Navigation path

Left navigation

Additional tools

Titnieda l-EUROSUR: għodod ġodda għas-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti u l-prevenzjoni tal-kriminalità fil-fruntieri tal-UE

European Commission - IP/13/1182   29/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Brussell, id-29 ta' Novembru 2013

Titnieda l-EUROSUR: għodod ġodda għas-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti u l-prevenzjoni tal-kriminalità fil-fruntieri tal-UE

Fit-2 ta' Diċembru, se tibda titħaddem is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR). L-EUROSUR se tkun ta' kontribut importanti biex tiġi mħarsa l-ħajja ta’ dawk li jqiegħdu lilhom infushom f’periklu biex jilħqu x-xtut tal-Ewropa. Se tgħammar lill-UE u l-Istati Membri tagħha b'għodod aħjar biex jipprevjenu reati transkonfinali, bħat-traffikar tal-bnedmin jew it-traffikar tad-drogi, filwaqt li fl-istess ħin jidentifikaw u jipprovdu assistenza lil migranti f’diffikultà li jkunu qegħdin f'dgħajjes żgħar b'konformità sħiħa mal-obbligi Ewropej u internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement.

"Nilqa' t-tnedija tal-EUROSUR. Is-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti li jivvjaġġaw f'bastimenti ffullati wisq u li mhux tajbin għall-baħar sabiex jiġu evitati aktar traġedji fil-Mediterran u wkoll sabiex jitwaqqfu d-dgħajjes ta’ veloċità li jkunu qed iġorru d-droga, huwa rispons verament Ewropew. Dawn l-inizjattivi kollha huma dipendenti ħafna fuq l-iskambju tal-informazzjoni f'waqtu u l-isforzi kkoordinati bejn l-aġenziji nazzjonali u Ewropej. L-EUROSUR jipprovdi dak il-qafas, b'rispett sħiħ tal-obbligi internazzjonali," qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

L-EUROSUR se tkun operattiva fi tletin pajjiż b'kollox. F'din l-ewwel fażi, se tkun operattiva fi dsatax-il pajjiż, it-tmintax-il Stat Membru tal-UE fil-fruntieri esterni tan-Nofsinhar u tal-Lvant u l-pajjiż assoċjat ta' Schengen, in-Norveġja. Mill-1 ta' Diċembru 2014, it-tmien Stati Membri tal-UE li jifdal u t-tliet pajjiżi assoċjati ta' Schengen se jissieħbu mal-EUROSUR, l-Irlanda u r-Renju Unit ma jieħdux sehem fil-kooperazzjoni ta' Schengen u għalhekk lanqas fl-EUROSUR.

Il-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u r-rispons konġunt bejn l-aġenziji

Il-bażi tal-EUROSUR hija magħmula minn “ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni”, li permezz tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali kollha responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri (eż. il-gwardja tal-fruntiera, il-pulizija, il-gwardja kostali, il-forza navali) huma obbligati li jikkoperaw u jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom. Informazzjoni dwar inċidenti li jseħħu fi fruntieri esterni fuq l-art u fuq il-baħar, l-istatus u l-pożizzjoni tal-pattulji kif ukoll ir-rapporti analitiċi u d-dejta qed jiġu skambjati permezz ta’ 'stampi tas-sitwazzjoni nazzjonali' fost dawn l-awtoritajiet nazzjonali.

Din il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jirreaġixxu aktar malajr għal kwalunkwe inċident li jikkonċerna l-migrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali jew li jkun marbut mar-riskju għall-ħajja ta’ migranti.

L-aġenzija tal-fruntieri tal-UE Frontex għandha sehem importanti biex iġġib flimkien u tanalizza l-informazzjoni dwar l-“istampa tas-sitwazzjoni Ewropea’ miġbura mill-Istati Membri, u b’hekk tidentifika r-rotot li qed jinbidlu jew metodi ġodda użati min-netwerks kriminali. Din l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea fiha wkoll informazzjoni miġbura matul operazzjonijiet konġunti tal-Frontex u dwar iż-żona prefruntiera. Barra minn hekk, il-Frontex tappoġġja l-Istati Membri biex jiġu skoperti bastimenti żgħar billi tikkoopera mill-qrib ma’ aġenziji oħra tal-UE, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u ċ-Ċentru Satellitari tal-UE.

L-EUROSUR tippermetti lill-Istati Membri biex jirreaġixxu aktar malajr mhux biss għal inċidenti uniċi, iżda wkoll għal sitwazzjonijiet kritiċi li jseħħu fil-fruntieri esterni. Għal dan l-għan, il-fruntieri esterni fuq l-art u fuq il-baħar ġew maqsuma f’ 'sezzjonijiet tal-fruntiera' u qed jiġi attribwit 'livell tal-impatt' baxx, medju jew għoli lil kull waħda minnhom, simili għad-dawl tat-traffiku. Dan l-approċċ jippermetti l-identifikazzjoni ta' postijiet kruċjali fil-fruntieri esterni, b’reazzjoni standardizzata fil-livell nazzjonali, u jekk meħtieġ, fil-livell Ewropew.

Saret enfasi speċjali biex tiġi żgurata l-konformità mad-drittijiet fundamentali u l-obbligi skont il-liġi internazzjonali. Pereżempju, trid tingħata prijorità lil persuni vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, il-minorenni mhux akkumpanjati jew persuni li jkollhom bżonn urġenti ta’ assistenza medika. Ir-Regolament EUROSUR jistipula b’mod ċar li jeħtieġ li l-Istati Membri u l-Frontex jikkonformaw b'mod sħiħ mal-prinċipji ta’ non-refoulement u d-dinjità tal-bniedem meta jittrattaw persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Peress li l-iskambju ta’ informazzjoni fl-EUROSUR huwa ristrett għal informazzjoni operattiva, bħal-lokazzjoni ta’ inċidenti u pattulji, il-possibbiltà li tiġi skambjata dejta personali hija limitata ħafna.

Links utli

MEMO/13/1070

Infografiċi fuq l-EUROSUR

Materjal awdjoviżiv fuq l-EUROSUR:

Link għall-Vidjo

Link għar-Ritratti

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ dwar l-Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ dwar l-Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website