Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi regoli li jgħinu fil-protezzjoni kontra s-serq ta' informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju

European Commission - IP/13/1176   28/11/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta' Novembru 2013

Il-Kummissjoni tipproponi regoli li jgħinu fil-protezzjoni kontra s-serq ta' informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda dwar il-protezzjoni ta’ għarfien mhux żvelat u informazzjoni tan-negozju (sigrieti kummerċjali) mill-akkwiżizzjoni, l-użu u l-iżvelar illeċiti tagħhom.

L-abozz tad-direttiva jintroduċi definizzjoni komuni tas-sigrieti kummerċjali, kif ukoll mezzi li permezz tagħhom vittmi ta’ miżapproprjazzjoni ta' sigriet kummerċjali jistgħu jiksbu rimedju. Dan se jagħmilha aktar faċli għall-qrati nazzjonali li jittrattaw miżapproprjazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju, li jneħħu l-prodotti li jiksru s-sigrieti kummerċjali mis-suq, u jagħmilha iktar faċli għall-vittmi li jirċievu kumpens għad-danni minn azzjonijiet illegali.

Fl-ekonomija tal-għarfien tal-lum, il-kapaċità tal-kumpaniji għall-innovazzjoni u l-kompetizzjoni tista' tkun serjament danneġġata meta informazzjoni kunfidenzjali tkun misruqa jew użata b’mod ħażin. Skont stħarriġ riċenti1, waħda minn kull ħames kumpaniji sofriet għall-anqas tentattiv wieħed biex jinsterqulha sigrieti kummerċjali f’dawn l-aħħar għaxar snin. Skont studju riċenti ieħor2 iċ-ċifri qed jissoktaw jikbru, b'25 % tal-kumpaniji li rrappurtaw serq ta' informazzjoni fl-2013, żieda mit-18 % tal-2012.

Jeżistu differenzi sostanzjali fil-liġijiet fis-seħħ fil-pajjiżi tal-UE dwar il-protezzjoni kontra l-miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali. Xi pajjiżi ma għandhom l-ebda liġijiet speċifiċi dwar il-kwistjoni. In-negozji jsibuha diffiċli biex jifhmu u jkollhom aċċess għas-sistemi ta’ Stati Membri oħra u, kull meta jsiru vittmi ta’ miżapproprjazzjoni ta’ għarfien kunfidenzjali, huma jżommu lura milli jressqu proċedimenti quddiem il-qorti ċivili minħabba li ma jkunux ċerti li l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali tagħhom se tkun rrispettata mill-qrati. Is-sistema frammentata attwali għandha effett negattiv fuq il-kooperazzjoni transfruntiera bejn sħab tan-negozju u tar-riċerka u hija ostaklu prinċipali għall-użu tas-suq uniku tal-UE bħala fattur li jiffaċilita l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: "Iċ-ċiberkriminalità u l-ispjunaġġ industrijali huma sfortunatament parti mir-realtà li qed jiffaċċjaw ta' kuljum in-negozji fl-Ewropa. Jeħtieġ li niżguraw li l-liġijiet tagħna jimxu maż-żminijiet u li l-assi strateġiċi tal-kumpaniji tagħna jkunu adegwatament protetti kontra s-serq u l-użu ħażin tagħhom. Il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali ma tkoprix dan biss. Din il-proposta għandha l-għan li tagħti spinta lill-fiduċja tan-negozji, tal-kreaturi, tar-riċerkaturi u tal-innovaturi fl-innovazzjoni kollaborattiva madwar is-suq intern. Mhux se jibqgħu jiġu dissważi milli jinvestu f’għarfien ġdid mit-theddida li jinsterqulhom is-sigrieti kummerċjali tagħhom. Dan hu pass ieħor 'il quddiem fl-isforzi tal-Kummissjoni biex tfassal qafas ġuridiku li jwassal għall-innovazzjoni u għat-tkabbir intelliġenti.

Il-Viċi President Antonio Tajani żied jgħid li: "Il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali hija partikolarment importanti għal ditti iżgħar u inqas stabbiliti fl-UE. Huma jużaw is-segretezza kummerċjali b'mod iktar intensiv meta mqabbla ma' kumpaniji ikbar – parzjalment minħabba l-kost tal-privattivi u l-protezzjoni kontra l-piraterija. It-telf ta' sigrieti kummerċjali u l-iżvelar ta' invenzjoni ewlenija lill-kompetituri tittraduċi ruħha f'telf katastrofiku fil-valur u fil-prestazzjoni futura ta' SME. Permezz ta' din il-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni se tipproteġi l-għejxien tan-negozji tal-UE u s-sigrieti kummerċjali li huma parti vitali minnhom."

Il-proposta tal-lum għandha l-għan li tagħti lin-negozji livell adegwat ta’ protezzjoni u mezz effikaċi ta’ rimedju jekk jinsterqulhom is-sigrieti kummerċjali tagħhom jew jekk dawn ikunu użati b’mod ħażin. Is-sistema b'saħħitha, ibbilanċjata u armonizzata tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali se tagħti lin-negozji u lir-riċerkaturi ambjent aktar sigur li fih huma jkunu jistgħu joħolqu, jikkondividu u jilliċenzjaw għarfien siewi u teknoloġija minn fruntiera għall-oħra tas-suq uniku. Hija se tiffaċilita wkoll l-involviment ta’ kumpaniji u riċerkaturi minn pajjiżi differenti tal-UE fi proġetti komuni kollaborattivi għall-innovazzjoni u r-riċerka.

Sfond

Permezz tal-inizjattiva emblematika "Unjoni għall-Innovazzjoni" (IP/10/1288), waħda mill-kolonni tal-“Istrateġija tal-UE 2020”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li toħloq ambjent li jiffavorixxi l-innovazzjoni. F'dan il-qafas, il-Kummissjoni adottat strateġija komprensiva biex tiżgura li s-Suq Uniku għall-proprjetà intellettwali jiffunzjona mingħajr intoppi (IP/11/630). Din l-istrateġija testendi wkoll għal oqsma komplementari għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPRs) bħas-sigrieti kummerċjali.

Is-sigrieti kummerċjali (imsejħa wkoll "informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju" jew “informazzjoni mhux żvelata”) huma użati minn kumpaniji ta’ kull daqs fis-setturi ekonomiċi kollha biex jipproteġu firxa wiesgħa ta’ informazzjoni differenti, bħall-proċess tal-manifattura tat-tajers Michelin, ir-riċetta għall-“Pasteis de Belém” (torta Portugiża b'tip ta' krema pastiċċiera), it-teknoloġija u l-għarfien użat fl-inġenju tal-ajru Airbus u l-algoritmu ta’ tiftix ta' Google. Is-sigrieti kummerċjali huma partikolarment importanti għal negozji iżgħar li jonqoshom ir-riżorsi umani u finanzjarji biex ifittxu, jimmaniġġjaw u jinfurzaw portafoll kbir ta' IPRs.

B’differenza għall-invenzjonijiet ibbrevettati jew rumanzi protetti bid-drittijiet tal-awtur, id-detentur ta’ sigrieti kummerċjali, bħalma huma formula, proċess tan-negozju, riċetta jew kunċett ta' kummerċjalizzazzjoni, ma jkunx il-proprjetarju ta’ dritt esklussiv fuq l-invenzjoni tiegħu. Kompetituri u partijiet terzi oħra, għalhekk jistgħu jiskopru, jiżviluppaw u jużaw liberament l-istess formula. Is-sigrieti kummerċjali huma protetti b’mod legali biss f’każijiet fejn xi ħadd jikseb informazzjoni kunfidenzjali b'mezzi illeġittimi (pereżempju permezz ta’ serq jew tixħim).

Is-sigrieti kummerċjali huma għalhekk differenti b’mod sostanzjali minn IPRs, li jagħtu esklusività. Madanakollu, jeħtieġ li jkunu protetti għall-istess raġuni li għaliha jeżistu l-IPRs: biex jinċentivaw l-innovazzjoni billi jiżguraw li l-inventuri jkunu f'pożizzjoni li jiġu ppremjati tal-isforzi tagħhom. Id-Direttiva proposta tikseb dan billi tipprovdi lill-innovaturi b’difiżi kontra prattiki qarrieqa li l-għan tagħhom ikun li tinkiseb illegalment l-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom sabiex jirkbu fuq soluzzjonijiet innovattivi mingħajr ma jġarrbu kwalunkwe investiment assoċjat ma’ riċerka jew dekumpilazzjoni (reverse engineering).

Ara wkoll MEMO/13/1061

Passi li jmiss

Il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni kontra miżapproprjazzjoni ta’ sigrieti kummerċjali se tkun trażmessa lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Parlament Ewropew sabiex tiġi adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/trade_secrets/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website