli uffiċjali tal-Istati Membri għall-pajjiżi l-iżjed milqutin sabiex jgħinu bl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil b’mod effiċjenti u effettiv. L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) se jkun fil-qalba ta’ dan l-isforz u attur ewlieni sabiex jidderieġi s-solidarjetà tal-Istati Membri lejn pajjiżi li huma taħt pressjoni sinifikanti.

3) Il-ġlieda kontra t-traffikar, il-kuntrabandu u l-kriminalità organizzata

Il-kooperazzjoni prattika u l-iskambju ta’ informazzjoni għandhom jiġu rinfurzati, inkluż ma’ pajjiżi terzi.

L-inizjattivi jinkludu: - li l-Europol tingħata rwol aktar b’saħħtu u aktar riżorsi biex tikkoordina aġenziji oħrajn tal-UE li jaħdmu fil-qasam tal-kuntrabandu tal-bnedmin u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; — ir-reviżjoni tal-liġi tal-UE eżistenti dwar il-kuntrabandu tal-bnedmin, l-hekk imsejjaħ “pakkett tal-faċilitaturi” permezz tar-rikonċiljazzjoni tal-ġlieda effettiva kontra l-kuntrabandu mal-ħtieġa li tkun evitata l-kriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja; — jingħata iktar appoġġ lil programmi ta’ bini tal-kapaċità biex jindirizzaw il-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin fl-Afrika ta’ Fuq, pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u pajjiżi tal-ewwel ażil (ukoll permezz ta’ taħriġ għall-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura).

L-istimi tal-Europol jindikaw li sabiex jitjiebu l-azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kuntrabandu, se jkun hemm bżonn ta' riżorsi addizzjonali ta' sa EUR 400,000 fis-sena.

4) Il-protezzjoni reġjonali, ir-risistemazzjoni u modi legali kif tikseb aċċess għall-Ewropa

Ir-risistemazzjoni hija qasam fejn l-Istati Membri jistgħu jaħdmu aktar biex jiżguraw li dawk li jeħtieġu l-protezzjoni jaslu b’mod sikur lejn l-UE. Fl-2012, 4,930 persuna ġew risistemati fl-Unjoni minn 12-il Stat Membru (ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit). L-Istati Uniti, fl-istess sena, risistemaw 'il fuq minn 50,000 persuna.

Kieku l-Istati Membri kollha jkunu involuti f’eżerċizzji ta’ risistemazzjoni u jagħmlu disponibbli numru proporzjonat ta’ postijiet, l-UE tkun tista' tirrisistema eluf ta' nies aktar mill-kampijiet tar-refuġjati. Sabiex tiġi stimulata r-risistemazzjoni, se jkun disponibbli finanzjament futur tal-UE għall-2014/2020 biex jappoġġa sforzi u impenji addizzjonali f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha tagħmel disponibbli somma sħiħa ta' sa EUR 6,000 għal kull refuġjat risistemat.

Il-Kummissjoni hija lesta li tkompli tesplora l-possibilitajiet għal entrati protetti fl-UE, li jistgħu jippermettu liċ-ċittadini mhux tal-UE li jiksbu aċċess għall-proċedura ta’ ażil minn barra l-UE, mingħajr ma jagħmlu vjaġġi diffiċli biex jilħqu l-Ewropa. Dan se jiġi rfinat aktar fix-xhur li ġejjin, partikolarment fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-futur tal-politiki tal-Affarijiet Interni.

Sabiex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' protezzjoni fir-reġjuni ta’ oriġini ta' ħafna mir-refuġjati, il-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali eżistenti għandhom jissaħħu u jitkabbru. B’mod partikolari, Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali aktar b’saħħtu għall-Afrika ta’ Fuq (il-Libja, it-Tuneżija u l-Eġittu) jeħtieġ li jkun miżjud mal-Programm il-ġdid ta' Protezzjoni u Żvilupp Reġjonali għas-Sirja. Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali ġodda għandhom ikopru fil-futur pajjiżi ewlenin oħra tar-reġjun ta’ Sahel.

L-UE u l-Istati Membri għandhom ifittxu li jiftħu mezzi legali ġodda għall-aċċess għall-Ewropa: id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġonali (MEMO/13/941) għandha tiġi implimentata kompletament; il-Kummissjoni tittama li l-koleġiżlaturi jistgħu jaqblu malajr dwar il-proposta tagħha għal Direttiva li tagħmilha eħfef u aktar attraenti għal studenti, riċerkaturi u gruppi oħra li mhumiex ċittadini tal-UE li jidħlu u jibqgħu fl-UE b'mod temporanju (IP/13/275 u MEMO/13/281).

5) L-azzjonijiet dwar kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni Ewropea għadha kif ikkonkludiet in-negozjati għal ftehimiet ta’ Sħubija ta' Mobbiltà mat-Tuneżija u l-Azerbajġan. Dawn il-ftehimiet dalwaqt se jiżdiedu uffiċjalment mal-ħamsa diġà fis-seħħ mal-Kap Verde, il-Moldova, il-Ġeorġja, l-Armenja u l-Marokk. Is-Sħubijiet ta’ Mobbiltà jippermettu li jiġu identifikati aktar kanali għall-migrazzjoni regolari u biex jiġu megħjuna dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom li joffru protezzjoni fir-reġjun u sabiex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fit-territorju tagħhom. Fl-istess ħin dawn jippermettu li tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kuntrabandisti u t-traffikanti li jisfruttaw il-migranti.

L-azzjoni diplomatika se tkun immirata lejn il-kisba ta’ iktar riżultati fid-djalogi dwar il-mobbiltà tagħna ma’ pajjiżi terzi. Pereżempju, Djalogi ġodda dwar il-migrazzjoni, il-mobbiltà u s-sigurtà għandhom jitnedew mal-pajjiżi addizzjonali tan-Nofsinhar tal-Mediterran, b'mod partikolari mal-Eġittu, il-Libja, l-Alġerija u l-Libanu.

Inizjattivi diplomatiċi u politiċi oħra għandhom jimmiraw li jiżguraw il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi ta’ tranżitu u dawk ta’ oriġini sabiex jiżżarmaw in-netwerks ta’ traffikar, jiġi miġġieled il-kuntrabandu, u dwar ir-riammissjoni ta’ migranti irregolari.

Il-kampanji ta’ informazzjoni jistgħu jgħinu biex jitqajjem għarfien dwar ir-riskji ta’ kanali irregolari ta’ migrazzjoni u t-theddid maħluq mill-kuntrabandisti u t-traffikanti, kif ukoll jipprovdu informazzjoni dwar il-kanali disponibbli għall-migrazzjoni legali.

Il-ħidma tat-task force

Fil-Kunsill tal-ĠAI ta’ Ottubru, l-Istati Membri qablu li jwaqqfu task force immexxija mill-Kummissjoni (id-DĠ Affarijiet Interni). It-twaqqif tagħha ntlaqa' fil-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru.

It-Task Force iltaqgħet fl-24 ta' Ottubru u fl-20 ta' Novembru. L-Istati Membri kollha ħadu sehem f'dawk il-laqgħat flimkien mal-Frontex u aġenziji oħra tal-UE (l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Ażil, il-Europol, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima), kif ukoll is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Entitajiet oħra ġew ikkonsultati mit-Task Force, inklużi l-Pajjiżi Assoċjati, l-UNHCR, l-IOM, l-ICMPD, iċ-Ċentru tal-Politika tal-Migrazzjoni, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-UNODC, u l-Interpol.

Xi jmiss?

Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Ministri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fil-5 u fis-6 ta’ Diċembru, għal aktar diskussjoni u approvazzjoni waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru.

Inizjattivi aktar fit-tul se jkunu wkoll parti mir-riflessjonijiet fil-kuntest tal-Programm ta’ wara Stokkolma li se jħares lejn l-isfidi u l-prijoritajiet tal-politiki għall-Affarijiet Interni fis-snin li ġejjin.

Links Utli

Il-Komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force tal-Mediterran

MEMO/13/862: L-Azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ dwar l-Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ dwar l-Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website