Navigation path

Left navigation

Additional tools

Lejn użu aħjar tar-Riżorsi Ġenetiċi tagħna

European Commission - IP/13/1185   29/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta' Novembru 2013

Lejn użu aħjar tar-Riżorsi Ġenetiċi tagħna

Illum il-Kummissjoni Ewropea ippubblikat Rapport dwar "Ir-Riżorsi Ġenetiċi Agrikoli — mill-konservazzjoni sal-użu sostenibbli" li jiddeskrivi l-għanijiet tal-Kummissjoni għall-perjodu sal-2020. Filwaqt li kwistjonijiet ta’ konservazzjoni u l-waqfien mit-telf tal-bijodiversità fl-agrikoltura jibqgħu element ċentrali, ir-rapport jisħaq fuq il-ħtieġa għal bidla fir-raġunament b’enfasi akbar fuq żieda fl-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi bħal razez tradizzjonali jew razez ta’ annimali jew pjanti fil-periklu. Ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ieħor, li jirrapporta dwar il-programmi eżistenti, kif mitlub li jsir sal-aħħar tal-2013 skont ir-regolament attwali.

Waqt li llum kien qed jikkumenta dwar ir-rapport tal-Kummissjoni, il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali Dacian Cioloş qal: "Huwa ferm importanti li azzjonijiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi jmorru lil hinn mill-konservazzjoni. Il-materjal ġenetiku joffri riżorsi kbar ħafna mhux biss f’termini ta’ benefiċċji ekonomiċi, iżda wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed niffaċċjaw bħat-tibdil fil-klima, ir-reżistenza tal-pjanti għall-pesti, il-produttività, il-ħtiġijiet varji tal-konsumaturi, u l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali. Għandna nivvalorizzaw kemm jista' jkun possibbli d-diversità ta’ materjali ġenetiċi għad-dispożizzjoni tagħna”.

Din il-bidla fl-approċċ tidher fiż-żieda fl-għodod li jappoġġjaw l-isforzi għal użu aħjar tar-riżorsi ġenetiċi, sabiex sal-2020 ikun hemm disponibbli riżorsi finanzjarji akbar u firxa usa' ta' opportunitajiet ta' finanzjament. Mill-2014, diversi strumenti u għodod ta' politika tal-UE se jitlaqqgħu flimkien b'mod koerenti u komplimentari biex jappoġġjaw dan il-għan, skont il-miżuri ta' żvilupp rurali tal-Politika Agrikola Komuni u skont il-Qafas għall-Innovazzjoni u r-Riċerka "Orizzont 2020", u b'hekk jagħtu lok għal aktar opportunitajiet għall-investiment, il-kollaborazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki.

L-iżvilupp rurali jipprevedi firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet, inkluż it-trobbija u l-użu ta’ razez lokali tradizzjonali tal-annimali tar-razzett fil-periklu, pjanti u żrieragħ. Miżuri ta’ żvilupp rurali jistgħu jgħinu wkoll biex jintegraw l-użu sostenibbli ta’ riżorsi ġenetiċi agrikoli fil-katina alimentari. Dan jirriżulta f'aktar valur miżjud għal żoni rurali u s-settur agroalimentari, hekk kif is-swieq u l-prodotti jsiru aktar diversi.

Sabiex iwessgħu l-bażi tal-għarfien dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi ġenetiċi, dawn il-kwistjonijiet se jkunu integrati fi programm ta’ ħidma komprensiv stabbilit taħt "Orizzont 2020".

L-interazzjoni neċessarja bejn ir-riċerka u l-prattika se titrawwem permezz tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà Agrikola” stabbilita biex titqajjem kuxjenza, jiġu mmobilizzati l-partijiet interessati u titħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-kooperazzjoni, ukoll f’dan il-qasam.

Sabiex il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi jkunu suċċess jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet fil-livelli kollha; jiġifieri fil-livell tal-UE, tal-Istat Membru u dak reġjonali. Hemm bżonn ukoll ta' impenn qawwi mill-partijiet interessati rilevanti. Dawn l-isforzi konġunti se jipprovdu kontribuzzjoni konsiderevoli biex tittejjeb is-sostenibilità u l-vijabbiltà ekonomika madwar sistemi agrikoli differenti u fil-katina alimentari kollha kemm hi, kif ukoll kontribuzzjoni fundamentali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Informazzjoni addizzjonali

Għal aktar informazzjoni, ara http://ec.europa.eu/agriculture/genetic-resources/index_en.htm

Kuntatti:

Fanny Dabertrand (+32 2 299 06 25)

Roger Waite (+32 2 296 14 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website