Navigation path

Left navigation

Additional tools

Evropska komisija

sporočilo za medije

Bruselj, 29 november 2013

Ir-rapport annwali juri li r-Reġistru tat-Trasparenza jikber b'10 % b'aktar spezzjonijiet tal-kwalità minn qatt qabel

L-aħħar rapport annwali dwar il-Parlament Ewropew u r-Reġistru tat-Trasparenza komuni tal-Kummissjoni Ewropea juri li rreġistraw aktar rappreżentanti ta' gruppi ta' interess minn qatt qabel. S'issa ffirmaw kważi 6,000 organizzazzjoni - żieda ta' 10 % skont ir-rapport tas-sena li għaddiet. Studju akkademiku riċenti msemmi fir-rapport jissuġġerixxi li dan issa jkopri 60-75 % tal-atturi kollha bbażati fi Brussell. Sadattant, saru ħafna aktar minn 1,000 spezzjoni tal-kwalità, billi ħadu vantaġġ minn proċeduri iqsar u għodod tal-IT ġodda, li ġew introdotti din is-sena sabiex tiżdied l-effiċjenza. 783 minn dawn ġew segwiti sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni tar-Reġistru.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni, Maroš Šefčovič, qal: "B'dan ir-Reġistru tat-Trasparenza, l-istituzzjonijiet tal-UE involuti ngħaqdu ma' għadd żgħir ta' pajjiżi, li qegħdin fuq quddiem nett u minn tal-ewwel fl-isforzi tagħhom sabiex jiġu rregolati r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess. Fost dawn il-pajjiżi, ir-Reġistru tagħna japplika għall-aktar kundizzjonijiet wiesgħa. Ninsab kburi ferm bil-prestazzjoni tagħna sa issa u determinat li nistgħu nibnu fuq dan is-suċċess permezz ta’ aktar titjib bħal dan deskritt f’dan ir-rapport annwali."

Il-Viċi President tal-PE Rainer Wieland qal: "Naprezza ħafna l-progress li sar matul is-sena li għaddiet. Ir-Reġistru tat-Trasparenza Komuni huwa uniku b’kopertura wiesgħa ta' rappreżentanti ta' gruppi ta’ interess rilevanti u jipprovdi kundizzjonijiet ekwi għat-tipi kollha ta’ atturi. Nilqa’ partikolarment id-djalogu kontinwu mal-partijiet interessati rilevanti kollha u l-involviment tal-pubbliku ġenerali, li jagħtina appoġġ siewi fl-isforzi tagħna biex intejbu aktar il-kopertura u l-funzjonament tar-reġistru fil-ġejjieni."

Ir-rapport annwali, minbarra li jippreżenta l-istatistika, jiddeskrivi wkoll l-attivitajiet tas-Segretarjat Komuni tar-Reġistru ta' Trasparenza (JTRS) tas-sena li għaddiet. Dawn jinkludu t-tħejjija tat-tielet edizzjoni ta’ linji gwida għall-utenti, il-ġestjoni tal-ilmenti u t-twissijiet, il-promozzjoni għall-entitajiet mhux reġistrati sabiex jirreġistraw, l-informazzjoni esterna u l-isforzi ta’ komunikazzjoni, li jipprovdu sessjonijiet ta' ħidma għall-assistenti tal-Membri tal-PE u l-persunal tal-Kummissjoni, l-involviment tal-Kunsill fil-livell ta’ osservatur biex jiddiskuti l-parteċipazzjoni possibbli tiegħu fl-iskema, il-kuntatt ma’ riċerkaturi, akkademiċi u esperti, kif ukoll uffiċjali nazzjonali responsabbli minn sistemi simili, għal analiżi komparattiva u l-aħjar prattika.

Ir-rapport isemmi wkoll ir-rieżami tar-Reġistru, li għadu għaddej. Il-kwistjonijiet ewlenin li qed jiġu studjati jinkludu l-kwalità tal-kontenut, l-infurzar aktar strett tal-konformità mar-regoli, iż-żieda kontinwa tal-għadd ta’ reġistrazzjonijiet permezz ta’ aktar sforzi ta’ informazzjoni u l-komunikazzjoni esterna, aktar kjarifiki u linji gwida, l-introduzzjoni ta’ benefiċċji addizzjonali u inċentivi għar-reġistranti, in-natura tar-reġistrazzjoni "volontarja" meta mqabbla ma' dik "obbligatorja" u l-possibbiltà li tiġi prevista formula ad hoc, derogattiva u eċċezzjonali għal-liġi u d-ditti ta' konsulenza li jitolbu l-ħtieġa għall-kunfidenzjalità tal-klijent.

B’ħarsa ’l quddiem, bit-tkabbir kontinwu fl-għadd ta’ reġistranti, ir-rapport juri li għandhom isiru sforzi sabiex wieħed jiffoka fuq it-titjib tal-kwalità tal-kontenut tad-dejta u jkabbar l-għarfien dwar din l-għodda. Minħabba li dalwaqt isiru l-elezzjonijiet Ewropej, se jkun ukoll meħtieġ li tiġi provduta informazzjoni dwar l-iskema lill-persunal u l-Membri l-ġodda fil-Parlament Ewropew. L-isforzi għandhom ikomplu jinkoraġġixxu wkoll korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-UE biex jużaw l-iskema.

Sfond

Sa mill-31 ta' Ottubru 2013 kien hemm 5,952 reġistrant fir-Reġistru tat-Trasparenza. Kważi nofshom (49.93 %) irreġistraw fil-Kategorija II (lobbisti interni u assoċjazzjonijiet kummerċjali/professjonali) u madwar 26 % fil-Kategorija III (NGOs). Stima konservattiva tindika medja ta' ħames persuni huma rappreżentati minn kull reġistrant, li jfisser li aktar minn 30,000 rappreżentant ta' gruppi ta' interess ntrabtu bil-Kodiċi ta’ Kondotta stretta tar-Reġistru.

Skeda

  • Fit-23 ta' Ġunju 2011 ġie ffirmat il-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) bejn il-PE u l-Kummissjoni dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza komuni fis-sessjoni plenarja tal-PE mill-President tal-PE, Jerzy Buzek u l-Viċi President tal-Kummissjoni, Maroš Šefčovič. Dan nieda r-Reġistru tat-Trasparenza.

  • Fl-1 ta' Lulju 2011: il-JTRS beda x-xogħol tiegħu - format ta' ħidma ġdida u innovattiva fl-istituzzjonijiet tal-UE, li jikkonsisti minn persunal ta' żewġ istituzzjonijiet separati.

  • F'Marzu 2012: ingħata aċċess għas-sistema elettronika l-ġdida biex jintalab akkreditament tal-PE permezz tar-Reġistru. Din issostitwixxiet it-talba tal-akkreditament preċedenti bbażata fuq il-karta u tiżgura li dawk biss li huma reġistrati jistgħu jitolbu drittijiet tal-aċċess għall-bini tal-PE.

  • Fis-7 ta' Ġunju 2012: osservatur mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill beda jipparteċipa fil-laqgħat ta' kull ġimgħa tal-JTRS.

  • Mit-8 ta' Ġunju sal-31 ta' Awwissu 2012: saret konsultazzjoni pubblika dwar l-operat tar-Reġistru għar-reġistranti u dawk li mhumiex. B’kollox, ħadu sehem 253 persuna u organizzazzjoni.

  • Fit-23 ta' Ġunju 2012: ir-reġistru preċedenti tal-Kummissjoni għar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess (imwaqqaf fl-2008) ingħalaq, wara perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena. Ir-Reġistru tat-Trasparenza ċċelebra l-ewwel anniversarju tiegħu b'5,150 reġistrant.

  • F'Novembru 2012: l-ewwel Rapport Annwali dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza.

  • Lulju 2013: jitnieda rieżami tar-RT (Reġistru tat-Trasparenza), kif previst fil-ftehim interistituzzjonali, wara laqgħat fuq livell Ewropew mal-partijiet interessati u valutazzjoni komparattiva ma’ regolaturi pubbliċi oħra f’forum tal-OECD.

Ir-Reġistru tat-Trasparenza:

http://europa.eu/transparency-register/

Rapport annwali:

http://ec.europa.eu/transparencyregister/info/about-register/reportsAndPublications.do?locale=mt

Kontaktni osebi:

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website